Caritas Malta ssottomettiet formalment l-opinjoni tagħha dwar il-White Paper. Din l-istqarrija tikkomunika l-punti ewlenin tal-ħsibijiet li għaddiet nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Frar 2024. 

L-opinjoni tinkludi l-ħsibijiet ta’ madwar 45 resident li bħalissa qed jagħmlu programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni ma’ Caritas Malta, klijenti li għamlu użu mis-servizzi ta’ Caritas fil-passat, u tal-istaff ta’ Caritas Malta li jaħdmu kemm fil-qasam tar-riabilitazzjoni kif ukoll tal-prevenzjoni.  

Caritas Malta laqgħet il-proposti elenkanti fil-White Paper li għandhom il-potenzjal li jiffavorixxu r-rijabilitazzjoni ta’ persuni li huma dipendenti fuq id-droga u li jsarrfu f’iktar ġustizzja soċjali, iżda ma qablitx mal-proposta tal-ammonti indikati biex wieħed ikun eliġibbli għad-Drug Offenders Rehabilitation Board.

Pożittiv:

It-Tisħiħ tad-Drug Offenders Rehabilitation Board; l-għoti tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Bord tar-rijabilitazzjoni; il-komunika tad-deċiżjoni tal-Bord lill-qrati l-oħra; il-ħniena li tintwera ma’ min hu dipendenti fuq id-droga u nqabad b’pussess sempliċi ta’ droga fil-ħabs; u l-possibiltà ta’ proċess fil-qrati kriminali mingħajr ġurati –  jistgħu jsaħħu l-liġi dwar ir-rijabilitazzjoni implementata fl-2015.

Tħassib Serju:

Sentiment qawwi komuni tal-klijenti hu li filwaqt li xi każi jistgħu jibbenefikaw minn dan l-aġġustament, dawn iż-żidiet jistgħu jkollhom dawn l-effettivi negattivi u mhux intenzjonati (Inadvertant Effects): 

  1. Tiffaċilita iktar pushing b’ammonti ikbar
  2. Tagħti messaġġ ħażin lis-soċjetà li tista’ tittraffika u ssib loop holes minn fejn tiżgiċċa
  3. Tnaqqas il-biża’ tal-ħabs
  4. Tħajjar nies iktar għat-traffikar
  5. Tiżdied il-firxa tad-droga u l-vjolenza marbuta magħha  

Marbuta ma’ dawn ir-riskji ssemmew ħames xenarji:

  1. Li l-‘addict’ ma jkollux dawk il-kwantitajiet hekk kif suġġerit. Tajjeb insemmu li 200 gramma kokaina jaf ikollha valur ta’ €20,000. Jekk tkun addict u jkollok 100g jew 200g se jkollok kilba kbira li tikkunsmahom. Persuna stqarret li d-dealer tiegħu ħajru biex jibda jservi ta’ ‘runner’ meta dan il-klijent kien spiċċa totalment addicted. F’dan il-mument id-dealer tiegħu stiednu jbigħ 5 grammi f’pakketti individwali u offrielu li għal kull gramma bi prezz ta’ €50 li kien iqassam jew ibigħ, id-dealer kien itih €10. Dealers jafu li lill-persuna bil-vizzju d-droga ħa tilgħablu ma’ moħħu u jistgħu jispiċċaw jużaw kulma jkollhom. Ma jafdawhomx malajr b’ammonti kbar. 
  2. Barra minn hekk jafu traffickers/pushers li huma users (eż: jużaw il-kokaina b’mod limitat) imma m’humiex addicts. Diffiċli tkun addict u trafficker/pusher għax ma tkunx tista’ tiffunzjona biex iżżomm il-business tad-droga għaddej. Residenti semmewlna pushers li meta nqabdu, ħadu l-kokaina biex f’għajnejn il-liġi jidhru li huma users. 
  3. Filwaqt li min ikun addicted diffiċli jiġi fdat b’ammonti kbar, hu veru li wħud ikunu servew ta’ couriers eżempju wieħed semma li għal €50 qassam pakkett ta’ 20 gramma kokaina; fuq in-naħa l-oħra ieħor tħallas €800 biex iqassam konsenja kbira ta’ kilos ta’ droga. Min hu addict jirriskja ħajtu għall-flus. Ieħor qalilna li “aħna nsiru qoħob tat-traffikant”. Jekk addict b’200 gramma jista’ jmur il-qorti tad-droga – traffikant u addict jirraġuna li jekk addict jitħallas biex jittrasporta 200 gramma – f’din iċ-ċirkustanza tagħmilha iktar ‘safe’ li titrasporta 200 gramma jekk inti addict għax jekk tinqabad tista’ tipprova taqleb il-każ għall-qorti tad-droga. Issa jekk l-addict jinqabad b’200 gramma, b’din il-proposta ħa jsib iktar ħniena, imma fl-istess ħin bla intenzjoni tista’ tiffaċilita u żżid l-ammonti fl-attività tat-traffikar. Residenti li huma addicts u jitħallsu biex jittrasportaw id-droga minn post għall-ieħor qalulna li huma jibżgħu mill-pushers u ħafna drabi fl-ammonti l-kbar ma jikxfux għax jibżgħu għalihom u għal familthom.  
  4. F’Malta hawn realtà li f’għajnejn min imiss mad-droga tidher li qed tikber u anke ssir ‘moda’ – realtà ta’ persuni li jbigħu d-droga bħala negozju żgħir jew medju. Ħajja li tinkludi karozzi lussużi u ħwejjeġ tad-ditta. Din it-tip ta’ ħajja tista’ tkun ta’ tentazzjoni għal uħud. Klijent qalilna, li qabel ġie addicted, beda jbigħ id-droga biex jagħmel il-flus. Residenti diversi qalulna li bla mistenni din iż-żieda fl-ammonti jaf tħajjar iktar nies għat-traffikar. Persuna qaltilna “jien qatt ma traffikajt għax dejjem nibża’ mill-ħabs imma din iż-żieda jaf tagħti messaġġ li tagħmilha iktar tappella li tibda tbigħ jew tissogra iktar.” Ieħor qalilna “qed iħeġġek biex tarma!”. Ir-residenti tkellmu dwar kif il-biża’ tal-ħabs jew saħansitra sentenza ta’ ħabs tiswihom ta’ motivazzjoni kbira biex jidħlu għar-rijabilitazzjoni u jekk titneħħa din il-biża’ wieħed jista’ jissogra iżjed u jkun motivat inqas li jinbidel.
  5. B’mod ġenerali tkellmu fuq il-kruha u l-isfreġju tad-dinja tad-droga u t-traffikar, fejn traffikanti jippruvaw jużaw mezzi finanzjarji kbar anki fi ħlasijiet lill-avukati biex jippruvaw jiżgiċċaw mill-ġustizzja, filwaqt li l-addicts bla mezzi jispiċċaw ilaqqtu ħafna ħabs. Għandhom biża’ li jsir ħafna abbuż jekk jiżdiedu l-ammonti u tikber il-kultura tad-droga u l-istess l-vjolenza marbuta mad-dinja tad-droga u traffikar. Addirittura min ilu involut f’din id-dinja jibża’ li tiġbed anke l-attenzjoni taċ-ċrieki tad-droga minn pajjiżi li diġà għandhom preżenza f’Malta u tattira iktar minnhom. 

Problematika:

Minn banda li żżid l-ammonti se jkun ta’ periklu li l-addict jiġi iktar sfruttat u użat u kif spjegat hawn fuq tagħti lok għall-abbuż; imma min-naħa l-oħra għandek persuni li jkollhom iktar mill-ammonti stabbiliti s’issa, li ma tkunx qed issir ġustizzja magħhom u mas-soċjetà li jħallsu bil-ħabs. Eżempju ta’ dan min hu addict li jitqabbad jittrasporta d-droga għat-traffikant biex jaqla’ xi ħaġa biex isostni l-vizzju, u meta jinqabad ikun hemm ħafna biża’ u jispiċċa ma jitkellimx u jeħel il-ħabs bl-iskotti.  

Żgur li kull min jaħdem f’dan is-settur jaqbel li, persuni li huma addicts u li għandhom sentenzi ta’ traffikar, li huma anke iktar mill-ammonti stabiliti jew proposti; u li jkunu rrijabilitaw ruħhom, m’għandhomx jidħlu l-ħabs fuq każi pendenti. 

Wieħed ukoll ma jistax jinjora l-kuntest tal-ħaxixa u n-nuqqas kbir ta’ infurzar tal-liġi dwar l-użu tal-kannabis. Kif qalilna klijent “liġi li ma tiġix infurzata tkun qisek mingħajr liġi.” Għandek sentiment pubbliku ta’ rabja dwar il-laxkezza fl-użu tal-kannabis u kif daħlet iktar bis-saħħa l-kultura tal-kannabis u tal-kokaina f’pajjiżna, anke wara l-liġi tal-kannabis. Dan it-tħassib ma jistax jiġi injorat. 

Proposti:

F’dan id-dawl nipproponu li: 

  1. L-ammonti ndikati ma jiċċaqalqux u jinżammu kif inhuma – imma jsiru indikattivi u mhux preskrittivi – jiġifieri jekk xi ħadd ikollu ammonti viċin ħafna l-ammonti stabiliti, eżempju 101 – 110/120 gramma, u jilħaq il-kriterji kif indikat (i.e. li vera għandu l-vizzju, li l-krimini jkun sar meta kellu vizzju u kawża tal-vizzju) xorta jkun jista’ jibbenefika mill-qorti tad-droga.
  2. Fil-każ tal-ecstacy jinħass li 500 pillola huma eċċessivi.
  3. Fil-każ tal-ħaxixa f’kuntest li ġaladarba hawn tant ftuħ – eżempju li jista’ jkollok 4 pjanti; li issa se jkun hawn minn fejn tixtriha; mela aħjar inkunu iktar stretti fuq t-traffikar biex jiġi kontrollat it-traffikar u l-black market kemm jista’ jkun. F’dan il-każ l-ammonti ma jintmessux imma xorta tapplika li l-ammonti li hemm bħalissa jkunu indikattivi (kif spjegat f’punt 1). 
  4. Każi fejn persuna nqabdet u nfetaħ każ quddiem qorti kriminali ta’ ammonti kbar konsiderevoli u ma tikkwalifikax għall-qorti tad-droga imma hemm vizzju, ikollha l-kawża tagħha ffriżata (Stay of proceeding), jew ma tingħatax sentenza sakemm bniedem jirrijabilita u jagħti prova ċarissima li rrijabilita. Dan ifisser li titneħħa l-piena ta’ ħabs mandatorju fejn hemm prova qawwija ta’ rijabilitazzjoni. L-ammonti ma jkunux determinanti imma l-prova ta’ rijabilitazzjoni tkun determinanti. Hawnhekk wieħed jikkonsidra li ż-żmien li persuna tkun għamlet ġo progamm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni u anke f’servizz ta’ rijabilitazzjoni outpatient fit-tul, ikunu jservu flok l-ħabs mandatorju. Tajjeb inżommu f’moħħna li l-biża’ tal-ħabs meta wieħed jinqabad, jaf tkun ta’ motivazzjoni qawwija biex wieħed jirrijabilita. Tajjeb inżommu f’moħħna li biex persuna tiggradwa mill-programm ta’ Caritas irid perjodu ta’ madwar sentejn. Imbagħad persuna flok tintbagħat il-ħabs tingħata probation fit-tul, sentenza sospiża jew community work. 
  5. Imbagħad hemm dawk il-każi fejn persuna kellha każ pendenti u snin jew xhur wara rijabilitazzjoni sħiħa, ikollha tmur il-ħabs. F’dawn il-każi, il-pajjiż jitlef il-produttiva ta’ dik il-persuna u jeħel spejjeż tal-ħabs jew anke tiġi okkupata sodda fi programmi rijabilitattivi meta dak il-post seta’ ngħata lil min għandu iktar bżonn. Hawn ukoll il-maġistrat għandu jkollu d-diskrezjoni biex ma jagħtix ħabs mandatorju u minflok ikun jista’ jagħti probation fit-tul, sentenza sospiża u xogħol fil-komunità.

Konklużjoni:

Caritas temmen li l-White Paper tinkludi fiha proposti tajbin ħafna u jekk jiġi indirizzat it-tħassib serju marbut maż-żieda fl-ammonti tista’ toffri opportunità tad-deheb biex issir riforma li tkun tassew effettiva, bilanċjata, effiċjenti u li ssarraf f’iktar ġustizzja għall-vittmi tad-dipendenza fuq id-droga u l-vittmi li jinħolqu madwarhom.

Għaldaqstant Caritas Malta tittama li jingħata widen għat-tħassib tagħha. 

Din l-istqarrija qed tiġi appoġġjata minn:

  • Fondazzjoni OASI
  • Catholic Schools Association
  • CCF Chaplaincy
  • Malta Catholic Youth Network (MCYN)
  • Millenium Chapel
  • Paolo Freire Institute 
  • Fondazzjoni Suret il-Bniedem
  • Soup Kitchen OFM Valletta
  • Fondazzjoni St Jeanne Antide
  • Fondazzjoni Youth Alive
  • St Vincent De Paule Society
  • Church Homes for the Elderly
  • Mater Dei Hospital and SAMOC Chaplaincy