L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fis-Salm Responsorjali, jiġifieri f’dik it-talba li għamilna wara l-ewwel qari, flimkien tlabna hekk: “Tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej” (Salm 105:3). Xi tfisser tfittex il-Mulej? Ħafna drabi, meta xi ħadd ikellimna fuq Alla, jew nieħdu qatgħa, jew nagħlqu widnejna. Biex ġej dan? Dawn mhux affarijiet tal-antik, kollha għanqbut? Imma mingħajr ma forsi nkunu nafu, kull darba li f’ħajjitna nfittxu dak kollu li hu tajjeb, dak kollu li hu veru, dak kollu li hu sabiħ; aħna nkunu qegħdin infittxu lil Alla, b’mod anonimu; imma fil-verità, u tassew.

Jiena nħeġġiġkom għeżież studenti, li f’ħajjitkom, tgħaddu mil-liema ċirkustanzi tgħaddu, tfittxu dak kollu li hu tajjeb, dak kollu li hu veru, dak kollu li hu sabiħ. Dak kollu li l-Mulej takom, bil-ħiliet tagħkom, bl-esperjenza edukattiva tagħkom, bil-mumenti sbieħ jew ta’ sfida li jimmaturawkom. Itolbu li tkunu strumenti biex fid-dinja jkun hawn iżjed ġustizzja, sewwa, tjubija, imħabba u sliem. U nawguralkom li l-qalb tagħkom tkun mimlija bil-ferħ ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.

Fl-Evanġelju, Ġesù jitkellem dwar il-Missier, li mhux jistenniena nfittxuh, imma li jfittixna Hu. Meta f’xi mument ta’ kwiet taħseb f’Alla; aħseb mhux f’xi ħaġa, imma f’xi ħadd, li hu mħabba u li qed ifittxek kontinwament; li l-hena tiegħu li hu jkun miegħek, u li int tkun miegħu. U Ġesù, f’kapitlu 15 ta’ San Luqa, li minnu smajna silta sabiħa, jitkellem dwar ir-ragħaj, li għandu mitt nagħġa, ntilfitlu waħda u li jħalli kollox biex isibha. “U meta jsib din in-nagħġa li ntilfitlu, jifraħ ħafna. U jikkonkludi Ġesù, “ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb, li ma kellux bżonn ta’ ndiema” (Lq 15:7).

Għal Ġesù, il-midneb min hu? Dak li ntilef! Forxi tilef il-boxxla ta’ ħajtu; tilef is-sens tal-eżistenza ta’ ħajtu; tilef it-togħma sabiħa tal-ħajja. Il-Mulej għatxan l’inti terġa’ ssib it-triq, li tieħu ħsieb tiegħek innifsek fit-tliet imħabbiet: tħobb lilek innifsek, lil għajrek, u lil Alla.

Itolbu li tkunu strumenti biex fid-dinja jkun hawn iżjed ġustizzja, sewwa, tjubija, imħabba u sliem.

It-tieni tixbiha li jagħtina Ġesù hi ta’ mara li kellha 10 muniti prezzjużi ħafna; id-drakma kienet munita prezzjuża ħafna. Tilfet waħda minnhom u ġġennet. “U tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha!” (Lq 15:8). U meta ssib din il-munita prezzjuża, ukoll tagħmel festa. Innutaw, għall-Mulej, il-fatt li aħna kultant nintilfu, ma jaqtagħlux qalbu, imma jfittixna; jieħu l-inizjattiva. Inti mingħalik tlaqt ’il bogħod minnu, insejtu, abbandunajtu; forsi l-għatba tal-Knisja ilek ma tirfisha ftit. Anzi nirringrazzjakom talli llum ġejtu fil-Konkatidral, bl-għażla tagħkom u għax ridtu. Imma tinsiex, jekk inti nsejt tfittxu, hu ma jinsiek qatt! U qatt!

Għalhekk, dawn il-parabboli Ġesù jagħtihom lill-Fariżej, bħalma kien Pawlu l-Appostlu Missierna, l-għorrief tal-liġi – dawn ukoll kienu gradwati; li kienu jħarsu b’imneħirhom imxammar lejn ħaddiehor. Kienu jgergru li l-Mulej jagħmilha ma’ nies midinba: “nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!” (Lq 15:2) Din it-tgergira tal-Fariżej fuq Ġesù, lilna tagħmlilna kuraġġ, għax aħna nafu min aħna, nafu id-defiċit, nafu l-ħiliet, u nirringrazzjawh tagħhom. Imma nafu li għalkemm midinbin, hu jilqana’ u jiekol magħna. Iqisna ħbieb tiegħu anke meta niġġieldu miegħu.

Jalla intom tkunu strumenti ta’ rikonċiljazzjoni fid-dinja, bil-ħiliet kollha tagħkom. Jalla tkunu wkoll rifless sabiħ ta’ dan l-atteġġjament ta’ Ġesù, atteġġjament verament inklussiv. Il-midneb, ħafna drabi, hu kategorija ta’ min hu mwarrab. Imma l-Mulej, lil min hu meqjus bħala mwarrab jew imbiegħed, jersaq lejh. Mhux ta’ b’xejn li żewġ ismijiet tiegħu, huma programmatiċi. Ġesù: ‘Alla jsalva’, Alla jerfgħek, jagħtik il-ħajja, isalvak. U Għimmanu-El: ‘Alla magħna’. Tgħaddi minn xiex tgħaddi, ħija l-għażiż, oħti l-għażiża, ftakar li l-Mulej miegħek, għax hu Għimmanu-El.          

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Fil 3:3-8a
Salm: 104 (105):2-3,4-5,6-7
L-Evanġelju: Lq 15:1-10

Ritratti: MCAST