L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jiena hu l-ħobż tal-ħajja … min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem”. Hu dan il-kliem li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum, fost it-tgergir ta’ numru ta’ nies li kienu qed jisimgħuh. Fil-fatt, fl-Evanġelju, meta Ġesù tkellem fuq li hu l-ħobż tal-ħajja, kien hemm ħafna mhux biss li ma fehmuhx, imma kif naqraw ftit wara din is-silta, telquh u ma baqgħux jimxu warajh. Imma Ġesù baqa’ jgħid dan il-kliem, u jibqa’ jgħidu lilna lkoll illum.

L-ewwel Insara raw f’dan il-kliem ta’ Ġesù fuq il-ħobż tal-ħajja kemm hi importanti l-Ewkaristija, li hi l-preżenza reali ta’ Ġesù ħaj. Hu għalhekk li sa mill-bidu tal-Knisja, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija – il-quddiesa – kienet u baqgħet dejjem ċentrali fil-ħajja tal-Insara, ta’ dawk li jimxu wara Ġesù.

Illum li f’din il-quddiesa qed nirringrazzja lil Alla għal dawn it-tliet snin fil-qadi bħala isqof, nixtieq li niffokaw fuq ħaġa waħda biss, ispirata mill-kelma ta’ Ġesù: l-importanza tal-quddiesa, iċ-ċentralità tal-quddiesa fil-ħajja tagħna. Iktar u iktar meta aħna għexna u għadna qed ngħixu – nisperaw li noħorġu bil-mod il-mod minnu – dan iż-żmien tal-pandemija, li wriena l-importanza tal-quddiesa, u kemm għandna nifhmu aħna l-Insara l-valur tal-quddiesa. Il-quddiesa tlaqqagħna flimkien bħala komunità, fiha nisimgħu l-kelma ta’ Alla, nieħdu sehem fl-Ewkaristija, u nirċievu l-għajnuna li għandna bżonn għall-ħajja tagħna. Kif jgħid Ġesù, hi din li tagħtina l-ħajja, tagħti sens lil dak li nirsistu għalih f’ħajjitna, u timla lilna lkoll bil-barka ta’ Alla.

Fil-qalba

Meta qed nenfasizzaw kemm hi ċentrali l-quddiesa fil-ħajja tagħna, nagħmlu dan qalb diversi challenges li ngħixuhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Fost l-oħrajn, nafu li minħabba diversi influwenzi, għal diversi nies il-quddiesa ma għadhiex parti mill-ħajja tagħhom, u mhijiex problema għalihom. Niftakar darba x’qaltli omm żagħżugħa: fost sħabi, fost ħbiebi, ħadd ma jmur il-quddiesa l-Ħadd ħlief jien. Għalhekk, iċ-challenge hu akbar.

Il-quddiesa tlaqqagħna flimkien bħala komunità, fiha nisimgħu l-kelma ta’ Alla, nieħdu sehem fl-Ewkaristija, u nirċievu l-għajnuna li għandna bżonn għall-ħajja tagħna.

Hu importanti li bħala Nsara jkollna l-konvinzjoni li nagħmlu dak li hu sew, u mhux inħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalina. Nagħmlu dak li hu sew anke jekk l-oħrajn jagħżlu differenti. L-għażla tagħhom hi responsabbiltà tagħhom, l-għażla tagħna hi responsabbiltà tagħna. Għalhekk għandna dejjem nagħżlu li nagħmlu dak li hu sew, speċjalment f’dal-każ fejn tidħol l-għażla li l-quddiesa tibqa’ ċentrali għal ħajjitna.

Li tiżra’

Iċ-challenges jikbru meta hemm it-tfal, speċjalment it-tfal żgħar. Nafu li t-tfal mhumiex biss id-dinja ta’ għada, imma d-dinja tal-lum ukoll. Nixtieq ħafna li aħna jkollna dejjem l-ambjent fil-knisja fejn it-tfal, anke tfal żgħar, iħossuhom milqugħin, maħbubin, u li għandhom sehem x’jagħtu; li għandhom parteċipazzjoni ukoll fil-komunità meta tiltaqa’ għall-Ewkaristija.

Naturalment hu veru li meta nħarsu lejn it-tfal, nagħrfu li rridu niżirgħu fihom dak li hu tajjeb, biex ’il quddiem huma jaħsdu dak li hu tajjeb. Bil-Malti hemm espressjoni “li tiżra’, taħsad”. Ġieli hu hekk, imma mhux dejjem hu hekk. Mhux dejjem li tiżra’ taħsad; u din hi esperjenza iebsa kultant. Hi tbatija għal min ikun żera’ t-tajjeb u ma jarax il-frott ta’ dak li jkun żera’. Mhux dejjem li tiżra’ taħsad, imma dejjem jekk ma tiżrax, ma taħsadx. Ma jkunx hemm ċans li taħsad jekk ma tiżrax. Għalhekk, mat-tfal, hu importanti li aħna niżirgħu fihom din l-imħabba għall-quddiesa, dak li tfisser fil-ħajja tagħhom, u li dan ikun commitment sabiħ għall-ħajja.

Messaġġi pożittivi

Challengekbir hu kif, meta niġu l-knisja, nirċievu messaġġi pożittivi għall-ħajja. Hu importanti li kull min jiġi hawn għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa jħoss li jirċievi l-barka, l-għajnuna u inkoraġġiment għall-ħajja. U li qatt ma nifirdu – ħaġa li ssir ħafna drabi – iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa mill-bqija tal-ħajja.

Illum it-tfal huma impenjati f’ħafna attivitajiet sbieħ bħalma huma sports, atletika, għawm, ballet, kant u mużika. Huma tassew sbieħ! Nixtieq ninkoraġixxi ħafna lill-familji biex it-tfal jimpenjaw ruħhom f’dawn l-attivitajiet. Tassew huma ta’ għajnuna fl-iżvilupp tagħhom.

Importanti li qatt ma nifirdu dawn mill-ħajja Nisranija u partikolarment miċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Meta niġu hawn għall-quddiesa, nippreżentaw lill-Mulej dak li nkunu għaddejna minnu u dak li se ngħaddu minnu, u nippreżentawh b’talba biex hu jgħinna u jħarisna. Nippreżentawhom lilu biex dak li nagħmlu jkun għat-tifħir u l-glorja tiegħu, kif tlabna fis-Salm, u biex minnu nirċievu l-ispirtu ħa ngħixu dak li nisimgħu hawn fil-ħajja ta’ kuljum, anke f’dawn l-attivitajiet sbieħ.

Ara, pereżempju, il-kliem ta’ San Pawl lill-Efesin fit-Tieni Qari llum, fejn jgħid: warrbu l-imrar, is-saħna, il-korla, it-tgħajjir; kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin. Din il-kelma ta’ Alla, li nisimgħuha u niċċelebrawha hawn, timliena bl-ispirtu biex imbagħad nistgħu ngħixuha fil-ħajja tal-familja, u f’dawn l-attivitajiet kollha; pereżempju, f’attivitajiet ta’ kompetizzjoni, fejn nistgħu ngħixu tassew il-valuri li niċċelebraw hawnhekk. Għalhekk hemm rabta sabiħa tal-quddiesa mal-bqija tal-ħajja tagħna. Iktar ma narawha hekk, iktar nifhmu u napprezzaw kemm hu sabiħ meta niġu hawn, biex lil Alla nfaħħruh, nitolbuh, u biex nirċievu l-ħajja minnu ħalli nistgħu ngħixu l-ispirtu tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum. Nirċievu wkoll għajnuna fil-mumenti ta’ qtigħ ta’ qalb, bħalma rajna fl-esperjenza tal-profeta Elija fl-Ewwel Qari meta lill-Mulej jgħidlu “issa biżżejjed”. Hawn nirċievu  enerġija ġdida.

Impenn b’konvinzjoni

It-talba tiegħi għalina lkoll illum hi li nagħrfu lil Ġesù bħala l-ħobż tal-ħajja, u li jagħti l-ħajja lilna, u li nagħrfu ċ-ċentralità tal-quddiesa fil-ħajja tagħna. Għalhekk ħa tkun commitment li nieħdu b’konvinzjoni, u li ngħaddu lill-oħrajn ukoll, biex dejjem niċċelebraw Jum il-Mulej, il-Ħadd, biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa – kemm jekk inkunu f’Malta jew barra minn Malta, kemm jekk fil-ħajja normali jew fil-vaganzi, qalb il-ħafna attivitajiet u ħidmiet li jkollna, sakemm is-saħħa tippermetti. Mill-quddiesa nirċievu l-barka, l-għajnuna, l-inkoraġġiment li għandna bżonn; nirċievu l-ħajja, l-imħabba u l-enerġija li neħtieġu għall-ħajja ta’ kuljum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju