
Illum il-Knisja tiċċelebra festa li hija differenti minn ħafna oħrajn li jsiru matul is-sena: il-festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran f’Ruma. Din mhix festa ta’ qaddis, jew ta’ misteru partikolari fil-ħajja Nisranija, imma festa ta’ bini antik ħafna u ta’ valur straordinarju. Imma dan mhux biss bini ta’ valur kbir, imma l-Katidral tal-Isqof ta’ Ruma, li hu l-Papa. Din il-knisja hi l-omm u r-ras tal-knejjes kollha f’Ruma u fid-dinja. Fil-fatt, hu dan li għandha miktub il-Bażilka tal-Lateran fuq il-bieb tagħha: “Omm u Ras tal-Knejjes kollha fil-belt u fid-dinja.”
Il-Bażilka tal-Lateran hi, għalhekk l-iktar knisja importanti. Ara kemm hawn knejjes li għandhom titli li jirriflettu storja – bażilka, santwarju – u ġieli numru ta’ titli li jiżdiedu minn żmien għal żmien, imma l-iktar importanti tibqa’ din il-knisja f’Ruma. Id-dedikazzjoni tagħha saret tant snin ilu f’dan il-jum – is-sena li għaddiet kienet l-1,700 sena mid-dedikazzjoni tagħha – u minkejja li tul l-Istorja saru diversi żviluppi u bidliet, baqgħet din il-knisja prinċipali.
Għalhekk l-ewwel messaġġ importanti llum, f’dil-festa, hu r-rabta tagħna mal-Isqof ta’ Ruma, mal-Papa Ljun XIV. Nitolbu għalih, hu li jippresjiedi bl-imħabba l-Knisja universali, u ngħożżu t-tagħlim tiegħu.
Dar għażiża
Ħa nħarsu ftit lejn l-Evanġelju llum, skont San Ġwann, meta Ġesù jidħol fit-tempju ta’ Ġerusalemm u jsibu mimli b’nies li jagħmlu negozju, nies li jbigħu l-barrin, ngħaġ u ħamiem, u jsarrfu l-flus.
Issa dawn ma kinux qed jagħmlu hekk biex jirredikolaw it-tempju, għax kienu hemm biex in-nies ikunu jistgħu jakkwistaw l-offerti għall-qima fit-tempju. Imma li ġralhom kien li qalbu kollox rasu ’l isfel. Insew l-għan prinċipali tat-tempju, li hu l-post tal-qima lil Alla; u għamluh post tan-negozju. Għalhekk Ġesù jgħidilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” (Ġw 2:16) Ried li jfakkarhom, b’mod qawwi u b’ġest profetiku, fis-sens proprju tat-tempju.
Il-messaġġ li jagħti lilna hu li l-knisja – it-tempju tal-lum – hi l-post fejn niġu biex niltaqgħu ma’ Alla. Fil-knisja nsibu lil Ġesù ħaj, il-knisja hi l-post fejn jgħammar Alla. Għalhekk, hi din il-preżenza li tagħti l-ikbar valur lil kull knisja. Din il-preżenza hi l-istess, tkun liema knisja tkun – kemm il-Knisja Parrokkjali tal-Iklin kif ukoll il-Bażilka tal-Lateran. L-omm u r-ras tal-knejjes kollha tfakkarna li f’kull knisja hemm il-preżenza tal-Mulej.
Niġu fil-knisja biex niltaqgħu miegħu, biex nitolbu, nisimgħu l-Kelma tiegħu, nieħdu sehem fl-Ewkaristija, u ninbnew bħala l-Poplu ta’ Alla. Għalhekk għandna dejjem ngħożżu kull knisja fejn niltaqgħu mal-Mulej li hu ħaj.
Ninbnew f’komunità
Ġesù, hu u jnaddaf it-tempju minn kull negozju, jgħid xi ħaġa li dak il-ħin ma fehmuhiex: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlett ijiem nerġa’ ntellgħu” (Ġw 2:19). San Ġwann fl-Evanġelju jgħidilna li kien qiegħed jitkellem “fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu” (Ġw 2:21).
Din hija kelma kbira ħafna: Kristu stess huwa t-tempju veru ta’ Alla, għax fih Alla u l-bniedem jiltaqgħu b’mod perfett. U bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, Kristu jagħmel minna wkoll tempju ħaj: aħna l-ġisem tiegħu, u fih jgħammar l-Ispirtu s-Santu. San Pawl jgħidilna b’mod ċar ħafna: “Intom il-bini ta’ Alla… it-tempju ta’ Alla, u l-Ispirtu tiegħu jgħammar fikom” (1 Kor 3,9.16).
Mela, il-festa tad-dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran tfakkarna li aħna rridu nkunu l-ġebel ħaj li minnu Kristu jibni l-Knisja tiegħu. Tfakkarna li l-knisja hija d-dar ta’ kulħadd, u kull wieħed u waħda minna għandna post, għandna ġebla x’inqiegħdu, għandna sehem x’noffru.
Is-sejħa li jagħmlilna l-Mulej hi biex aħna nagħtu sehemna fil-ħajja tal-komunità, bħal tant nies fil-parroċċa tal-Iklin, biex inkomplu nibnu l-Knisja bħala komunità. Bħalma l-knisja, bħala bini, tinbena ġebla fuq oħra, u l-ġebel flimkien, u hekk issir binja waħda, hekk aħna, meta nagħtu sehemna, inkunu qed ninbnew f’komunità ħajja skont il-qalb ta’ Alla.
Illum, f’din il-quddiesa, qegħdin nirringrazzjaw lil Alla għat-tletin sena tas-saċerdozju ta’ Fr Keith, il-kappillan ta’ din il-komunità parrokkjali. Hu għandu din il-missjoni sabiħa u importanti: li jgħaqqad flimkien il-ħidma għall-bini ta’ komunità fejn Kristu hu “l-pedament” (1 Kor 3:11). Nitolbu għalih biex il-Mulej jgħinu ħalli jkompli jaqdi din il-missjoni b’tant imħabba u b’dedikazzjoni kbira.
Ix-xmara tal-ħajja li tnixxi mit-tempju
Il-festa tad-dedikazzjoni tfakkarna wkoll li aħna lkoll, li bil-magħmudija sirna tempju ta’ Alla, għandna din is-sejħa biex dak li niċċelebraw hawnhekk, fil-knisja, ngħixuh u nwassluh barra l-bibien tal-knisja.
L-ewwel qari mill-Profeta Eżekjel jurina “l-ilma ħiereġ minn taħt l-għatba tas-santwarju” (Eżek 47:1) – xmara ta’ ilma ħaj li toħroġ mit-tempju. L-ilma jmur ’il barra u, kull fejn jgħaddi, iġib il-ħajja – “hemm il-ħajja minn kull fejn tgħaddi x-xmara” (Eżek 47:9). Din ix-xbieha sabiħa tgħallimna ħafna dwar dak li joħroġ mill-knisja. Il-Mulej isejħilna biex aħna nkunu bħal din ix-xmara ta’ ilma ħaj; biex meta noħorġu ’l barra mill-bibien tal-knisja, bix-xhieda ta’ ħajjitna u bil-kelma, inkunu nies li bħall-ilma nġibu l-ħajja, li nwasslu l-ħniena u l-grazzja ta’ Alla, li nagħmlu l-ġid.
Talba
Aħna u niċċelebraw illum din il-festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran, omm u ras tal-knejjes kollha, nitolbu lill-Mulej biex dejjem nibqgħu f’rabta qawwija mal-Isqof ta’ Ruma, il-Papa, li għandu l-kattedra tiegħu f’din il-Bażilka. Nitolbu li l-festa tad-Dedikazzjoni tkompli tgħinna ngħożżu l-knisja bħala d-dar tal-Mulej fejn aħna niltaqgħu miegħu, ninbnew bħala komunità, u fejn nirċievu mingħandu l-enerġija u l-qawwa li neħtieġu ħalli ngħixu l-ħajja Nisranija tagħna b’mod li ġġib il-ħajja u tħalli ħafna ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




