L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan ir-rakkont sabiħ jiġri propju dakinhar tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Dakinhar stess, jgħidilna Luqa, li qed jikteb dan it-tielet Evanġelju: “Dakinhar stess, fl-ewwel jum tal-ġimgħa” (Lq 24:13).

Id-dixxipli diġà semgħu li l-qabar vojt, li semgħu ukoll ir-rakkont tan-nisa li dehrulhom xi anġli u qalulhom li Ġesù hu ħaj, li qam mill-imwiet. Imma dawn iż-żewġ dixxipli jiddeċiedu li jitilqu minn Ġerusalemm u għal għonq it-triq il-qalb tagħhom hi mimlija swied il-qalb. Ġesù ma jabbandunahomx, jersaq lejhom u jibda miexi magħhom. Għajnejhom ma jistgħux jagħrfuh avolja kienu jafuh u lil dan il-kumpann tal-pellegrinaġġ tagħhom jispjegawlu x’ġara lil Ġesù ta’ Nazaret. Jitkellmu tajjeb ħafna fuqu imma jitkellmu fuq dak li ġara fil-Ġimgħa l-Kbira, fid-difna tiegħu u f’dak li qed jgħidu n-nisa b’ton ta’ swied il-qalb. Tawh għall-mewt, sallbuh, difnuh, issa xi nisa qed jgħidu li l-qabar vojt u li xi anġli qalulhom li qam mill-imwiet (ara Lq 24:20.22).

Għalina l-lnsara l-quddiesa mhix lussu, il-quddiesa mhix show

San Luqa f’dan l-ewwel jum, l-Għid il-Kbir, li għalina l-Insara hu l-qofol tal-fidi tagħna, jipprova jgħallimna li jekk qed nixxenqu biex niltaqgħu u nagħrfu lil Ġesù ta’ Nazaret, l-imsallab u l-irxuxtat, irridu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nieħdu sehem fil-qsim tal-ħobż. Fil-fatt id-dixxipli jirrealizzaw li waqt li qed jispjegalhom l-Iskrittura għal għonq it-triq, qalbhom hi mħeġġa: “Ma kinitx imħeġġa qalbna u mkebbsa ġewwa fina hu u jkellimna fit-triq ifissrilna l-Iskritttura?” (Lq 24:32).

Aħna mill-ewwel nagħrfu li fil-bidu tal-quddiesa, fl-ewwel parti wara li aħna nkunu tlabna maħfra ta’ dnubietna u nibdew nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, il-Mulej jaqsam magħna l-Kelma, l-Iskrittura. Nitolbu li f’dawn il-mumenti anke qalbna titħeġġeġ għalih.

Imbagħad il-Mulej jidħol magħna f’intimità kbira. Jaqsam il-ħobż, ibierku, jagħtihulna. Id-dixxipli ta’ Għemmaws “għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35). Din l-espressjoni għażiża ‘qsim tal-ħobż’ hi l-isem l-iżjed antik għall-quddiesa. L-ewwel Insara, meta kienu jiltaqgħu biex jiftakru xi kelma ta’ Ġesù, qabel ma nkitbu l-Evanġelji u anke jaqsmu l-ħobż b’tifkira tiegħu -għax il-Mulej qalilna: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” – din il-laqgħa kienu jgħidulha qsim il-ħobż. Id-dixxipli ta’ Għemmaws jagħrfu lill-Mulej fil-qsim il-ħobż.

Għalina l-lnsara l-quddiesa mhix lussu, il-quddiesa mhix show, veru bħalissa qed inwasslu t-trasmissjoni ta’ dak li qegħdin nagħmlu hawn illum pereżempju mill-knisja għażiża ta’ Santa Katarina, magħrufa wkoll bħala ta’ San Girgor, miż-Żejtun, imma għalina l-Insara hu importanti li nieħdu sehem fl-ikla tal-Mulej – li l-Mulej inaddafna bil-ħniena tiegħu imbagħad jitmagħna b’ġismu u jagħtina nixorbu minn demmu – għax m’għamilx show imma għamel ikla.

U allura aħna l-Insara għandna bżonn nitolbu ħafna biex kemm jista’ jkun malajr, meta titqaddes il-quddiesa l-poplu jkun jista’ jieħu sehem. Mhix lussu, għalina hi xi ħaġa essenzjali. Hawn tant servizzi essenzjali, hu tajjeb li aħna nżommuhom u nipproteġuhom. Għalina l-Insara l- esperjenza tal-quddiesa flimkien, mhux il-qassis jagħmel ix-show jew l-isqof imbagħad narawh fuq it televixin, imma li nkunu flimkien nisimgħu ’l Ġesù jkellimna, jaqsam il-ħobż li hu ġismu, magħna. Din hi xi ħaġa essenzjali.

Kien hemm komunità fl-Afrika ta’ Fuq – qed ngħidu verament żmien ilu, fit-tielet seklu qed ngħidu fis-sena 280 x’aktarx hekk, waqt persekuzzjoni kbira – u tawhom għażla. Qalulhom jew tieqfu tiltaqgħu għall-qsim tal-ħobż, għall-quddiesa, jew inkella noqtlukom. Ir-risposta ta’ dawn l-Insara ta’ Abitene fl-Afrika ta’ Fuq kienet: ‘aħna ma nistgħux ngħixu mingħajr il-quddiesa’.

Il-quddiesa mhux quddiem it-televixin imma l-quddiesa li ngħixu fil-komunità tagħna. Nitolbu llum f’dan il-mument, li tradizzjonalment għal mijiet ta’ snin kien isir il-pellgrinaġġ imbagħad issir quddiesa, din is-sena ma setax isir il-pellegrinaġġ imma l-preżenza tal-Isqof hawnhekk hi l-aqwa turija li l-Knisja f’Malta tixtieq tkompli din it-tradizzjoni antikissima.

Fl-antik il-miżżewġin fil-kuntratt taż-żwieġ kienu jwiegħdu li se jġibha għal San Girgor u ħafna drabi waħda mill-affarijiet sbieħ ta’ wara t-tieġ kien li lill-għarusa, lil-mara tiegħu, ir-raġel miżżewweġ ġdid fjamant biż-żarbun iżaqżaq, iġibha hawnhekk. Jieħdu pjaċir jaraw dak il-pellegrinaġġ sabiħ bil-konfraternitajiet u l-isqof jieħu sehem li jasal hawnhekk, imbagħad kienu jinżlu Marsaxlokk, jieklu xi ikla tajba u jkun hemm xi żgħażagħ jagħmlu l-ewwel għawma f’baħar kiesaħ, nimmaġinah jien.

Dan kollu din is-sena ma nistgħux niċċelebrawh. Anke l-Ewkaristija ma nistgħux niċċelebrawha flimkien bil-komunità bħalma jkun hawn kull sena hawnhekk, imma nitolbu biex dan il-mument ma jdumx ma jerġa’ jiġi magħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 3, 1-10
Salm: 104 (105), 1-2.3-4.6-7.8-9
Evanġelju: Lq 24, 13-35