-
-
“Intom l-istilla ta’ dan il-pajjiż. F’soċjetà fejn tirrenja l-inċertezza, jien nammira minn qalbi x-xogħol kbir li intom tagħmlu biex tgħinu lil tant studenti u familji fil-bżonn.” Dan kien il-qofol tal-messaġġ li l-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, għaddiet lill-membri kollha tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, fil-Kappella Russa ġewwa l-Palazz ta’ San Anton fl-okkażjoni tal-Milied.
Din hi t-tielet sena li l-membri kollha tas-Segretarjat inġabru fil-Palazz biex fimkien jagħtu l-awguri u jiċċelebraw il-festa tal-Milied. Wara li ġew diskussi temi importanti mid-delegat, Fr Charles Mallia, id-Direttur Dr Roseanne Cuschieri, u s-Service Managers rispettivi, Fr Charles Mallia u Fr Reuben Gauci kkonċelebraw Quddiesa animata mill-kor tas-Segretarjat.
Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija qiegħed kull ma jmur jiżdied fin-numru u llum jaqbeż il-100 professjonist li kollha jaħdmu fuq aspetti differenti tal-edukazzjoni Nisranija. Matul l-2017 in-numru ta’ Service Managers tela’ għal sebgħa, fejn dawn jikkordinaw aspetti differenti tal-edukazzjoni: Riżorsi Umani, servizzi għall-istudenti, Kurrikulu, Training and Mentoring, Kura Pastorali, Literacy u Numeracy u l-kordinament tal-iskejjel tal-Knisja f’Ghawdex.
-