****
Direttur: Roland Emmerich
Atturi: Ed Skrein, Patrick Wilson, Luke Evans, Woody Harrelson, Mandy Moore, Dennis Quaid, Alexander Ludwig, Aaron Eckhart, Darren Criss u Nick Jones
Ħin tal-Film: 138 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Ftit snin qabel ma bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija, l-attache Amerikan Navali ġewwa Tokyo u uffiċjal Ġappuniż fl-istess grad, waqt riċeviment, ddiskutew l-qagħdiet taż-żewġ qawwiet navali fl-Oċean Paċifiku. Isoroku Yamamoto għarraf lill-Intelligence Officer Amerikan , Edwin T. Layton, li l-Ġappuniżi kienu lesti jieħdu azzjoni jekk il-provisti taż-żejt ikunu mhedda.
Kienet l-għodwa tas-7 ta’ Diċembru 1942 li l-Ġappuniżi bl-użu ta’ flotta b’erbgħa aircraft carriers attakkaw il-flotta Amerikana f’Pearl Harbour bla mistenni b’riżultat li l-Amerika daħlet fit-Tieni Gwerra Dinjija. Ġewwa Pearl Harbour ukoll saret bidla fit-tmexxija tal-Flotta Amerikana fil-Paċifiku billi nħatar l-Ammiral Chester Nimitz. Layton tkellem ma’ Nimitz u stqarr miegħu li ma kienx irnexxielu jikkonvinċi l-awtoritajiet ġewwa Washington fuq il-possibbiltà ta’ attakk fuq il-flotta Amerikana f’Pearl Harbour u x’konsegwenzi diżastrużi kienu sejrin iħallu.
F’April 1942, wara attakk fuq Doolittle, il-Ġappuniżi dawru l-attenzjoni taghhom fuq il-Coral Sea. Sadanittant, Joseph Rochfort u t-tim tiegħu ta’ cryptologist bdew jinterċettaw messaġġi rigward il-qagħda tal-Gappuniżi li kienu qegħdin jirreferu għaliha bhala “AF”. Minnaħa tiegħu, Layton informa lil Nimitz li l-awtoritajiet f’Washington kienu jemmnu li “AF” kienet immirata lejn il-gżejjer Aleutians. Layton iżda ma qabilx għax emmen li l-mira kienet il-Midway Atoll. Għalhekk Nimitx iltaqa’ ma’ Rochefort u qablu li t-tim jagħmel ħiltu biex isibu prova definittiva li ”AF” kienet fil-fatt Midway.
Layton għalhekk ta struzzjoni biex jintbagħat telegrafu fil-miftuħ biex jgħid li ġewwa Midway kienu qegħdin isofru nuqqas ta’ ilma. Il-criptologist jinteċċettaw komunikazzjoni Ġappuniza fejn kien jidher li huma saru jafu b’dan u għalhekk Nimitz u Lejton ġabu l-konkluzzjoni li “AF” kienet Midway. Nimitz ħejja pjan biex jaqbad f’nasba l-flotta Ġappuniża. Għalhekk sejjah il-flotta ta’ aircraft carriers li kellu fil-Coral Sea biex jersqu lejn Midway u fl-istess waqt Nimitz insista li l-aircraft carrier Yortktown li kien ġarrab ħsarat kbar f’Pearl Harbour jitlesta f’qasir żmien u jkun lest għat-taqbida f’sebgħa u għoxrin siegħa. Kollox deher lest min-naħa tal-Amerikani biex kif il-Gappuniżi jidħlu fin-nasba, joħorġu għalihom bil-forzi kollha li kellhom. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan msejjes fuq dak li ġara fl-Oċean Paċifiku wara l-attakk bla mistenni fuq Pearl Harbour mill-Gappuniżi u kif sussegwentement zviluppat fil-Battalja kruċjali magħrufa bħala Midway. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Roland Emmerich u kitba ta’ Wes Tooke.