MEMORANDUM  – ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2013
Introduzzjoni

Fi ftit ġimgħat oħra l-poplu Malti ser ikun imsejjaħ sabiex jeleġġi l-gvern ta’ pajjiżna u ‘l min se jirrappreżentah fil-Parlament. Din hija opportunità biex nirriflettu flimkien dwar il-qagħda tas-socjetà Maltija llum u dwar is-socjetà li nixtiequ li jkollna fis-snin li ġejjin. Kif aħna u kif se nkunu jiddependi mis-sehem li se nieħdu fil-politika fis-sens wiesa’ tagħha bħala ħidma għall-ġid ta’ kulħadd.

Il-Kummissjoni Djoċesana Ġustizzja u Paċi, iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja tal-Ġiżwiti u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Millenium Chapel qiegħda tagħmel dawn ir-riflessjonijiet fid-dawl tat-tagħlim soċjali tal-Knisja, bħala parti mis-sehem li tixtieq tieħu fid-dibattitu li qiegħed jiżvolġi b’rabta mal-Elezzjoni Ġenerali.

Il-kampanja elettorali

Elezzjoni Ġenerali mhijiex taqbida u lanqas tellieqa bejn il-partiti jew individwi anki jekk eventwalment se jkun hemm min se jirbaħ u min se jitlef. Hija pjuttost opportunità għall-poplu biex jesprimi ruħu u jiddeċiedi fuq liema linji jrid li l-pajjiż jitmexxa. Għall-partiti hija stimolu biex iħarsu ‘l quddiem u jidentifikaw miżuri konkreti li minnhom jista’ jibbenefika l-pajjiż. Il-kompetizzjoni bejn il-partiti mhux biss titlob rispett lejn id-dinjità u d-drittijiet ta’ xulxin imma għandha twassal biex kull naħa tagħmel l-aħjar proposti li tista’ għal tmexxija politika tajba għaċ-ċirkostanzi tal-lum u taħdem biex tirbaħ il-fiduċja tal-elettorat. Il-kampanja elettorali tilħaq l-iskop tagħha aktar ma l-poplu jkun infurmat dwar il-programm u dwar il-kwalitajiet tal-kandidati li se jivvota għalihom. Jibqa’ dejjem l-element ta’ affidabilità li naturalament il-prova vera ma tistax tingħata qabel imma wara l-elezzjoni. Wieħed jistenna, iżda, li l-wegħdiet jinżammu, għaliex b’dan il-mod biss tista’ tissaħħaħ il-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet.

Id-dritt u d-dmir li nivvutaw

Huwa dritt fondamentali li wieħed jivvota u, għalhekk, iċ-ċittadini għandhom mhux biss ikunu ħielsa fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt imma wkoll jingħataw informazzjoni sħiħa biex jagħmlu għażla informata. Xi drabi jkun hemm min jonqos li jivvota minħabba nuqqas ta’ interess jew minħabba nuqqas ta’ fiduċja fil-politiċi. Waqt li wieħed jifhem li ċerti ċirkostanzi jistgħu jwasslu lil xi wħud li jirraġunaw b’dan il-mod, huwa importanti li wieħed ma jasalx biex jiżvojta d-dritt li jivvota mit-tifsira u l-valur tiegħu. Din hija r-raġuni għaliex it-tagħlim soċjali tal-Knisja jisħaq fuq id-dmir li wieħed jivvota. Meta ċ-cittadini tal-pajjiż jixħtu l-vot tagħhom, ma jkunux sempliciment qegħdin jipparteċipaw fi proċess demokratiku iżda jkunu qegħdin, fuq kollox, jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom għal tip ta’ tmexxija u programm socjali u ekonomiku tal-pajjiż.

Il-ġid komuni

L-għan aħħari tal-ħajja tagħna flimkien huwa li naħdmu għall-ġid komuni billi noħolqu kundizzjonijiet li jgħinu lil kull persuna tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha. Dawn għandhom ikunu kundizzjonijiet li jagħtu opportunità lil kulħadd li jeżerċita mhux biss id-drittijiet ċivili u politiċi imma wkoll id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali. Jista’ jkun li fit-tfassil tal-programmi elettorali l-kejl li jintuża jkun wieħed utilitarju, jiġifieri, li l-miżuri li jinkludu għas-setturi varji tas-soċjetà jkunu dawk li minnhom il-partiti rispettivi jittamaw li jiksbu l-akbar vantaġġ politiku.

L-isfida ta’ kull politika llum tibqa’ li l-għażliet li se jittieħdu jpoġġu fil-qalba tagħhom lil min hu fqir u vulnerabbli jew dawk il-persuni li qed jigu esklużi mis-socjetà minħabba twemmin jew sess jew razza, ħalli b’hekk dawn il-persuni tassew jieħdu dak li hu tagħhom. Id-drittijiet sagrosanti ta’dawn in-nies bla vuċi għandhom jiġu mħarsa. Din l-isfida għandha tinbena fuq l-għażla preferenzjali għal min hu l-aktar batut fis-soċjetà tagħna. Dawn jinkludu kategoriji ta’ nies li m’ghandhomx vot bħat-tfal; ċerti persuni b’diżabilità u r-refuġjati u l-immigranti.

Iż-żwieġ u l-Familja

L-aktar għażla importanti li l-poplu jistenna li l-politiċi jagħmlu fi żmien meta ż-żwieġ qiegħed dejjem aktar jitlef l-istabilità tiegħu u l-ħajja tal-familja f’għadd ta’ każijiet tinsab f’riskju li tisfaxxa minn mument għall-ieħor, bi ħsara partikolarment għat-tfal, hija li ż-żwieġ u l-familja tassew jingħataw prijorità. Miżuri li jgħinu lill-koppji jaqdu d-doveri tax-xogħol tagħhom u fl-istess ħin ikomplu jwettqu r-responsabbiltajiet matrimonjali u familjari tagħhom huma neċessarji. Magħhom iżda jeħtieġ jkun hemm miżuri oħra li jippermettu lil kull familja tgħix ħajja deċenti u jkollha meżżi suffiċjenti biex tagħti l-aħjar għajnuna li tista’ lil kull wieħed u waħda mill-membri tagħha, specjalment f’każijiet ta’mard, problemi ta’ mard mentali u mard terminali u ċirkostanzi simili li ħafna familji jgħaddu minnhom.

L-Edukazzjoni

It-taħriġ u l-edukazzjoni huma sfida oħra politika li minnhom jiddependi l-futur ta’ pajjiżna. Waqt li għandu jibqa’ jsir investiment f’kull livell tal-edukazzjoni, l-esiġenzi tas-suq għandhom ikunu aspett wieħed biss tal-politika fil-qasam edukattiv. L-edukazzjoni għandha dejjem tibqa’ tiffoka fuq l-iżvilupp sħiħ tal-persuna b’aċċenn għall-valuri ta’ rispett lejn id-dinjità tal-persuna u l-inklusività. L-edukazzjoni morali u reliġjuża għandha tibqa’ jkollha post sod fis-sistema edukattiva u għandha tkompli tiġġedded biex twieġeb għall-esiġenzi ta’ soċjetà pluralista u li kontinwament tinbidel. Għandu jsir kull sforz biex it-tfal kollha jkollhom aċċess għall-edukazzjoni fir-religjon tagħhom u li jitgħallmu minn età żgħira kif għandhom jirrispettaw persuni ta’ religjonijiet u twemmin ieħor.

L-Ekonomija

Il-liberalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni fetħu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp tal-ekonomiji lokali iżda qegħdin fl-istess ħin jesponuhom għal riskji kbar. Huwa veru li llum il-politika għandha l-limitazzjonjiet tagħha, għaliex qiegħda tissielet ma’ forzi ekonomiċi li m’humiex għal kollox taħt il-kontroll tagħha. Iżda anki f’dawn iċ-ċirkostanzi għandu jkun hemm politika li mhux biss tippromwovi n-negozju billi toħloq spazju għal qligħ ġust u tħajjar investiment barrani imma wkoll tħares l-interessi leġittimi ta’ kull persuna sew jekk qiegħda taħdem jew tfittex ix-xogħol, sew jekk għandha xi flus u tixtieq tinvestihom u sew jekk qiegħda tixtri prodott jew servizz. Ekonomija li hija għas-servizz tal-bniedem hija wkoll ekonomija li tħares l-ambjent. Illum aktar minn qatt qabel, il-proposti tal-partiti politiċi għal qasam tal-ambjent jimmeritaw attenzjoni partikolari.

Il-Qasam Soċjali

Tradizzjonalment il-votant Malti dejjem ta piż lill-proposti tal-partiti politiċi għall-qasam soċjali u m’hemmx dubju li hekk se jagħmel din id-darba wkoll. Waqt li l-gvern għandu jibqa’ jġorr piżijiet kbar biex jipprovdi sigurtà u appoġġ soċjali għal kulħadd, wieħed jagħraf l-ispiża dejjem tikber biex is-servizzi soċjali jiżdiedu u jitjiebu. Għandu isir minn kollox biex dawn is-servizzi jibqgħu u li jkun hemm biżżejjed finanzi għalihom. Il-problema ċentrali tibqa kif se tintlaħaq kull persuna u kull familja li ssib ruħha f’ċirkostanzi prekarji. Ċerti kategoriji, bħalma huma t-tfal, persuni b’diżabilità, l-immigranti rregolari, addolexxenti, żgħażagħ u l-anzjani, jeħtieġu suriet varji ta’ għajnuna u ħafna drabi fit-tul. Il-faqar, l-aktar meta jkun ġej minn kumpless ta’ fatturi, jitlob strateġija ta’ kollaborazzjoni bejn l-aġenziji tal-Istat, NGO’s u l-familja, gruppi ta’ volontarjat u entitajiet soċjali u reliġjużi.

Konklużjoni

X’jistenna l-poplu Malti mir-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament? Jistenna li dawn jaħdmu id f’id miegħu għall-ġid komuni. Dawk li qegħdin joffru ruħhom li jaqdu lill-poplu fil-Parlament u forsi wkoll li jiffurmaw parti mill-gvern deħlin għal missjoni nobbli. Jistħoqqilhom ir-rispett ta’ kulħadd, iżda r-rispett iridu jaħdmu għalih huma wkoll billi jagħrfu li l-pożizzjoni privileġġjata tagħhom hija mislufa lilhom u tesiġi minnhom servizz tal-ogħla livell.