“Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” Dan hu li qal Ġesù lill-Fariżej meta staqsewh jistax raġel jitlaq lil martu. Din kienet diskussjoni li kienu jagħmlu bejniethom: għal liema raġuni raġel jista’ jitlaq lil martu. U ġew jistaqsu lil Ġesù. Hawnhekk it-tweġiba ta’ Ġesù hi tweġiba mdawla mill-Kelma ta’ Alla, u jmur lura proprju fl-ewwel ktieb, il-Ġenesi, fejn għandna b’mod ċar dak li Alla ried mill-ħajja ta’ bejn il-mara u r-raġel – il-ħajja taż-żwieġ. Hu tajjeb li meta jkollna dawn il-mistoqsijiet – x’inhu ż-żwieġ, jekk hux għal dejjem, xi jsaħħaħ il-ħajja taż-żwieġ, x’tagħmel meta jinqalgħu l-problemi fil-ħajja taż-żwieġ – l-ewwel ma nistaqsuhom ikun lill-Mulej innifsu, għax kien hu li ħoloq dil-ħajja. Hu l-aktar li jista’ jgħid tweġibiet li jkunu tassew ta’ għajnuna għalina.
X’inhu ż-żwieġ? Hawn Ġesù jgħid: “fil-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara”. U ż-żwieġ jgħaqqad flimkien lir-raġel u l-mara biex isiru ħaġa waħda. Għalhekk Ġesù jgħid: “ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed”. U jenfasizzaha: “Mhumiex iżjed tnejn imma ġisem wieħed”. Din hi vokazzjoni. Il-ħajja taż-żwieġ hi sejħa li jagħmel Alla. Hemmhekk, permezz tal-ħajja tagħhom flimkien, isiru ħaġa waħda u jistgħu jgħixu tassew din l-imħabba sħiħa bejniethom, ir-raġel u l-mara. Kif jindika Ġesù, fiż-żwieġ ma hemmx xi ħadd li hu aqwa – ir-raġel jiddomina lill-mara, jew il-mara tiddomina lir-raġel. Fil-ħsieb ta’ Alla, ma għandux ikun hekk, imma jkunu ħaġa waħda flimkien.
Iż-żwieġ hu għal dejjem? Din hi mistoqsija li Ġesù hawnhekk weġibha b’mod ċar ħafna meta jgħid: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”. Jekk din ir-rabta tkun ġejja minn Alla, hu jrid li din tkun rabta li ma tinħallx, li tibqa’ għal dejjem. Għalhekk hi sejħa speċjali ż-żwieġ, għax hi rabta għal dejjem. Qalb id-diffikultajiet, qalb il-problemi, Alla jagħti l-għajnuna, u hi possibbli, biex tkun tassew rabta li ma tinħallx; u biex il-wegħda ta’ dakinhar taż-żwieġ li jagħmlu l-għarajjes lil xulxin – li jkunu ta’ xulxin u jingħataw għal xulxin “fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, u li jħobbu u jirrispettaw lil xulxin ħajjithom kollha” – jistgħu tassew jgħixuha.
Kif jindika Ġesù, fiż-żwieġ m’hemmx xi ħadd li hu aqwa – ir-raġel jiddomina lill-mara, jew il-mara tiddomina lir-raġel. Fil-ħsieb ta’ Alla, ma għandux ikun hekk, imma jkunu ħaġa waħda flimkien.
Ma jfissirx li ma jinqalgħux problemi u diffikultajiet fil-ħajja taż-żwieġ. Imma Alla jagħti anke l-grazzja kif wieħed jaffaċċja dawn il-problemi u d-diffikultajiet, kif tissaħħaħ din il-ħajja taż-żwieġ, billi l-miżżewġin jisimgħu lil xulxin, japprezzaw lil xulxin, juru inkoraġġiment lil xulxin, jgħixu flimkien il-mumenti ta’ ferħ u ta’ niket; fid-diffikultajiet mhux jinqatgħu għal rashom imma jiddjalogaw ma’ xulxin. Dan kollu hu li jgħidilna l-Mulej biex il-miżżewġin jistgħu jgħixu l-ħajja taż-żwieġ.
Hemm min għadda u għaddej minn żmien diffiċli fil-ħajja taż-żwieġ, minn sitwazzjonijiet dolorużi. L-importanti hu li lil dawn in-nies nagħtuhom l-appoġġ, is-sostenn u l-għajnuna li jeħtieġu. Li meta nħarsu lejn l-oħrajn, qatt ma nħarsu lejn il-persuni b’ġudizzju imma naraw b’liema mod nistgħu tassew ngħinuhom tassew fis-sitwazzjoni diffiċli tagħhom; biex ħadd ma jkun vittma, ħadd ma jkun vittma ta’ vjolenza jew ta’ abbuż fil-ħajja taż-żwieġ, u biex min għaddej minn żmien diffiċli jsib l-għajnuna li jeħtieġ.
Nitolbu lill-Mulej għall-miżżewġin kollha biex jistgħu jgħixu b’mod sabiħ il-ħajja taż-żwieġ tagħhom, din il-vokazzjoni li tahom Alla; nitolbu biex ikun magħhom, iberikhom u jagħtihom l-għajnuna. U biex il-Mulej jgħin ukoll lil dawk li għaddejjin minn tbatija fil-ħajja taż-żwieġ biex isibu l-għajnuna li jeħtieġu.
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju