L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“F’dawk l-inħawi kien hemm xi ragħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom bil-lejl. U dehrulhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom. u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: ‘Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir” (Lq 2:8-9).
F’dan il-lejl qaddis tal-Milied bħar-ragħajja ta’ Betlehem ejjew inħossu li l-glorja tal-Mulej qiegħda tiddi madwarna. Dan il-verb li juża San Luqa f’dan ir-rakkont ma jintużax sikwit fit-Testment il-Ġdid: “il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom”. Donnu li l-glorja ta’ Alla mhux biss dehret lil dawn ir-ragħajja bħala dawl kbir imma ħakmithom u kienu mdawrin biha.
San Luqa jerġa’ juża dan il-verb fl-aħħar rakkont li jagħti l-Appostlu Missierna qabel jibda l-vjaġġ li wasslu hawnhekk biex jispjega xi ġralu fit-triq ta’ Damasku u jgħid: “Rajt dawl, aqwa mid-dija tax-xemx, ġej mis-sema u idda madwari u madwar dawk li kienu fit-triq miegħi” (Atti 26:13). Il-glorja tal-Mulej hi d-dawl tal-Mulej li tiddi madwar ir-ragħajja u li tiddi wkoll madwarna f’dan il-lejl qaddis.
Il-kelma ‘glorja’ ma tfissirx biss is-sebħ u l-ġieħ imma tfisser ukoll l-għarfien profond ta’ Alla. Qisha l-opinjoni tiegħu fuqna. Li jkollna nfissru din il-glorja ta’ Alla f’kelma waħda, jiena nagħżel il-kelma ‘ħniena’. L-Appostlu Missierna kien iħobb juża ħafna drabi l-kelma ‘grazzja’. Donnu din il-glorja li tiddi madwar ir-ragħajja, li huma nies fqar, imwarrbin u mkasbrin. Din hija glorja li tistedinna nidħlu fiha. Illum, dan il-lejl qaddis jistedinna nidħlu fil-glorja tal-Mulej, inħallu l-glorja tal-Mulej iddawwarna u ddawwalna minn ġewwa, tħallina ngħożżu fiha għax il-glorja tal-Mulej hija l-espressjoni tal-ħniena tiegħu.
Mhux ta’ b’xejn l-Appostlu Missierna jgħidilna: “Dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha ” (Titu 2:11). Dik it-tarbija ċkejkna ta’ Betlehem hi l-uniku sinjal li jingħata. Bħalma qalilna Luke fil-prietka tal-Milied, ma dehrux sinjali kbar ta’ poter, xi ħaġa li l-Papa qalha wkoll illum. Meta smajt ’il Luke jgħidha, għedt: “Jew il-Papa staqsa ’l Luke jew Luke ftiehem mal-Papa”. Xi ħaġa ġara għax qalu l-istess ħaġa.
Il-Papa qalilna li għalkemm meta tahom sinjal daħħalhom fil-glorja tiegħu, ma nagħtax sinjal ta’ poter qawwi, iżda sabu tarbija ċkejkna, is-sinjal ta’ bidu ġdid imma sinjal ta’ bidu ġdid fil-faqar, mimduda f’maxtura. Kemm twieldu trabi u ommhom li tħobbhom u tathom il-ħajja, tpoġġihom f’maxtura tal-annimali? Ftit. Dak kien is-sinjal ta’ din il-glorja ta’ Alla li dehret f’tarbija. Dehret il-grazzja ta’ Alla, l-imħabba tiegħu, il-ħniena tiegħu, u aħna jdaħħalna fiha. “Il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom” (Lq 2:9), kważi mkebbin fiha.
Meta nfakkru t-twelid tas-Salvatur qegħdin infakkru din il-grazzja li Alla ħa bina. Hu ħa ħniena bina wkoll għax hu jafna, jaf minn xiex aħna magħġunin u sar bniedem biex jerfagħna mid-dlamijiet li għazilna għax bżajna mid-dawl, mill-hemm li ġibna b’idejna. Min jaf kemm-il darba fl-istorja tagħna, tas-soċjetà tagħna, ta’ pajjiżna, u tad-dinja mingħalina se nagħmlu xi ħaġa ta’ bravi u nkunu qegħdin ninsġu baħar inkwiet. Niżirgħu r-riħ u naħsdu r-riefnu. Iżda Alla jibqa’ jħenn għalina fl-istorja individwali tagħna u fl-istorja tagħna bħala soċjetà.
Għalhekk, f’dan il-hemm kollu l-Mulej jibqa’ jħabbrilna ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu: “Illum tweldilkom Salvatur” (Lq 2:11). Inti jkollok għaliex tifraħ jekk għandek bżonnu s-Salvatur; jekk inti m’għandek bżonn lil ħadd u xejn, x’tifraħ tagħmel? Imma jekk tagħraf li għandek bżonn min jerfgħek, min iħenn għalik u min iħobbok, allura tassew dan il-jum hu għalik. Tagħmel sens li tidwi fil-qalb tiegħek u mill-qalb tagħna, it-tislima ħelwa li jalla nibqgħu ngħiduha dejjem u ma tittieħed qatt minn fommna u minn qalbna: il-Milied it-tajjeb.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 9:1-6
Salm: 95(96):1-2a,2b-3,11-12,13
Qari II: Tit 2:11-14
Evanġelju: Lq 2:1-14