• On Friday 18th March 2016, Archbishop Charles J. Scicluna celebrated Mass with students and lecturers at Junior College, on the feast of Our Lady of Sorrows.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Junior College, Msida
    18 ta’ Marzu 2016
     
    Nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet li jippruvaw jispjegaw is-sinjifikat ta’ din il-festa li aħna l-Maltin nagħmlu eżatt ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. L-okkażjoni tal-lum tistedinna nieqfu ftit biex nirriflettu fuq il-preżenza ta’ Omm Ġesù taħt is-salib. Hija preżenza ta’ solidarjetà, hija preżenza ta’ sapport, hija ta’ eżempju għalina. L-istint tal-omm iwassalha biex tkun fejn Binha fi kwalunkwe sitwazzjoni.
    Kull meta mmur il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, nistaqsi ftit x’inhuma l-visiting hours tal-familjari, u meta niltaqa’ mar-residenti ta’ din il-Faċilità nistaqsihom “Imma jiġi jarak xi ħadd?” Jekk ikun xi ħadd ta’ età żagħżugħa l-ewwel risposta li jagħtik hija, “kultant tiġi ommi”. L-inmates ftit iktar anzjani, ir-risposta tagħhom tkun ħafna iktar differenti. Imma l-omm, hu fejn hu binha ssibha dejjem, speċjalment ekk tkun tista’ u tkun ta’età żagħżugħa. Hekk ukoll fiż-żjajjar tiegħi fl-isptarijiet niltaqa’ ma’ pazjenti tal-età tagħkom u dawk ftit ikbar, u ninżerta nkun fil-visiting hours, l-ewwel li ma tilmaħ hija l-omm.
    Illum irridu nieqfu ftit biex nirrealizzaw – għal min kellu din ix-xorti, għax mhux għal kulħadd – kemm l-ommijiet tagħna huma preżenza qawwija u importanti anke fil-mumenti diffiċli tagħna. Omm Ġesù ma setgħatx ma tkunx hemm, bl-istint tagħha ta’ omm. Imma hija wkoll omm, li mhux qegħda preżenti biss għax ma tistax tabbanduna lil Binha minħabba l-istint matern, imma qegħda hemm biex turi sapport, kif semmejt fil-bidu. Qegħda tipparteċipa fl-għażliet li qiegħed jagħmel għax meta kellu 40 ġurnata, u Ġesù kien tarbija fi ħdanha, ħaditu t-Tempju u s-saċerdot Xmun qalilha, “dan se jkun sinjal li jmeruħ”, u wkoll, “sejf jinfidlek ruħek”. Minn din il-profezija, ħafna ikonografija tad-Duluri jġibu lill-Madonna bl-istallet. Dan mhux għax bl-istess mod li Lonġinu nifed lil Ġesù kien hemm xi ħadd ieħor li nifdilha qalbha bl-istallet. Huwa simbolu ta’ din il-profezij, li Marija ta’ Nazzaret semgħatha meta t-tarbija tagħha Ġesù kellu 40 ġurnata, fil-preżentazzjoni tiegħu fit-Tempju. Dan l-istallet tad-dulur, li huwa parallel mal-lanza li tinfed lil qalb ta’ Ġesù wara l-mument tal-mewt tiegħu hija sapport f’din l-għażla tiegħu li jagħti ħajtu.
    Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu 10, Ġesù jgħid, ‘ħadd ma joħodli ħajti, jien nagħtiha’, u se jagħtiha bl-iktar mod kiefer, ta’ diżunur, għaliex is-salib kienet il-mewta riservata għall-iskjavi. Hu li ġie biex jeħles lill-poplu, jmut il-mewt ta’ lsir. U Ommu qegħda hemm, tagħtih is-sapport kollu, hija u tara l-profezija ta’ Xmun isseħħ. Allura hi qegħda tgħum f’baħar ta’ dulur kbir.
    Jiena nixtieq insellem ukoll lil tant ommijiet li jgħumu f’baħar ta’ dulur minħabba wliedhom. Dalgħodu fil-media nternazzjonali xxandret intervista’ qasira ma’ omm żagħżugħa ħafna li qiegħda tistenna fil-fruntiera bejn il-Greċja u l-Maċedonja, fil-kesħa, fil-bard u fix-xita, u kienet għadha kemm welldet tarbija. Qalet li għall-grazzja t’Alla t-tarbija tagħha ma ġralha xejn, imma hemm trabi oħra li qed imutu fl-isptar fejn kienet. U għamlet appell lill-Ewropa, lill-kontinent, lill-kultura li aħna parti minna, biex ma nagħlqux il-qalb tagħna.
    Jekk id-Duluri jrid ikollha sens fil-kuntest tagħna, irid jkollha wkoll is-sens li aħna nieqfu u ngħidu: matulek ja sena, bil-mod kif tkellimt fuq il-proxxmu, bil-mod kif ġibt ruħi, jiena kont ta’ sapport għall-batut, jew kont razzist? Jew kont arroganti? Il-kliem tiegħi kien inklussiv, jew kien jeskludi lil xi ħadd? Dawn huwa eżami li rrid nagħmel anke jien, l-Isqof tagħkom. Il-kliem tiegħi kien jeskludi lil xi ħadd? Illum, fid-Duluri, mhux kwistjoni biss ta’ purċissjonijiet devozzjonali, imma li nieqfu u ngħidu, ‘jiena quddiem il-tbatija u quddiem l-esklużjoni, se nkun bħal Marija, ta’ sapport għal min hu batut, jew se naħrab?’
    It-tielet ħsieb li nixtieq naqsam magħkom huwa li taħt is-salib Marija hija xhud ta’ għażliet li għamlet bħala dixxiplu. Kif tafu, il-kelma xhud,bil-Grieg hija μάρτυς (martus), hija martri, għaliex tixhed għall-għażliet li għamlet. Anke l-konsegwenzi tagħhom ifissru tbatija. U llum ta’ min nistaqsu, f’ambjent fejn hawn diversi opinjonijiet, tant atteġjamenti għall-fidi, għal Ġesù, għal Knisja, jiena se jkolli l-kuraġġ nieqaf taħt is-salib ta’ Ġesù, anke meta l-preżenza tiegħi tkun preżenza skomda, f’minoranza, meta jiena se nħossni emarġinat, meta jien immaqdar jew ridikolat. Marija tħares lejn Ġesù u nimmaġina li dawn il-preokkupazzjonijiet ma tagħtix kashom, mhux biss minħabba l-istint matern, mhux biss għax hija ta’ sapport lejn Ġesù, imma għax lesta tħallas il-prezz li tkun dixxiplu ta’ Binha. Mhux biss omm, imma dixxiplu.
    Għalhekk f’dan il-Jum tad-Duluri, jiena nistedinkom, l-ewwelnett ma taqtgħux qalbkom li tkunu preżenza sabiħa ta’ Nsara fil-kuntest li fih qegħdin. Mhux il-mument li taħrab minn dibattiti, minn konverżazzjonijiet u li tiddejjaq tgħid min int, jew x’inhuma l-valuri tiegħek. Ma ninsew qatt li meta Ġesù jitkellem fuq is-Saltna, ma jitkellimx fuq affarijiet kbar, jitkellem fuq ftit ħmira, jitkellem fuq ftit żerriegħa ċkejkna, fuq ftit dawl, fuq il-melħ: kollha huma kwantitajiet żgħar imma li jagħmlu differenza. Din hija t-tama tan-Nisrani, din hija wkoll il-ferħ tiegħu, li għalkemm ċkejken, għalkemm f’minoranza, għalkemm kultant imkasbar, jagħmel differenza. Dik hija wkoll il-preżenza ta’ Marija taħt is-salib.
     
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Photos: Curia Communications Office