L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna t’Alla” (Lq 14:15). Din hija beatitudni li ma jgħidhiex Ġesù, imma jgħidha wieħed minn dawk li kienu qed jieklu ma’ Ġesù fuq l-istess mejda.

Ġesù jinsisti li din il-beatitudni ta’ “min jiekol il-ħobż fis-Saltna t’Alla” hija kwistjoni ta’ stedina li aħna nirċievu u li nilqgħu. Jagħtina parabbola ta’ diversi kategoriji ta’ nies li rċevew stedina għall-pranzu kbir. Imma kulħadd għandu x’jagħmel. Min għandu skuża u min għandu oħra. Is-sid jiddarras għaliex dawn ma laqgħux l-istedina tiegħu. U għal darba, darbtejn, jistieden lil kull min jista’ jiġi. Imma dawk li ma laqgħux l-istedina tiegħu jibqgħu bir-riħa, kif ngħidu bil-Malti.

Aħna u nitolbu għal ħutna li għaddew mill-ħajja ta’ dejjem, nitolbu għalihom biex fl-aħħar stedina li saritilhom, il-Mulej isibhom ħerqana jieħdu sehem f’dik il-beatitudni – “hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna t’Alla” (Lq 14:15) – għaliex fejn aħna mistednin fl-aħħar ta’ ħajjitna, la se jkun hemm bżonn nixtru għelieqi, la nixtru barrin, u lanqas niżżewġu. Kollox jgħaddi.

Jalla aħna nkunu lesti biex meta ma jibqa’ ħadd u xejn f’ħajjitna ħlief l-istedina li ngawdu lil Alla, aħna nkunu lesti nilqgħu l-istedina tiegħu.

Ħuti, ejjew nitolbu għal ħutna l-mejtin, biex il-Mulej jagħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Rum 12:5-16a
Salm: 130 (131):1,2,3
L-Evanġelju: Lq 14:15-24