L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan il-qari mill-Evanġelju ta’ San Mark, li qegħdin intemmu (is-sena d-dieħla, li nibdew ħmistax oħra, naqraw l-Evanġelju skont San Luqa) jitkellem dwar l-aħħar żminijiet. U Ġesù, qisu jinseġ żewġ affarijiet f’daqqa: it-tmiem ta’ Ġerusalemm, ta’ din il-belt tant għażiża għalih u għal-Lhud kollha, u tmiem id-dinja.

It-tmiem ta’ Ġerusalemm kienet xi ħaġa li qabel saret din it-traġedja kbira fis-sena 70WK, prattikament ftit inqas minn 40 sena wara l-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, wara li qed jgħid dan id-diskors. Il-qerda ta’ Ġerusalemm għal-Lhud kienet qisha tmiem id-dinja. Wara kollox, bl-attakk aħrax tal-armati tal-Imperatur Titu fis-sena 70WK, inqerdet Ġerusalemm kollha, inqatlu l-abitanti kollha li kienu għadhom hemm u tkisser it-tempju (li għadu mkisser sal-lum). L-uniku biċċa li għad baqa’ mit-Tempju ta’ Ġerusalemm ta’ żmien Ġesù, hu l-ħajt tal-Punent (il-Western Wall), fejn il-Lhud imorru u jibku l-qerda tat-Tempju ta’ Ġerusalemm sal-ġurnata tal-lum. U sal-ġurnata tal-lum it-Tempju ta’ Ġerusalemm ma reġax inbena.

Dan it-tmiem, li Ġesù ra ġej fuq Ġerusalemm, u li fuqu jitkellem ma’ erba’ mid-dixxipli tiegħu (żewġ settijiet ta’ sajjieda): Ġwanni u ħuh Ġakbu, ulied Żebedew; u Pietru u ħuh Indrì. Kienet diskursata intima ħafna, li fiha Ġesù fetaħ il-qalb u d-dulur tiegħu għat-tmiem ta’ Ġerusalemm; imma wissiehom ukoll li dan kien sinjal ta’ tmiem id-dinja li għad irid jiġi.

“Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf” (Mk 13:32). Imma hemm xi ħaġa li taffettwa lil kull wieħed u waħda minna, li hi bejn iż-żewġ avvenimenti li jitkellem dwarhom Ġesù. Għax tmiem Ġerusalem, meta tkellem Ġesù, ma kienx għadu ġara, kien għad baqagħlu ftit inqas minn 40 sena biex jiġri, imma ġara. Hu dokumentat fl-istorja. Saħansitra l-Imperatur kien għamel ark trijonfali ġo Ruma, li għadu magħna sal-lum u jiċċelebra wkoll r-rebħiet tiegħu, fosthom ir-rebħa u l-qerda ta’ Ġerusalemm.

Imma Ġesù jitkellem dwar it-tmiem tad-dinja kif nafuha aħna; u bejn dawn it-tnejn, hemm it-tmiem ta’ ħajjitna, kif nafuha aħna wkoll. Dan hu appuntament, li nixtiequ kemm nixtiequ li ma jasalx malajr, se jasal. Intom, min jaf kemm-il darba smajtuni ngħid talba lil Ġesù, li nissuġġerixxi lil kulħadd jgħidha: ‘Sinjur, meta trid, imma m’iniex mgħaġġel’. Imma għalkemm m’iniex mgħaġġel, l-Evanġelju tal-lum ifakkarni, li dan l-appuntament mal-Mulej se jasal fuqi, kif se jasal ukoll fuqek; kif jasal fuq kull wieħed u waħda minna; kif wasal fuq il-maħbubin tagħna li ħallewna.

Jumejn ilu kelli x-xorti nbierek mill-ġdid il-kappella sabiħa li nbniet 160 sena ilu fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Hemm 300,000 Malti u Maltija midfunin f’din il-belt li għandha l-popolazzjoni kważi daqs ta’ Malta f’ċimiterju wieħed. ‘Iċ-ċimiterju l-kbir’ ngħidulu, evidentament. Dawk kollha ħutna li ltaqgħu mal-Mulej. Ħallew biss magħna l-fdalijiet tagħhom; u forsi minħabba l-wirt, xi balla inkwiet; imma dak ma nidħlux fih. Għax inti, xi tħalli warajk? Kif tkun għext, l-imħabba li biha tkun għext, jew in-nuqqas tagħha.

L-ewwel qari jgħidilna li dan l-appuntament mal-Mulej fil-mewt tagħna, u anke fit-tmiem id-dinja, se jkun mument ta’ mħabba imma wkoll ta’ verità. Santu Wistin, għandu espressjoni sabiħa, nixtieq naqsamha magħkom: ‘kif tippretendi li ssib il-ħniena, jekk f’ħajtek ma użajtx il-ħniena’. Qed jgħidilna, meta tiltaqa’ mal-Mulej, inti se ssib dak li żrajt f’din id-dinja. Żrajt l-imħabba u l-ħniena, se ssib il-ħniena; żrajt il-mibegħda u l-qerda, se jkollok ġudizzju.

Din tagħti dinjità kbira lil ħajja tagħna. Għax aħna kultant, anke tisimgħu lilna, tgħidu: ‘Iva, Alla jaħfer’. Jaħfer dejjem! U jalla l-Mulej jagħtina wkoll il-grazzja tal-indiema. Imma jekk aħna nwebbsu qalbna, u fil-mibegħda għexna, fil-mibegħda mmutu, u l-laqgħa ma’ Alla se tkun iebsa għax l-għażla tagħna naħdmuha hawnhekk – kif nittrattaw lil xulxin. “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuna, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u l-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36).

Aħna u nisimgħu lill-Mulej jgħidilna: Araw naqra s-siġra tat-tin; aħna għandna grazzja fil-pajjiż tagħna, sakemm nibqgħu nibżgħu għalih, għandna din l-esperjenza li meta tiġi r-rebbiegħa s-siġra tat-tin tibda tarmi. U nindunaw li waslet ir-rebbiegħa u ġej is-sajf biex ingawdu wkoll mid-dell u l-benna tal-frott tagħha. Il-Mulej qed jgħidilna iftħu għajnejkom u ħarsu lejn is-sinjali taż-żminijiet għax aħna kultant ħajjitna ngħixuha, imma tant ngħaddu bl-għaġla li ma ngawdux il-veduta. Mentri l-Mulej irid li aħna naslu fejn iridna naslu: “nħejjilkom post” (Ġw 14:3).

Taf x’inhi d-differenza bejn il-ġenna u l-infern? Il-ġenna għandek post ibbukkjat, l-infern m’hemmx post għalik; għalhekk tagħmel xejn biex tmur. Għax Ġesù jgħid “li l-infern maħluq għax-Xitan u l-anġli tiegħu” (Mt 25:41). Inti m’intix maħluq/a għall-infern; inti maħluq għall-ġenna. Allura l-biljett maqtugħ, tista’ tqattgħu jew tużah! X’se nagħmlu?    

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Dan 12:1-3
Salm: 15(16):5,8,9-10,11
Qari II: Lhud 10:11-14,18
L-Evanġelju: Mk 13:24-32

Aktar ritratti