MEMORANDUM GĦALL-PARTITI POLITIĊI – ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2013
Il-Kummissjoni Djoċesana Familja u l-Moviment ta’ Kana jemmnu bis-sħiħ li l-familja mibnija fuq iż-żwieġ dejjiemi bejn raġel u mara toffri l-aktar stabbiltà u għalhekk huwa fl-aħjar interess tal-ulied u tas-soċjetà. Familji b’saħħithom jagħmlu soċjetà b’saħħitha u l-Istat għalhekk għandu l-obbligu li jsaħħaħ il-familja.
Socjetà li tassew tagħraf il-kontribut tal-familja bħala patrimonju naturali u soċjali għandha tiddefendi bl-aktar mod ċar il-familja u tagħmel għażla preferenzjali favur iż-żwieġ dejjiemi bejn mara u raġel u dan mhux biss b’dikjarazzjonijiet, imma b’politika effettiva favur iż-żwieġ u l-familja. L-Istat għandu l-obbligu wkoll li jara li jkunu rispettati d-drittijiet tal-persuni li qed jgħixu f’relazzjoni differenti imma dan bl-ebda mod ma jfisser illi dawn ir-relazzjonijiet għandhom jingħataw għarfien li jekwiparahom għall-żwieġ dejjiemi bejn raġel u mara.
L-Istat għandu jiżgura li jkun hemm il-kundizzjonijiet kollha sabiex iż-żgħażagħ jersqu għaż-żwieġ, billi jkun hemm politika (socjali, ta’ housing, ekonomika u fiskali) li tiffavorixxi l-familji żgħażagħ. Il-preżent u l-futur tas-soċjetà Maltija tiddependi minn dan.
L-Istat għandu jkompli jsaħħaħ u jagħti r-riżorsi meħtieġa lill-Kummissjoni Nazzjonali Familja biex tkun tista tmexxi ħidma fejjieda favur il-familja
Il-liġijiet u l-policies għandhom jgħaddu mill-għarbiel ta’ Family Impact Assessment, li f’kull każ, għandu jsir b’konsultazzjoni mal-Għaqdiet tal-Familja. Hemm bżonn nippromovu kultura fejn il-familja jkollha leħen attiv fit-tfassil tal-policies nazzjonali.
Il-ħajja umana hija don kbir li għandu jiġi ċċelebrat. Għandha għalhekk titfassal politika li tiffavorixxi t-twelid ta’ aktar ulied fi ħdan il-familja. Għal dan il-għan, għandu jkun rikonoxxut u mgħejjun is-sehem tal-ġenituri li jagħżlu li ma jaħdmux barra mid-dar biex irabbu ’l uliedhom. Irid ikun hemm inkoraġġiment biex il-ġenerazzjonijiet kollha, ġenituri, ulied u nanniet, jagħtu kontribut tagħhom ta’ solidarjetà fi ħdan il-familja. Dan ikollu effett pożittiv biex l-għajnuna bejn il-ġenerazzjonijiet fil-familja tkun inċentivata.
Fil-qasam edukattiv, l-Istat għandu jkun proattiv favur il-familja. Għandha tkun inċentivata r-riċerka dwar il-famija. Life skills u studju dwar il-familji għandhom jiffurmaw parti mill-curriculum edukattiv sa minn età bikrija. L-Istat għandu jżid counsellors/psychologists fl-iskejjel biex jaraw it-tfal b’diffikultajiet minn kmieni.
L-Istat għandu jiżgura illi jiġu pprovduti dawk is-servizzi meħtieġa, inkluż ħiliet fir-relazzjonijiet, ħiliet fit-trobbija u counselling, biex il-miżżewġin jingħataw l-għajnuna neċessarja.
L-istat għandu jżid il-kollaborazzjoni mal-NGO’s li qed jaħdmu favur il-familja u jsaħħaħ l-appoġġ finanzjarju li jagħtihom.
Il-Kummissjoni Djoċesana Familja u l-Moviment ta’ Kana huma kommessi li jibqgħu jaħdmu mal-familji u għall-familji biex dawn ikunu jistgħu jgħixu l-identità u l-missjoni tagħhom fid-dinja kontemporanja.