Photo: Fr Ramon Farrugia OFM

Ir-replika minjatura tal-Kurċifiss Ta’ Ġieżu rregalata lid-Djoċesi ta’ Għawdex mill-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss tal-Belt Valletta lbieraħ ġiet imdawra proċessjonalment mal-kurituri tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qabel tqiegħdet fil-Kappella. Għal din il-purċissjoni attenda wkoll l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma.

Ix-xbieha antika tal-Kurċifiss Mirakoluż inħadmet mill-injam fis-seklu 17 minn Frate Innocenzo u din is-sena għmalet it-tieni żjara storika tagħha fil-gżira Għawdxija. Dan għaliex fl-1941, kienet ittieħdet id-deċiżjoni biex il-kurċifiss jitneħħa mill-Belt Valletta sabiex ma jġarrabx ħsara minħabba l-gwerra.

Fl-okkażjoni tal-Ġublew tat-Tama u l-bidu tar-Randan Imqaddes, il-Kurċifiss Mirakoluż u devot magħruf bħala “Ta’ Ġieżu”, meqjum fil-Knisja Franġiskana ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fil-Belt Valletta ttieħed Għawdex.

Bejn il-Ġimgħa s-7 u l-Ħadd 9 ta’ Marzu, il-Kurċifiss Ta’ Ġieżu kien espost għall-qima fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani f’Għajnsielem, fejn fl-ewwel lejl, il-knisja baqgħet miftuħa għall- adorazzjoni u l-qima tal-fidili.

Il-Ħadd 9 ta’ Marzu, fl-ewwel ħadd tar-Randan, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma mexxa Pellegrinaġġ Penitenzjali Ġubilari bix-xbieha tal-Kurċifiss Mirakoluż, mill-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova għal quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Madonna ta’ Loretu, f’Għajnsielem, li għalih attendew mijiet ta’ Għawdxin u anke Maltin.

Source: Newsbook.com.mt