L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Iktar minnhom ilkoll” (Lq 21:3). Dan hu li jgħid Ġesù, fl-Evanġelju llum, fuq l-armla meta nnotaha li tefgħet fit-teżor tat-tempju biċċtejn żgħar tal-flus. U qabel kien ra l-għonja jitfgħu l-flus tagħhom fit-teżor. It-tempju kien bini kbir, u kien hemm parti mit-tempju fejn kien hemm dan it-teżor, u dawk il-pellegrini li kienu jiġu jitolbu fit-tempju kienu jgħaddu hemm, u jagħmlu l-offerta tagħhom li tmur biex iżżomm it-tempju u anke s-saċerdoti li kienu jservu fit-tempju.
Ġesù jgħid “tefgħet iktar minnhom ilkoll”. Imma fil-fatt, li tefgħet kienu biss “biċċtejn żgħar tal-flus” (Lq 21:2). Bħala ammont, dak li tefgħu l-għonja kien ħafna akbar. Il-biċċtejn żgħar tal-flus kienu insinifikanti, ma tantx kienu se jagħmlu differenza meta jgħoddu l-offerti. Żgur li meta Ġesù qal li tefgħet iktar minnhom, skanta lil ħafna nies.
Għaliex Ġesù jgħid li “tefgħet iktar minnhom ilkoll”? Għax Ġesù jara l-qalb. Dak ta’ barra jarah ukoll, il-qoxra ta’ barra, imma ma jimpressjonax ruħu b’dak li jidher minn barra, jew dak li jagħmel ħoss. L-għotja ta’ dawk li kienu għonja kienet aktarx kbira u tagħmel il-ħoss ukoll meta tinżel fil-post fejn kien jiġbor l-offerti. Imma l-biċċtejn żgħar tal-flus ma kinux jagħmlu ħoss u bilkemm jidhru. Imma Ġesù ma jħarisx lejn dak biss li jidher minn barra imma jara l-qalb. U f’din l-armla fqira ra din il-qalb ġeneruża ta’ dil-mara li b’sagrifiċċju kienet qed tagħmel l-offerta tagħha. B’imħabba kbira lejn Alla, u b’sagrifiċċju personali minħabba s-sitwazzjoni tagħha.
X’turina din il-Kelma ta’ Alla għal ħajja tagħna llum? L-ewwel nett: li Alla jara l-qalb. Bħalma hemm fis-Salm: “Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb, int Alla ġust” (Salm 7:10) Meta Alla jara l-qalb, jara l-iktar importanti, imbagħad dak li joħroġ mill-qalb jesprimi x’hemm ġewwa. Alla ma jimpressjonax ruħu b’dak li jidher minn barra, qatt ma nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex ngħidu “impressjonajnieh”. Imma hija din il-qalb li jara Alla. Għalhekk li nitolbuh aħna hu li jkollna qalb sinċiera, li jippurifika l-qalb tagħna, biex dejjem tkun qalb li togħġbu. U wkoll li noqogħdu attenti aħna stess li ma nimpressjonawx ruħna bilfors b’dak li jidher minn barra. Fil-fatt, Ġesù, eżatt qabel din is-silta, kien qed jgħid lin-nies: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba” (Lq 20:6) għax dawn dak li jagħmlu jagħmluh għal wiċċ in-nies, biex jidhru. Kien qed jgħid lin-nies biex joqogħdu attenti. Għalhekk aħna noqogħdu attenti minna nfusna, li l-qalb tagħna tkun qalb li togħġob lil Alla; u fl-istess waqt biex ma nimpressjonawx ruħna b’dak li jidher minn barra.
Imbagħad tolqotna ħafna din il-qalb ġeneruża ta’ din il-mara. Ġesù jispjega, jgħid: din tefgħet aktar minnhom ilkoll, għax huma tefgħu “miż-żejjed tagħhom” (Lq 21:4). Issa nnutaw: Ġesù ma jmaqdarx lil dawk li tefgħu miż-żejjed tagħhom. Għax ġa hija tajba li tefgħu miż-żejjed tagħhom. Aħna nafu li jista’ jkun hawn min ikollu żżejjed, u jkompli jiġma’, ikollu dik il-kilba biex ikollu aktar u aktar – għandu żżejjed, imma jrid iżjed biex iżommhom għalih. Li nitfgħu miż-żejjed ġa hu tajjeb. Imma Ġesù jitlob xi ħaġa aktar minna: li għandna nirrevedu l-istil tal-ħajja tagħna biex ikollna tassew qalb ġeneruża lesta wkoll li tagħmel sagrifiċċju mhux biss minn dak li hu żejjed imma anke minn dak li nqisu “essenzjali” għall-ħajja tagħna. Dan mhux biss fil-kontribuzzjoni tal-flus, imma f’ħafna affarijiet oħra – jista’ jkun il-ħin li niddedikaw għal dawk li huma fil-bżonn.
Nitolbu lill-Mulej jagħtina qalb ġeneruża bħal tiegħu. Meta aħna, kif qalilna Ġesù, nagħmlu ħilitna biex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha, b’din il-ġenerożità, nitolbuh biex ikollna din l-imħabba ġeneruża nuruha mbagħad ukoll fil-ġenerożità mal-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta