Għeżież Missjunarji,

Nieħu din l-okkażjoni biex f’isem il-Knisja li tinsab ġewwa Malta nibgħatilkom l-isbaħ xewqat qaddisa tal-Milied għal din is-sena.

Din is-Sena ta’ Fidi tħeġġiġna biex dejjem iktar nidħlu fil-qalba tal-Miteri tal-Ħajja ta’ Sidna Ġesù Krsitu. Jiena xtaqt naqsam magħkom din ir-riflessjoni.

Meta ħadt sehem fis-Sinodu tal-Isqfijiet fuq “il-Kelma t’Alla”, waħda mir-riflessjonijiet li laqtuni kienet li aħna m’aħniex in-nies tal-Ktieb, iżda tal-Kelma. Waqt li hemm reliġjonijiet li jsejħu lilhom infushom in-nies tal-Ktieb għaliex jemmnu li huma qed jimxu wara Ktieb li ġie mibgħut minn Alla, aħna nemmnu li l-ewwel kienet il-Kelma mibgħuta minn Alla fil-Persuna ta’ Sidna Ġesù Kristu, u mbgħad din il-ġrajja nkitbet u saret ktieb, il-Vanġelu.

Il-Missjoni tagħkom hija li tagħmlu dan kollu. Intom mhux ‘tibgħatu’ kotba tal-Vanġelu, iżda l-ewwel tieħdu l-post tal-‘Kelma’: l-ewwel jiltaqgħu magħkom u intom twasslulhom l-esperjenz ta’ Ġesù, u mbgħad tgħallmuhom dak kollu li hemm miktub fil-ktieb tal-Vanġelu! Hekk it-tixrid tal-fidi jsir jixbaħ lil dak li għamel il-Missier Alla meta bgħat lil ibnu Ġesù fostna: in-nies l-ewwel iltaqgħu miegħu bħala l-Kelma. Il-Milied b’mod speċjali jfakkarna f’dan il-pjan tal-Missier.

Jiena nixtieq ngħidilkom li l-Knisja f’Malta hija grata ħafna għal din il-ħidma tagħkom f’artijiet bogħod minn art twelidkom f’isimna lkoll. Jalla l-ġrajja tal-Milied tkompli timlikom bil-ħeġġa biex, bħal Ġesù, twasslu l-Kelma.

Il-Milied it-tajjeb, u Sena Ġdida mimlija risq.

✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta