Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, patrun tal-ġurnalisti, it-Tnejn 25 ta’ Jannar, 2010, id-direzzjoni ta’ Leħen is-Sewwa orġanizzat Quddiesa għall-ġurnalisti li ġiet ċċelebrata mill-Arċisqof Pawlu Cremona OP. Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof tkellem dwar l-importanza li Alla jagħti lit-tixrid tal-Kelma. Semma kif anke San Pawl kien xandar li uża l-mezzi disponibbli dak iż-żmien biex iwassal il-Kelma ta’ Alla. L-Arċisqof spjega kif San Pawl mhux biss uża l-kelma iżda anke l-kelma miktuba biex seta’ jwassal il-Kelma saħansitra meta ma kienx preżenti. B’referenza għall-messaġġ tal-Papa fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali 2010, l-Arċisqof ħeġġeġ sabiex l-Insara jiskopru u jagħmlu użu mil-meżżi ġodda ta’ komunikażżjoni bl-istess ħeġġa ta’ dawk li għamlu użu mill-karta stampata biex ixandru l-Kelma ta’ Alla.
Fi tmiem il-Quddiesa sar ukoll riċeviment li għaliħ id-direzzjoni ta’ Leħen is-Sewwa ħasbet ukoll fl-okkażjoni sabiħa ta’ għeluq snin l-Arċisqof Pawlu Cremona li huwa ċċelebra dakinhar.