-
-
Nhar il-Erbgħa 10 ta’ Settembru 2014, saret il-Quddiesa tal-għoti tal-mandat lill-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u uffiċjali fis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, fil-bidu tal-missjoni tagħhom, fis-Santwarju tal-Mellieħa. L-Isqof Mario Grech, President tal-Konferenza Episkopali Maltija, iċċelebra din il-Quddiesa flimkien mal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Charles J. Scicluna li kkoncelebraw f’din il-Quddiesa, li matulha numru ta’ kapijiet ta’ skejjel u tliet Service Managers ingħataw il-ħatra l-ġdida. Din l-okkażjoni serviet ukoll biex tingħata tislima lil numru ta’ kapijiet ta’ skola li rtiraw jew temmew l-impenji tagħhom bħala kjapijiet fi skola tal-Knisja.
L-Omelija tal-Isqof Mario Grech, President tal-Konferenza Episkopali Maltija, għal din l-okkażjoni -
Il-ħidma edukattiva taf tnissel ġenerazzjoni ġdida għaliex edukatur tajjeb jgħin lill-istudent jagħraf id-dinjità umana tiegħu u jgħinu jikseb viżjoni umana tal-ħajja. Infatti s-suċċess tal-iskola ma jitkejjilx skont kemm l-istudenti jkunu kisbu ċertifikati akkademiċi (li huma importanti ukoll), imma daqskemm l-istudenti jkunu nbnew fi bnedmin ġodda.
Però huwa fatt ukoll li sistema edukattiva tista’ tkun sterili u ma tiġġenera xejn ġdid! Dan huwa l-każ meta l-għalliem ikun interessat biss li jgħaddi lill-istudenti tagħrif dwar know-how jew sempliċiment attrezzatura teknika (prinċipji tal-ekonomija, xjenżi, tagħrif bioloġiku etċ) u dan mingħajr ma jindikawlhom ir-raġuni jew l-iskop għaliex jistgħu jintużaw dawn it-teknikalitajiet. F’qagħdiet bħal dawn, l-istudent ikollu f’idejh strumenti mingħajr ma jkun jaf għaliex iservu. Hija din l-edukazzjoni frammentata li wasslet għal dik li llum tissejjaħ “emerġenża edukattiva”.
Din il-forma ta’ edukazzjoni tista’ tagħti l-opportunità biex student juża din l-informazzjoni b’mod irresponsabbli, imma żgur ma tgħinx biex il-bniedem ikun tassew liberu. Għaliex il-bniedem huwa tassew liberu meta huwa mħarreġ biex jagħmel ġudizzju jew għażla; u biex ikun jista’ jagħmel ġudiżżju huwa għandu bżonn jikkonfronta ruħu mal-verità. Biex wieħed ikun verament ħieles ma jfissirx li għandu jkun sajjem minn kollox – mill-baħħ ma jinbet xejn! Il-bniedem ħieles huwa dak li għandu l-ħila jqabbel il-proposta li ssirlu skont il-viżjoni tal-dinja u tal-bniedem li jipproponilu l-edukatur ma’ dak li hu bħala suġġett ikun qed iġarrab fl-interjorità tiegħu. Filwaqt li l-edukatur jagħmel ir-realtà preżenti lill-istudent, huwa jgħinu ukoll jiżviluppa u jħaddem il-fakulatjiet superjuri tiegħu (intellett u r-rieda) biex ikun jista’ jagħmel l-għażla tiegħu.
Il-poeta Virġilju, li għalkemm mhux Nisrani kellu antropoloġija tixbah ħafna lil dik Nisranija, jikteb: incipe, parve puer, risu cognoscere matrem. Għalkemm it-tarbija titwieled ma taf xejn, hija tkun trid taf x’inhu dak li hu (il-mistoqsija dwar il-verità) u jekk dak li hu, huwiex ta’ ġid jew ta’ deni għaliha (il-mistoqsija dwar x’inhu t-tajjeb). It-tarbija ssib it-tweġiba tagħha fit-tbissima tal-omm, fis-sens li t-tbissima tal-omm tikkonfermala li l-ħaġa hija vera u tajba. Anke in-natura li fiha hemm il-verità oġġettiva għandha t-tbissima tagħha – huwa għalhekk li
l-Papa Benedittu XVI jgħid li l-Logos (għerf t’Alla) huwa preżenti fil-dinja. Il-bniedem li fih hemm il-ġibda għal dak li hu veru u tajjeb, jissaħħar wara t-tbissima tan-natura li turih x’inhu l-veru u t-tajjeb. Għalkemm nistgħu ngħidu li quddiem il-verità l-bniedem mhux ħieles li jagħżel għaliex il-verità timponi lilha nnifisha, imma l-bniedem tant hu kbir li xorta jista’ jiddisprezza l-verità.
Bħala skejjel tal-Knisja aħna għandna l-fidi li tlaqqagħna ma’ Kristu “mimli bil-grazzja u l-verità” (Ġw 1,14). Ma nistax nimmaġina li l-iskejjel tagħna ma jkollhomx lil Kristu bħala ċ-ċentru tagħhom. Inkun nistqarr l-ovvju jekk ngħid li l-kapijiet u l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja għandhom ikunu persuni li qegħdin jagħmlu mixja ta’ fidi – altrimenti l-iskejjel tal-Knisja, li l-“professjoni” (l-istqarrija) tal-fidi Kristjana hija aspett essenzjali mill-identità tagħhom, kif ser jikkomunikaw il-verità ta’ Kristu li tagħmel lill-bniedem ħieles? Tkun kontradizzjoni fiha nnifisha jekk il-curriculum tal-iskola tal-Knisja ma jkunx imdakkar bl-Evanġelju. Dan huwa s-servizz speċifiku li l-iskejjel tal-Knisja qed joffru lis-soċjetà kollha kemm hi, anke lil dawk li ma humiex Insara, bil-għan li ngħinu lill-istudenti jiltaqgħu mal-verità li tagħmilhom ħielsa.
Aħna l-għalliema (jien inkluż għax nemmen li s-sejħa tiegħi bħala isqof hija dik ta’ għalliem) għandna bżonn insaħħu l-kelma mitkellma bix-xhieda. Il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxkar. It-tagħlim jolqot lill-intellett, imma x-xhieda tmiss il-qalb. Ix-xhieda għandha qawwa didattika tremenda. Għall-kuntrarju, meta l-għalliem jagħti kontro-xhieda, huwa jkun idgħajjef jekk mhux ukoll ixejjen il-messaġġ komunikat bil-kliem. Dan ma jfissirx li l-għalliem ma jistax jiżloq – huwa inuman jekk wieħed jistenna lill-għalliema jkunu perfetti. Minn naħa l-oħra, meta min jiżbalja jkollu l-kuraġġ li jirriknoxxi l-għelt tiegħu, din tkun imġiba profondament edukattiva. Għax meta l-għalliem jammetti li jkun għamel żball u jerġa’ lura minnu, hu jkun jikkomunika lill-istudenti mhux biss li l-qawwa tal-verità taħdem fuqu ukoll, imma ukoll li l-valur tal-verità huwa tant għoli, li għalih wieħed huwa lest li jmur kontra tiegħu nnifsu.
Filwaqt li ntenni l-apprezzament tiegħi, ta’ ħuti l-Isqfijiet u tal-Provinċjali għall-kollaborazzjoni tagħkom il-kapijiet tal-iskejjel tagħna biex il-Knisja f’pajjiżna tkompli toffri dan is-servizz b’riżq is-soċjetà kollha, nagħmlilkom kuraġġ biex ma taqtgħux qalbkom quddiem l-isfidi kbar li toffri din l-avventura edukattiva. Naċċertakom li l-isforzi kollha li qegħdin nagħmlu biex il-komunità Kattolika f’pajjiżna tibqa’ tipproponi sistema edukattiva bil-kariżma proprju, huma f’waqthom biex inkomplu niġġeneraw bnedmin ġodda.
✠ Mario Grech
President tal-Konferenza Episkopali Maltija
Isqof ta’ Għawdex -
-
Ritratti: Photocity
www.photocitymalta.com