Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2011, se ssir laqgħa bit-tema: Henry u Inez Casolani ‘Qaddejja ta’ Alla fiż-żwieġ u fil-familja.’ Il-Kelliem ewlieni se jkun Fr Paul Chetcuti SJ. Se jkun hemm ukoll esperjenzi personali mill-Perit Vincent Cassar u l-Kardjologu Dr Robert Xuereb. Din il-laqgħa se ssir fl-iskola ta’ Santa Monika, B’Kara u tibda fis-7.00 p.m.
Henry u Inez Casolani iżżewġu fid-19 ta’ April 1944 fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt. Huma għexu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum fiż-żwieġ u fil-familja b’mod straordinarjament tajjeb. Tul ħajjithom kollha Henry u Inez Casolani ma tilfux il-ħarsa tagħhom minn fuq Alla. Dak kollu li għamlu wettquh b’qalb kbira mimlija mħabba u kompassjoni. Għexu ż-żwieġ tagħhom b’impenn, fedeltà u entużjażmu. Kien hemm spirtu ta’ qadi bejniethom fuq l-eżempju ta’ Ġesù. Fil-familja tagħhom kien hemm ambjent qaddis, ambjent ta’ knisja domestika.
Henry Casolani twieled il-Belt Valletta fl-1917 u miet fl-1999. Huwa għamel karriera twila u sabiħa bħala draughtsman mal-Public Works Department u kien ta’ eżempju mill-isbaħ għal sħabu. Inez Casolani twieldet f’Bormla fl-1915 u mietet fl-1992. Hija kienet għalliema iżda kif iżżewġet waqfet mill-professjoni tagħha biex tiddedika ruħha totalment għall-familja. Henry u Inez Casolani kellhom tifla unika, Cecilia, li ta’ dsatax il-sena daħlet soru mas-Sorijiet ta’ St. Joseph of the Apparition.
Henry u Inez kienu żewġ personalitajiet b’karattri differenti minn ta’ xulxin imma sabu l-mezz kif ikunu ħaġa waħda f’dak li hi fundamentali: l-għaqda fl-imħabba t’Alla u li jimxu dejjem il-quddiem fil-prattika tat-tagħlim ta’ Ġesù. Riedu jitqaddsu huma l-ewwel fil-familja u mbagħad għaddew din il-mira lin-nies ta’ madwarhom. Henry Casolani kellu fejqan straordinarju f’għajnejh minn Macular Degeneration u Diabetic Retinopathy bl-intercessjoni tal-Venerabbli, illum Beata, Swor Maria Adeodata Pisani. Henry u Inez Casolani huma xhieda ta’ Kristu u tal-fidi nisranija. Huma eżempju attwali ta’ qdusija fil-ħajja miżżewġa ta’ kuljum.