• Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Memorjal ta’ San Pietru f’Kafarnaum, matul il-pellegrinaġġ li qed imexxi fl-Art Imqaddsa.
     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna 

    Memorjal ta’ San Pietru, Kafarnahum
    6 ta’ Mejju 2016
    Kif innutajtu, dan l-Evanġelju jsemmi erba’ postijiet għeżież li qegħdin inżuru f’din il-ġurnata, it-tieni ġurnata sħiħa tal-pellegrinaġġ tagħna fl-Art Imqaddsa.
    Kif qalilna Fr Twanny, minn din id-dar u li qegħdin naraw il-ġebel tagħha fin-nofs, ħareġ sajjied biex jaqbad il-ħut. Kien sajjied tal-ħut u kellu familja. Pietru ħareġ ma ħuh Indri. Ma nafux eżatt meta kienet din il-ġurnata, nafu biss li meta daħal lura f’din id-dar, ma kienx biss sajjied tal-ħut imma kien sar ukoll sajjied tal-bnedmin għaliex l-istedina li kien għamel il-Mulej lilu u lil ħuħ Indri kienet din: “Ejjew warajja u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih l-Evanġelju ta’ San Mark jgħid, “telqu x-xbiek u marru warajħ” (Mk 1, 17-18).
    Ix-xbiek li bihom jaqbdu l-ħut ma kellhomx bżonnhom biex jaqbdu lill-bnedmin imma kellhom isiru dixxipli tal-Mulej. ‘Il quddiem Ġesù kellu wkoll jgħallem lil Xmun Kefa, jew Xmun Pietru, kif kellu jagħmel biex jaqbad il-bnedmin: “Tħobbni inti? Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21, 17). Il-Mulej stess qal li hu kellu jiġbed lejh il-ġnus billi jitgħolla fuq il-għuda tas-salib: “Meta nitgħolla, niġbed il-ġnus lejja” (Ġw 12, 32). Mela li ssir sajjied tal-bnedmin tfisser tkun dixxiplu tal-Mulej, titgħallem minnu kif tħobb lil bniedem, lill-umanità, lill-merħla tal-Mulej u ma tibżax mill-prezz li trid tħallas, il-prezz tas-salib.
    Meta Xmun Pietru rritorna lura, sab il-mara tiegħu, lill-uliedu u anke lill-omm il-mara. Immaġinaw x’ma qaltlux il-kunjata meta qalilha li kien telaq kollox biex jimxi wara Ġesù. Omm il-mara ta’ Xmun, li ma nafux x’kien jisimha, kellha tiskopri min hu Ġesù. Immaġinaw dak it-tgergir kollu meta kienet marida bid-deni, jidħol ħdejha Ġesù, “resaq lejha”, jgħid l-Evanġelju ta’ San Mark, “qabadha minn idha u qajjimha” (Mk 1, 31).
    Din il-mara fehmet l-għażla li kien għamel Xmun, ir-raġel tat-tifla, u “d-deni  ħallieha, u bdiet taqdihom, bdiet isservihom”. U min jaf x’ikel sajret! It-tgergir inbidel fi fwieħa tajba ta’ ikel bnin bħala ringrazzjament lil Ġesù ried jgħidlu grazzi. Min jaf x’qaltlu lil Xmun: ‘għażilt tajjeb, Xmun’ anke għaliex, kif nafu, meta ġie biex iħallas it-taxxa, Ġesù qallu biex jistad għal ħuta u sab staten u bih seta’ jħallas it-taxxa għalih u għal Ġesù. Jiġifieri sab ukoll ix-xorti għaliex sab lil Ġesù u kellu anke biex iħallas it-taxxa, l-ikbar xorti għal ħafna nies. Din id-dar, minn dar it-tgergir saret dar il-fejqan; minn dar ta’ familja saret dar it-talb għaliex saret domus ecclesiae, jiġifieri dar knisja jew id-dar tal-Knisja.
    Jalla l-Mulej, f’din l-Ewkaristija, aħna u nitolbu għall-familji tagħna, għall-parroċċi tagħna, ibiddel il-komunitajiet Insara – għax il-familja hija l-ewwel komunità Nisranija, l-ewwel Knisja – minn post tat-tgerir għal post tal-fejqan. Għax aħna noqgħodu niskantaw bit-tgergir tal-kunjata ta’ Pietru, imma aħna mhux ukoll imtaqqlin biz-zekzik u t-tgergir għal xulxin: fil-familji, fil-parroċċi, fil-komunitajiet, biex ma ngħidx fil-kleru u fir-reliġjużi? Jalla imma d-djar tagħna, fejn aħna l-Insara ngħixu flimkien, isiru djar tal-fejqan.    
    Aħna għadna kemm żorna s-Sinagoga. Fis-Sinagoga ta’ Kafarnahum, dak il-ġebel skur huwa ġebel għażiż. Dak il-ġebel sema’ lil Ġesù jsejjaħ għall-indiema, sema’ l-ewwel taqtiegħa kbira ma’ Satana. “Jien naf min int Int, il-qaddis ta’ Alla. X’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret?” (ara Mk 1, 23). Innutaw li dan id-diskors ta’ Satana, li għal darba huwa veru, Ġesù ma jaċċettahx. “Iskot, iskot” (v.25) għaliex ix-xhieda ma jagħtihiex ix-xitan. Ix-xhieda jagħtieha d-dixxiplu umli. Imma nnutaw li l-isem li juża’ Satana għal Ġesù, nerġgħu nsibuh fl-aħħar taqtiegħa bejn Satana u Ġesù fuq is-salib. Fuq is-salib Ġesù kellu miktub Ġesù ta’ Nazaret, sultan tal-Lhud. Iċ-ċenturjun imbagħad kellu jgħid: “Dan żgur l-Iben ta’ Alla” (Mt 27, 54).
    Ġesù jeżorċizza lill-komunità u għalhekk illum irridu nitolbu l-grazzja tal-eżorċiżmu fuq il-Knisja ta’ Malta, fil-familji tagħna, fil-komunitajiet tagħna, mhux biss id-don tal-fejqan, imma d-don tal-eżorċiżmu, id-don tal-ħelsien mill-ħakma tax-xitan. Anke dan il-post huwa għażiż għalina għaliex fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, Ġesù jeżorċizza, joħroġ ix-xitan minn tant nies u fil-fatt kull meta l-Evanġelju jsemmi l-fejqan, isemmi wkoll l-eżorċiżmu. Dar il-Galilija kollha – aħna qegħdin il-Galilija bħalissa – jipprietka fis-sinagogi l-kelma u jkeċċi x-xjaten, jeżorċizza, il-kelma u l-eżorċiżmu.     
    F’din id-dar ta’ Pietru, ejjew nitolbu wkoll għall-familji li minnhom ħarġu vokazzjonjiet saċerdotali u reliġjużi biex il-Mulej ikun il-barka tagħhom. Imma nitobu wkoll għall-miżżewġin kollha għax hawnhekk għandna appostlu li la kellu l-kunjata kellu l-mara u kellu kull ma tixtieq qalbu. Imma hawnhekk naraw l-Evanġelju kemm hu ħaj, kemm hu veru. Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Pietru għall-Papa, għalina l-Isqfijiet, l-Isqfijiet tad-dinja kollha, u nitolbu wkoll l-interċessjoni għas-saċerdoti, għar-reliġjużi irġiel u nisa, u għal-lajċi, għall-poplu fidil ta’ Alla.   
    Kemm hi ħaġa sabiħa li l-Mulej tana l-grazzja li nkunu Kafarnahum fejn hu tana l-ikbar wegħda: il-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem u l-wegħda tal-ħobż tal-ħajja ta’ dejjem: il-kelma tiegħu u l-Ewkaristija. Hawnhekk, Ġesù, skont l-Evanġelju ta’ San Ġwann, tana l-ikbar tagħlim. Hawnhekk, imbagħad għexu, il-konsenja tahielna Ġerusalemm veru, imma hawnhekk antiċipa t-tifsira l-iżjed profonda u radikali tal-għotja tiegħu. Ejjew nitolbu l-grazzja biex aħna ngħixu dan id-don tal-Ewkaristija li hija għotja tal-Mulej li lilna tqawwina biex ningħataw għall-aħwa u għalih, għall-Mulej.
    Il-Mulej Ġesù hawnhekk kien iterraq mal-għadira, kif jgħidilna l-Evanġelju. “Huwa u għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u lil ħuħ Indri”. Imbagħad reġa’ mexa ftit ieħor u ra “lil Ġakbu u Żebedew” (Mt 4, 18.21), il-ħarsa ta’ Ġesù. Il-ħarsa ta’ Ġesù li tinfed il-qalb, li ssaħħrek, li tikkonvertik, li timlik bl-imħabba bħalma għamel ukoll ma’ dak iż-żgħażugħ li kien għani ħafna: “ħares lejh” (Mk 10, 21), ħares lejh. Dik il-ħarsa ta’ Ġesù!
    Aħna hawnhekk qegħdin ukoll fil-post ta’ dawk it-tliet xhieda li diġa jissemmew fl-Evanġelju ta’ San Mark – apparti Indri li introduċa lil Pietru. Imma fl-Evanġelju ta’ San Ġwann huwa Indri li jintroduci lil Xmun lil Ġesù. L-ewwel tliet xhieda huma dawn li qegħdin hawnhekk: Xmun, Ġakbu, u Ġwanni, ulied Żebedew. Rajnihom fil-mużajk sabih fuq it-Tabor ilbieraħ, ix-xhieda tal-glorja ta’ Ġesù. Imma meta nkunu l-Ġetsemani niftakru li huma kienu wkoll xhieda tal-agunija ta’ Ġesù, tal-qtar tad-demm tiegħu, demm ta’ ansjetà, ta’ dulur, ta’ turufnament.
    Ejjew inħallu lil Ġesù jħares lejna, isejħilna u jagħmel minna xhieda tal-glorja tas-salib imqaddes tiegħu.
      Charles J. Scicluna                                                            
         Arċisqof ta’ Malta