-
-
L-ikona ta’ Għemmaws iddawwal il-viżjoni tagħna bħala Knisja fis-soċjetà ta’ żmienna. L-esperjenza taż-żewġ dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws hija l-ġrajja li l-Arċisqof Charles J. Scicluna ppreżenta għar-riflessjoni tagħna fil-bini u t-twettiq ta’ pjan pastorali għad-djoċesi tagħna fl-Assemblea Djoċesana li għaddiet.
Minn din il-ġrajja joħorġu qawwija erba’ attitudnijiet li trid tħaddan il-Knisja f’pajjiżna fil-mixja tagħha. Trid tkun Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’, Knisja li takkumpanja u Knisja li toħroġ.
Sabiex jgħinna f’din ir-riflessjoni, fil-jiem li ġejjin ser ikun hawn fostna l-Isqof ta’ Antwerp, il-Beġju, Mons. Johannes Bonny, fejn ser ikollu laqgħa mal-lajċi, b’mod partikolari dawk involuti f’ħidma pastorali fil-parroċċi, fl-għaqdiet, fl-iskejjel, f’kunsilli u kummissjonijiet parrokjali u djoċesana, u f’kull qasam ieħor tal-evanġelizzazzjoni.
Il-laqgħa ser issir nhar it-Tlieta, 11 ta’ Ġunju 2019 fis-Sala San Ġorġ Preca fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana. Il-laqgħa tibda fis-7mp.
Minħabba l-importanza ta’ din il-laqgħa, dawk kollha involuti huma mitluba li jieħdu sehem.