L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Dan l-innu hekk sabiħ u sinifikattiv ta’ mitt sena ilu illum, miktub mill-Poeta Nazzjonali Dun
Karm Psaila, li dis-sena f’Ottubru nfakkru l-150 sena mit-twelid tiegħu, u mmużikat mis-
Surmast Ġużeppi Caruana, għadu jqajjem emozzjonijiet kbar mitt sena wara fost il-poplu tal-
Isla. Bir-raġun, għax l-inkurunazzjoni ta’ Marija Bambina, Sultana tal-Vittorji – ġrajja
importanti għall-Isla u għall-Knisja f’Malta – hija mnaqqxa fil-memorja tal-poplu. Għalhekk,
l-ewwel ċentinarju tal-inkurunazzjoni jġib ferħ kbir fost il-poplu tal-Isla, din il-belt qatt
mirbuħa, imma wkoll fost dawk kollha li jgħożżu l-istorja tal-Knisja f’pajjiżna.
Hija tassew ironika li aħna u niċċelebraw proprju llum il-mitt sena mill-inkurunazzjoni ta’
Marija Bambina, qegħdin inħabbtu wiċċna – u issa ilna x-xhur – ma’ pandemija li jisimha
Corona, u li għamlet ħerba f’diversi postijiet fid-dinja. Hu minħabba fiha li kellhom jieħdu
xejra oħra l-istess ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-mitt sena, did-darba mhux minħabba x-xita
qliel bħal ħamsin sena ilu, imma minħabba l-Corona. Imma dan ma għandu jnaqqas xejn
mill-ħeġġa biex tkun iċċelebrata kif jixraq din il-ġrajja. Kif qal tajjeb ħafna l-Arċipriet Kan.
Robin Camilleri fil-messaġġ tiegħu: “Il-Bambina tagħna reġgħet għażlet li l-ewwel ċentinarju
mill-inkurunazzjoni solenni tagħha jsir fis-santwarju ddedikat lilha.”
Infakkar fiż-żminijiet ħafna aktar diffiċli li kien hemm tul dawn il-mitt sena, u fil-ħeġġa li qatt ma birdet ukoll f’dawn iż-żminijiet. Nixtieq nikkwota hawnhekk lil Kan. Dun Manwel Brincat, Arċipriet tal-Isla, fid-diskors li għamel tmenin sena ilu, fl-4 ta’ Settembru tal-1941, u li għamlu fil-knisja parrokkjali tar-Rabat għax il-knisja tal-Isla kienet imġarrfa fil-gwerra. Jgħid hekk: “Fejn hi l-kuruna? Fejn hi l-istatwa tiegħek, O ħelwa Bambina? Merfugħa, biex ma ssofrix l-istrapazz tal-għadu…Merfugħa biex tibqgħalna sħiħa. Għad li qalbna tibki biki ta’ demm, ipprivajna ruħna mid-dehra tagħha. Privi minnha għax inħobbuha. Iżda b’daqshekk sejrin nonqsu li ma niċċelebrawx it-tifkira anniversarja ta’ dak il-jum tal-inkurunazzjoni? Kull Senglean, imxerred f’kull rokna tal-gżira, jiftakar illum il-kundizzjoni tiegħu bħala intitolat għall-ferħ u għall-kburija qaddisa li ġabitilna l-inkurunazzjoni solenni tal-4 ta’ Settembru 1921.”
Qabel mitt sena ilu
Ħa mmorru lura għal meta din ix-xbieha għażiża ta’ Marija Bambina, li tfakkar it-twelid ta’ Marija, waslet hawnhekk l-Isla. Qabel xejn, irridu nsemmu li wara r-rebħa tal-Assedju fit-8 ta’ Settembru 1565, il-knisja tal-Isla ġiet proġettata bħala monument tar-rebħa kbira tal-Assedju, u fis-sena 1581 il-parroċċa ġdida ġiet iddedikata lil Marija Bambina.
Imbagħad fis-sena 1618 waslet providenzjalment l-istatwa. Mill-bidu nett tal-ġrajja tagħha kien hemm xi ħaġa partikulari. Din kienet statwa li nstabet fil-baħar, ma ġietx fost il-poplu tal-Isla għax kienet ikkummissjonata, ma ġietx bi pjan, imma ġiet ħabta u sabta. U l-poplu għaraf japprezza din ix-xbieha għażiża u jorbot qalbu magħha.
U l-Bambina tal-Isla saret verament magħrufa u maħbuba mill-poplu tal-Isla u mill-Maltin. Lilha n-nies talbu fil-pesta, fit-terremoti, fin-nixfa tax-xita u fil-gwerer. F’Marija Omm sabu għajnuna l-morda, il-vulnerabbli, l-emarġinati, u dawk kollha għaddejjin minn tbatija, u magħhom sabu dawl u qawwa dawk kollha li fittxew li jgħixu l-ħajja ordinarja ta’ kuljum b’fidi kbira f’Alla.
Maż-żmien, is-Sengleani riedu juru minn barra din l-imħabba lejn Marija Bambina. Waqt l-ewwel gwerra, naraw diġà x-xewqa tas-Sengleani espressa lill-Arċisqof Mauro Caruana biex l-istatwa tiġi inkurunata b’digriet mill-Papa. Wara li ntemmet il-gwerra, fl-1 ta’ Marzu tal-1920, il-Kan. Dun Ġużepp Adami, Arċipriet tal-Isla, f’isem il-Kapitlu u l-poplu tal-Isla, ippreżenta formalment lill-Arċisqof it-talba biex Marija Bambina tiġi inkurunata. L-Arċisqof ressaq din it-talba lill-Papa Benedittu XV fl-aħħar ta’ Marzu, u kien hemm deċiżjoni pożittiva fil-25 ta’ April 1920.
Kif tistgħu taraw, ma kienx hemm żmien twil biex ittieħdet id-deċiżjoni. Ma nafx jekk dan huwiex record għall-Vatikan, imma żgur id-deċiżjoni ġiet tassew malajr! Il-Kapitlu tal-Vatikan iddelega lill-Arċisqof ta’ Malta, Mauro Caruana, biex ikun hu li jqiegħed il-kuruna tad-deheb fuq ras l-istatwa ta’ Marija Bambina.
Nixtieqkom hawnhekk tinnutaw kemm kienet ovvja għal kulħadd l-imħabba kbira tal-poplu tal-Isla għal Marija Bambina, imħabba li nfirxet f’Malta kollha. Li kien qed jitlob il-poplu dak inhar kien li Marija Bambina tkun rikonoxxuta bħala Sultana.
It-titlu ta’ Sultana għal Marija kien titlu antik ħafna fil-Knisja. San Efrem, fir-raba’ seklu, kien diġa jsejħilha “Sultana” lil Marija. Imbagħad it-titlu daħal aktar fil-Knisja b’riżultat tal-Konċilju ta’ Efesu li pproklama lil Marija “Omm Alla”. Papa Piju XII, fl-Enċiklika tiegħu tal-1954 Ad Caeli Reginam, jgħid li Marija jixirqilha li tissejjaħ Sultana għax hi Omm Alla, u għax Alla ried li hi jkollha sehem eċċezzjonali fil-pjan tas-salvazzjoni. Insibu dan it-titlu ta’ Sultana preżenti f’diversi talbiet u innijiet bħal, fir-Rużarju, il-ħames misteru tal-Glorja, u s-Salve Regina. U l-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni tiegħu fuq il-Knisja, isejjaħ lil Marija “Sultana tal-univers” (Lumen Gentium, 59).
Il-poplu tal-Isla ried li jesprimi din il-verità fuq Marija u fl-istess waqt ried jesprimi l-imħabba mimlija gratitudni lejn Marija b’mod konkret permezz tal-kuruna fuq rasha. Meta naqraw l-istorja tal-ħeġġa tal-poplu, mal-ewwel nindunaw li din ma kinetx xena minn barra, teatrin, imma kienet espressjoni ta’ fidi, ta’ dak li l-poplu kien jemmen fil-fond ta’ qalbu u ta’ dak li kien jgħix. Ried iqim lil Marija kif kien jixraq. Kienet xi ħaġa verament speċjali għal pajjiżna għax sa dak inhar ebda statwa ma kienet ġiet inkurunata f’Malta, imma kienu kwadri biss li ġew inkurunati.
Mitt sena ilu
Ħa mmorru mitt sena ilu, l-1921, u nixtieq li nerġgħu nirriflettu fuq dak li sar għax il-memorja hija hekk importanti għall-Knisja. Kienet sena li bdiet mal-ewwel bil-kbir. L-Arċisqof Mauro Caruana kien għamel rikors lill-Papa biex il-knisja tal-Isla ssir Bażilka Minuri. U fit-3 ta’ Jannar 1921 il-Papa Benedittu XV iffirma d-digriet li bih il-Knisja saret Bażilka Minuri, u hekk fetħet din is-sena speċjali għall-poplu tal-Isla. Fid-digriet tiegħu, il-Papa jsemmi l-knisja ddedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija, imsejħa “tal-Vittorja”, li nbniet bħala tifkira tar-rebħa glorjuża fl-Assedju l-Kbir, knisja li kienet Kolleġġjata Insinji, u li kellha statwa meqjuma ddedikata lil Marija Bambina li kienet se tkun inkurunata aktar tard dik is-sena. Għalhekk il-Papa ta t-titlu ta’ Bażilka Minuri lil “dan it-tempju qaddis, magħruf għall-qedem, sbuħija u kobor tiegħu” u jgħid – dan hu l-kliem tiegħu – “dan qed nagħmluh tassew minn qalbna”.
Naslu issa għall-ġrajja tal-inkurunazzjoni – avveniment solenni u straordinarju li baqa’ jiġi rrakkontat minn ġenerazzjoni għal oħra, u ma ntesa qatt. Għandna wkoll il-fortuna ta’ ritratti sbieħ ta’ dak inhar li jagħtuna ħjiel tal-ġrajja li għaliha kienet preżenti folla immensa ta’ nies.
Intgħażlet bħala ġurnata l-4 ta’ Settembru. Nhar is-27 ta’ Awwissu mota solenni ħabbret il-bidu tal-festi. L-istatwa ta’ Marija Bambina ttieħdet fil-knisja ta’ Portu Salvu, fejn inżammet għal lejl. Imbagħad saret it-traslazzjoni mill-knisja ta’ Portu Salvu għall-Bażilka, bis-sehem tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata, il-kleru u l-poplu Senglean. Malli waslet lura fil-Bażilka, ingħata bidu għat-tħejjija ta’ novena, li għaliha attendew ħafna nies. Irrid nenfasizza t-tħejjija spiritwali li saret għal din il-ġrajja – bħalma sar issa f’għeluq il-mitt sena – għax in-nies fehmu li din kienet l-aqwa preparazzjoni possibbli għall-avveniment tal-inkurunazzjoni.
Lejlet il-ġurnata, fit-3 ta’ Settembru, saret mixegħla ġenerali, u filgħaxija, bl-akkumpanjament tal-banda Queen’s Own, sar it-trasport solenni tal-kuruna tad-deheb, bid-djamanti u ħaġar prezzjuż. Nixtieq nikkwota dak li Mons. Anton Gouder, iben din il-parroċċa, qal fid-diskors tiegħu tal-inkurunazzjoni erbgħin sena ilu – kien għadu fl-ewwel snin tas-saċerdozju. Qal hekk: “Kieku dak id-deheb, dawk id-djamanti, ma kinux magħġuna mal-fidi, mal-imħabba, mad-devozzjoni, kieku allura le, dik il-kuruna ma nagħmluhilhiex, għax dik il-kuruna tkun tajba għal kwalunkwe reġina oħra. Imma kif inhi, magħġuna bil-fidi…bid-devozzjoni…bit-talb, hija kuruna li ma tixraq lil ħadd ħlief lil Marija Bambina”.
Fl-aħħar waslet il-ġurnata hekk mistennija mill-poplu tal-Isla u l-poplu Malti kollu. Dak inhar, ma kienx biss il-poplu tal-Isla li ġie, li ħareġ hawnhekk, imma nies minn Malta kollha ngħaqdu mal-poplu, u kien jinħass li din kienet festa tal-poplu Malti kollu, magħqud ma’ Marija Bambina.
Filgħodu wasal l-Arċisqof Mauro Caruana li flimkien mal-Kapitlu tal-Kattidral mexxa pontifikal solenni li għalih attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Minn kmieni wara nofsinhar, kien hemm nies kullimkien, folol kbar: fuq l-art, fuq il-baħar, fuq il-bjut, fil-galleriji, fuq is-swar tal-Kottonera u tal-Belt. Kienet tassew ġrajja nazzjonali!
Il-qofol ta’ din il-ġurnata storika seħħ filgħaxija bil-purċissjoni li telqet mill-Bażilika, bl-Arċisqof Mauro Caruana u ż-żewġ Isqfijiet, l-Isqof Awżiljarju Angelo Portelli OP u l-Isqof ta’ Għawdex Giovanni Maria Camilleri OSA. L-istatwa ta’ Marija Bambina tqiegħdet fuq tribuna, xogħol l-istatwarju Senglean Karlu Darmanin, u li kienet ġentilment offruta mill-parroċċa ta’ Ħal Lija. Wara, l-Arċisqof Caruana, assistit mill-Isqfijiet, qiegħed il-kuruna fuq ras Marija Bambina. Il-knejjes kollha ta’ Malta daqqew mota ta’ siegħa, u filgħaxija nxtegħlu l-knejjes kollha. Dan kien jum tassew ta’ ferħ kbir.
Kien f’din il-ġrajja li l-poplu sema’ għall-ewwel darba l-innu “Issa ntemmet ix-xewqa ta’ qalbna”. Ix-xewqa kienet seħħet, wara l-ħidma kbira ta’ tant nies. Nikkwota hawnhekk lill-Prof. Oliver Friggieri, li fil-kitba tiegħu fuq dan l-Innu, jenfasizza żewġ affarijiet speċjali. L-ewwel il-kelma “issa”, tant ripetuta. Jgħid hekk: “Ir-ripetizzjoni tal-kelma ‘issa’ fil-bidu ta’ kull strofa u ta’ kull ritornell jindika l-insistenza li biha Dun Karm ried jesprimi l-istennija tas-Sengleani għal din il-ġrajja storika. Il-kelma ‘issa’, jiġifieri ‘sa fl-aħħar’ hi l-kelma-muftieħ li torbot lil dan l-innu lill-Bambina ma’ kemm is-Sengleani kienu ilhom jistennew li sseħħ din il-ġrajja.” Prof Friggieri jenfasizza wkoll is-sens tal-kelma ‘aħna’ u jgħid hekk: “L-innu jidwi bil-verb tal-ewwel persuna plural: rajniek, ħabbejtna, smajniek, qegħidniek, għażilniek, tlabniek. Il-kelma-muftieħ tal-innu kollu hi l-kelma ‘aħna’ li timplika l-parti l-oħra tad-diskors, li hija ‘inti’, il-Madonna…dan ifisser li l-poeta mhux biss ried jesprimi s-sens taż-żmien, tal-mistennija (‘issa’) imma ried ukoll jiċċelebra s-sena tal-unanimità…ta’ folla li kienet ilha li tistenna li sseħħ ix-xewqa tagħha.” L-inkurunazzjoni għalhekk hi mfissra f’dan l-innu kemm bħala espressjoni ta’ fidi kif ukoll bħala espressjoni tal-identità ta’ komunita sħiħa.”
Ħarsa ’l quddiem
Din il-ġrajja hekk speċjali baqgħet tiġi ċċelebrata bil-kbir kull sena, u bir-raġun. Hu importanti li aħna qatt ma nitilfu l-memorja, u fil-ġrajjiet tal-imgħoddi nagħrfu tassew l-għeruq tagħna.
Imma aħna u nfakkru l-mitt sena tal-inkurunazzjoni, ma nistgħux nieqfu fin-nostalġija għall-imgħoddi u għall-istorja kbira, imma rridu nibqgħu nitgħallmu min-nies ta’ dak iż-żmien anke f’xenarju tant differenti llum. Illum inħarsu lura bi gratitudni, imma nħarsu wkoll ’il quddiem b’fiduċja.
X’tgħallimna Marija għal ħajjitna llum u xi tfakkarna f’dan il-jum għażiż? Nuża hawn il-kelma li fisser l-Arċipriet fil-messaġġ tiegħu, Marija hija “ikona” għal kull Senglean.
Għalhekk, l-ewwel ġieh li nagħtuha lil Marija hu b’ħajjitna, billi aħna ngħixu kif urietna hi. Il-ġieh li nuruha minn barra jrid ikun espressjoni ta’ dak li verament qed ngħixu minn ġewwa. Nikkwota hawnhekk dak li kien qal l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fil-messaġġ li bagħat lill-parroċċa tal-Isla lejlet li fetħet is-sena li fiha ġie ċċelebrat il-75 anniversarju tal-inkurunazzjoni tal-Bambina. Kien qal hekk: “li nħarsu lejn Marija bħala mudell, li nirriflettu fuqha u li nfasslu l-imġiba tagħna li tkun taqbel ma’ tagħha, għandu jkun l-iskop prinċipali taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju. Wara kollox, dawn kienu l-kwalitajiet magħrufa tas-Sengleani meta b’turija tal-qima u l-għożża tagħhom, għamlu t-talba tagħhom biex l-istatwa ta’ Marija Bambina tkun inkurunata.” Dan il-messaġġ tiegħu tennieh dak in-nhar tal-anniversarju, meta ċċelebra l-quddiesa hawnhekk fix-xatt, fl-4 ta’ Settembru 1996: “Il-qima lejn Marija u lejn il-qaddisin tkun awtentika daqskemm bħal Marija u bħall-qaddisin aħna nilqgħu l-kelma ta’ Alla u ngħixuha b’fidi qawwija.” Dan hu li tgħallimna Marija, u l-parir li tagħtina hi qiegħed fl-aħħar kelmiet li nsibuha tlissen fl-Evanġelju, fejn hi tgħid: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” waqt li tipponta lejn Ġesù. Hekk għamlet hi, hekk turina li għandna nagħmlu aħna. Nagħtuha ġieh billi nimxu fuq il-parir tagħha.
X’tgħallimna iżjed Marija? Li l-ġieh li nagħtuha jkun ukoll bi kliemna. L-isbaħ kuruna għal Marija hi l-kuruna ta’ tifħir li nagħmlu b’ħajjitna u ngħidu b’fommna. Kif qalet hi stess fl-innu tal-Magnificat “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. Għalhekk, li fuq fommna jkun hemm spiss il-kliem “ikun imbierek Alla”, “tkun imbierka Marija Santissima”. F’dan iċ-ċentinarju tal-inkurunazzjoni, nagħmel dan l-appell ħerqan lilkom ilkoll biex l-Isla tkun eżempju ta’ kuruna ta’ tifħir lil Alla u lill-Madonna. Hi ħasra li f’pajjiżna hu tant mifrux it-tkasbir tal-isem ta’ Alla u tal-Madonna. Kultant ma tgħaddix minn triq, ma tmurx post, li ma tismax dan. Id-dagħa hu kuruna tax-xewk, mhux kuruna bħalma għandha l-Bambina. Għalhekk l-appell tiegħi hu: Ħudu dan bħala proġett għas-snin li ġejjin, aħdmu u għinu lil xulxin biex l-Isla tkun żona ħielsa mit-tkasbir ta’Alla u tal-Madonna, ħielsa mid-dagħa, anzi tkun żona ta’ tifħir lil Alla u lill-Madonna.
Marija tgħallimna wkoll li l-ġieh li nagħtuha rridu nuruh bl-għażliet li nagħmlu f’ħajjitna, u speċjalment l-għażla favur il-ħajja. Marija Bambina tfakkarna fit-twelid tagħha, hi l-isbaħ innu favur il-ħajja. Il-poplu tal-Isla bir-raġun għandu jkun dak li dejjem jiddefendi l-ħajja, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha – meta hemm diġà xi ħadd, mhux xi ħaġa – sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha. Il-ħajja ta’ kulħadd hi għażiża, u jixirqilha li tkun protetta. Dan għandu jkun impenn qawwi li nieħdu llum fl-ewwel ċentinarju tal-inkurunazzjoni tal-Bambina.
Marija tgħallimna x’jiġfieri tħobb. Inkunu nsegwu lil Marija meta nuru sensitività lejn l-oħrajn u nagħrfu l-ħtiġijiet tagħhom, u naħdmu fis-skiet u b’mod effettiv biex nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn – xi ħaġa li l-Papa Franġisku tant iħeġġiġna kontinwament għaliha. Naf bl-impenn soċjali ta’ din il-parroċċa, u nħeġġiġkom biex tkomplu f’din it-triq, anzi tkomplu dejjem isaħħu dan l-impenn. Marija tgħallimna kif naqsmu mal-oħrajn it-tbatija li jgħaddu minnha biex ħadd ma jbati waħdu. Irridu nisimgħu l-għajta ta’ min qed ibati, imma wkoll niskopru l-karba li ma tinstemax ta’ min qed ibati waħdu, tat-tbatija moħbija. Dan iż-żmien ta’ pandemija tellifna ħafna fil-kuntatt mill-qrib, imma għenna wkoll biex insibu modi ġodda kif nieqfu mal-morda u dawk li huma waħedhom. Irridu dejjem, fuq l-eżempju ta’ Marija, ikollna qalb li tħoss quddiem it-tbatija u qatt qalb tal-ġebel, idejn li lesti jkunu għas-servizz tan-nies u mhux idejn marbuta indifferenti, ilsien li jagħmel kuraġġ lin-nies, u mhux ilsien li jsawwathom.
Marija tgħallimna wkoll kif inkunu strumenti tal-paċi u tal-għaqda. Hekk kienet hi fil-Knisja tal-bidu. Inkunu tassew qed ngħixu l-ispirtu ta’ Marija meta aħna nkunu preżenza li ġġib l-għaqda. Kif nitolbuha fl-Innu tal-Inkurunazzjoni: “Minn kull ħażen li jisraq il-paċi, j’Omm ħarisna, hekk dejjem tlabniek”. Din hi sfida għalina fi żminijietna, meta ssib min ikollu l-kilba għall-konflitt, għat-tilwim, għall-kliem li joħloq diviżjoni kultant fil-familji jew fil-komunitajiet tagħna. Marija tħeġġiġna biex inkunu dejjem strumenti ta’ għaqda.
L-istorja ta’ din il-belt, il-belt qatt mirbuħa, hija waħda impressjonanti, immarkata bi qlubija, kuraġġ u perseveranza, ukoll fl-aktar mumenti iebsa meta batiet fuq li batiet, ukoll meta t-tiġrif kien qisu jagħti x’jifhem li tista’ tintrebaħ. Baqgħet il-belt qatt mirbuħa. Illum għandna sfidi kbar biex f’sens ieħor l-Isla tibqa’ l-belt qatt mirbuħa. Għalhekk, ejjew naħdmu lkoll biex din il-belt tibqa’ l-belt qatt mirbuħa – qatt mirbuħa mit-tkasbir tas-sagru, qatt mirbuħa mill-ħażen, qatt mirbuħa mill-indifferenza lejn min qed ibati, qatt mirbuħa mill-kultura tal-mewt, qatt mirbuħa mid-diviżjoni. Ejjew illum inġeddu r-rabta tagħna ma’ Marija Bambina, konvinti bis-sħiħ mill-imħabba tagħha lejna, għax hi biss tista’ tassigura li din tibqa’ l-belt qatt mirbuħa.
Nixtieq nistedinkom biex nitolbu t-talba sabiħa li għamel il-Kan. Jonathan Farrugia f’għeluq il-mitt sena mill-inkurunazzjoni tal-Bambina, talba li tassew tesprimi t-tifsira tal-avveniment li qegħdin niċċelebraw illum:
“Issa ntemmet ix-xewqa ta’ qalbna bil-kuruna fuq rasek rajniek.
Minn dan il-wied ta’ dmugħ, ngħollu ħarsitna lejk, O Marija Bambina, biex insibu l-faraġ waqt li nikkontemplaw il-glorja tiegħek, u biex insellmulek bħala Sultana tas-sema u tal-art.
Saltan, Omm u Sultana tagħna, billi turina l-mogħdija tal-qdusija; mexxina u ieqaf magħna, sabiex qatt ma nitbiegħdu minnha.
Saltan, Omm u Sultana tagħna, fuq l-intelliġenza tal-bnedmin, sabiex ifittxu dejjem il-verità; fuq ir-rieda tal-bnedmin, sabiex jimxu dejjem wara t-tajjeb; fuq il-qlub tal-bnedmin, sabiex iħobbu biss dak li tħobb int.
Saltan, Omm u Sultana tagħna, fuq l-individwi u fuq il-familji, kif ukoll fuq l-ibliet u l-ġnus, fuq l-ambizzjoni tal-mexxejja qawwija u fuq ix-xewqat ċkejknin tal-bnedmin komuni.
Aqlgħalna, Omm u Sultana tagħna, li aħna, il-poplu ta’ din il-Belt qatt mirbuħa, flimkien ma’ dawk kollha li f’kull rokna tad-dinja jagħrfuk bħala Sultana, naslu li ningħaqdu miegħek fil-ġenna, fis-Saltna ta’ Ibnek ir-Redentur tagħna, li flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.”
U nagħlaq bil-kliem sabiħ tal-Isqof Emmanuel Galea, mill-Isla, Isqof Awżiljarju ta’ Malta, predeċessur tiegħi, li kellu tletin sena meta Marija ġiet inkurunata, u li jsellmilha bi kliem li issa huwa tas-Sengleani kollha – mhux tas-Sengleani biss, imma tal-Maltin kollha:
O Marija, fuq rasek kuruna,
bħala sinjal ta’ Sultana tajniek,
U kull wieħed hawn jaħlef quddiemek,
Li sal-mewt irid jibqa’ jservik.
Fuqna xerred, O Bambina, l-isbaħ grazzji nitolbuk
Biex kif aħna bik niftaħru
Hekk tassew aħna nħobbuk.
Viva Marija Bambina!
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju