•  **

     
    Direttur: David Cronenberg
    Atturi:  Julianne Moore, Mia Wasikowska, John Cusack, Robert Pattinson
    Ħin tal-film: 112 min.

     
    Klassifika taċ-Ċensura: 18
    Klassifika tal-Knisja: AR
     
    Agatha, tfajla ħelwa, tasal Los Angeles u mill-ajruport tmur fuq is-sit fejn darba kien hemm id-dar lussuża ta’ ħuha, Benjie Weiss,  tfajjel stilla li kien jinsab fuq il-quċċata tal-karriera tiegħu bħala attur. Agatha kellha sinjali ta’ ħruq fuq wiċċha u jdejha u kienet tibla għadd kbir ta’ pillolli. Stafford Weiss, missier Benjie kien il-magħruf psikologu fuq it-televiżjoni u li kien qiegħed jikkura l-attriċi Havana Segrand mill-abuż li hi kienet soffriet minn ommha, illum –il gurnata mejta. L-aġent ta’ Havana kien qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex Havana tagħmel parti  mill-film li kien sejjer jinġibed fuq il-hajja ta’ ommha, bl-isem ta’ “Stolen Waters”. Benjie u ommu Cristina kienu qegħdin jinnegozjaw  parti għal film wara li Benjie kien temm kors ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Agatha minnaħa tagħha ssib ruħha bħala assistenta personali ta’ Havana waqt li tkompli tara lil Jerome, ix-xufier li issa bdiet tinġibed lejh. Sadanittant, Stafford isir jaf minn Havana li Agatha kienet ġiet lura lejn LA. Hawn insiru nafu li  Agatha kienet it-tifla ta’ Staford u Cristina u oħt Benjie. It-tieta li huma ħadu xokk li reġgħet lura. X’kien ġara fl-imgħoddi? X’jiġri meta Agatha tagħmel kuntatt ma’ ħuha? Min kienet Agatha u x’għamlet biex ir-reazzjoni tal-familja tagħha kienet tant ostili?  Waqt li Agatha tibda tieħu bis-serjeta` ir-relazzjoni tagħha ma’ Jerome, iżda sfortunatament għaliha tintebaħ li Havana wkoll kien qiegħed ikollha relazzjoni mieghu. X’jiġri minn  hawn?  

    Film Amerikan – Kanadiż, dramm satiriku  fejn illaqqagħna ma’ familja li f’għajnejn in-nies kienet magħrufa minħabba l-fatt li kienet għamlet isem tajjeb bħala protagonista fl-industrija taċ-ċinema. Joħrog ħafna n-negattiv ir-relazzjoni ta’ bejniethom bħala familja u t-taħwid li jkun hemm għalkemm finanzjarament ma kien jonqoshom xejn. Minħabba l-istorja tal-film fejn anke hemm sitwazzjoni ta’ inċest, kif ukoll vjolenza u xeni ta’ nudita, tajjeb li film jarawh adulti maturi.