-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali, Santa Luċija
21 ta’ Jannar 2018Dun Joe Mizzi, ippermettili naqsam miegħek xi ftit ħsibijiet ispirati mill-Evanġelju tal-lum, mill-kelma ta’ Alla, quddiem il-komunità afdata f’idejk.
L-ewwel ħsieb li jiġini huwa kemm Ġesù jinsisti li l-Kelma tiegħu hija aħbar tajba u biex jgħid hekk juża’ l-kelma ‘evanġelju’ li bil-Grieg tfisser ‘aħbar tajba’, mhux l-aħbarijiet, imma propju l-Aħbar it-Tajba. Il-kelma ‘evanġelju’ ġejja mir-rit imperjali. Meta l-imperatur jew ir-re kien jiddeċiedi jmur f’xi parti mill-imperu tiegħu, kien jibgħat it-tħabbira li se jasal u dik it-tħabbira li se jasal ir-re jew l-imperatur kienu jgħidulha evangelion, aħbar tajba, forsi mhux aħbar tajba għal min kellu jorganizza l-mawra u ż-żjara tal-imperatur, imma għall-poplu ġej ir-re.
U din il-ħaġa Ġesù stess jużaha għaliex hu ġej iħabbar il-miġja fostna tas-saltna ta’ Alla u għalhekk għallimna l-Missierna. X’għallimna? Qalilna nitolbu: “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek” (Mt 6, 9-10). Fl-Evanġelju tal-lum “iħabbar is-saltna” (Mk 1, 15), il-miġja tal-Mulej fostna u juża’ l-kelma li kienu jużaw ir-rejjiet ta’ dak iż-żmien għall-Mulej u għall-ħidma tiegħu.
Mhux faċli toħroġ mill-fosdqa tal-egoiżmu tiegħek u tibda timmatura billi tagħti ħajtek.
L-awgurju li nagħmillek, għażiż Dun Joe, huwa li inti u tibda l-ministeru f’din il-parroċċa, li mhux biss bil-kelma tiegħek imma wkoll bil-preżenza tiegħek, ix-xhieda tiegħek, tkun aħbar tajba, evangelion. Kull min jarak, jifraħ li ġej ir-ragħaj li qed jagħti ħajtu lill-poplu tiegħu. Kull min jarak jiftakar li inti qassis ta’ Ġesù u għalhekk l-Għimmanu-El, dak li jgħammar fostna. Nixtieqek, għażiż Dun Joe, naf li din tiswielek tgħix fost dan il-poplu, ħallihom jarawk tixtri bil-qoffa, imqar minn għand tal-ħaxix. Ħallihom jarawk fosthom titla’ t-turġien tal-flat, speċjalment meta ma jaħdimx il-lift, jew inkella żżur il-morda anke meta jkunu fl-isptarijiet. Il-kappillan ifakkarna fil-preżenza konkreta, reali ta’ Ġesù.
Imbagħad Ġesù jinsisti li għandna nbiddlu ftit il-mentalità u jgħidilna “indmu”. Mhux faċli toħroġ mill-fosdqa tal-egoiżmu tiegħek u tibda timmatura billi tagħti ħajtek. Fl-imħabba miżżewġa, fis-saċerdozju, fil-vokazzjoni professjonali tiegħek, din hija l-vera maturazzjoni tal-bniedem: li joħroġ minnu nnifsu u jiskopri li iżjed ma jingħata, iżjed isib lilu nnifsu. Din hi l-vera metanoia, il-bidla tal-moħħ. Mhijiex magħmulha miċ-ċekċik tad-dnubiet tarahom kbar li nagħmlu minħabba d-dgħufija tagħna. Mhux dak huwa l-elenku li jinteressah il-Mulej, imma tinteressah din il-bidla tal-qalb fundamentali. Mulej, jien għandi bżonnok biex tgħini nħobb kif tixtieq inti minkejja d-dgħufija tiegħi għax il-bniedem ġust jaqa’ seba’ darbiet kuljum, aħseb u ara aħna. U tant jaf hekk li m’għamilx il-qrar bir-raxin. Qabel kien ikollna l-kotba tar-raxin. Ġesù ma qalx: ‘Mal-magħmudija tirċievi 50 qrara u mbagħad ara x’se tagħmel int!’ Le, hu jiftħilna l-bieb tal-ħniena tiegħu dejjem u kullimkien.
Kif se tattirahom lill-bnedmin? Tattirahom biss bl-imħabba, la bil-ġudizzju iebes, la bil-kelma iebsa, la bl-arroganza.
U inti wkoll, illum b’konsenja mill-Knisja, se titla’ fuq l-ambone u ssejjaħ lill-komunità bit-tislima: “Il-Mulej magħkom”. Minn fuq l-ambone int ixxandar il-Kelma tal-Mulej, mhux tiegħek. Ftakar x’sema’ Ġona mingħand il-Mulej: “Mur jgħidilhom dak li ngħidlek jien” (Ġona 3, 2). Ġona ma ridtx imur u pprova jaħrab minn din il-biċċa li jmur ixxandar l-indiema lill-poplu kbir ta’ Ninwè. Imma wasal u kien il-kawża ta’ konverżjoni kbira fil-poplu li telaq id-drawwiet l-imgħoddija u ħaddan lill-Mulej u l-ħniena tiegħu.
Il-Mulej Ġesù wkoll isejjaħlek biex titlaq kollox u timxi warajh, il-Mulej jixtieq jagħmlek “sajjied tal-bnedmin” (Mk 1, 17). Kif se tattirahom lill-bnedmin? Tattirahom biss bl-imħabba, la bil-ġudizzju iebes, la bil-kelma iebsa, la bl-arroganza. Inti lill-bnedmin tressaqhom lejn Ġesù bil-ħarsa ħanina tiegħek, bil-kelma tiegħek ta’ faraġ, bis-sagramenti tal-Knisja li huma għajn u nixxiegħa għal kulħadd.
Jiena nitlob għalik, għażiż Dun Joe, u inti itlob għalija bl-interċessjoni ta’ San Piju X. Nibqgħu nikkonċentraw fuq il-motto li għandna ta’ San Piju X meħud mit-tagħlim tal-Appostlu Missierna San Pawl: dik li nġeddu kollox fi Kristu, omnia restaurare in Christi. Kemm hu importanti li aħna, jekk nitkellmu fuq tiġdid, it-tiġdid nagħmluh f’Ġesù Kristu, aħna u nisimgħu l-Kelma tiegħu, nitpaxxew u nammiraw il-ħniena kbira tiegħu, inħalluh iħaddanna, jgħannaqna u jberikna. Kun int għażiż Kappillan l-idejn ta’ Ġesù li jbierku, il-kliem ta’ Ġesù li jġib il-faraġ u l-maħfra u l-Ewkaristija lill-poplu tiegħu. Jalla l-ħarsa tiegħek u l-ħarsa safja u sabiħa biex il-poplu ta’ Santa Luċija, meta jħares lejk jgħidu: ‘Għaddej ir-Ragħaj it-Tajjeb’.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġona 3, 1-5.10
Salm: 24 (25), 4bċ-5ab.6-7bċ.8-9
Qari II: 1 Kor 7, 29-31
Evanġelju: Mk 1, 14-20
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Ivan Vella