Fr Daniel Farrugia ilu tlettax-il sena jwettaq ħidma pastorali fi Tripli bħala Vigarju Ġenerali. Fr Daniel aċċetta li jaqsam l-esperjenza tiegħu, b’mod speċjali ta’ dawn il-ġranet, mal-qarrejja ta’ IL-ĠENSillum online.

Kemm ilek il-Libja u x’inhi eżatt il-kariga/missjoni tiegħek fi ħdan il-Knisja fil-Libja?

Jiena ilni 13-il sena hawnhekk bħala Vigarju Ġenerali, imma nservi l-komunità Maltija, dik tal-lingwa Ingliża u Taljana, barra li nagħti l-għajnuna tiegħi lill-immigranti. F’Benghazi hemm l-Isqof Mons Silvestru Magro ofm, li ilu fil-Libja madwar 22 sena.

Kemm huma l-Kattoliċi fil-Libja? X’inhi l-ħidma tagħkom mal-Maltin?

Il-Kattoliċi tista’ tgħid huma kollha barranin – madwar 80,000. Ħafna Maltin għandhom l-okkażjoni li jinżlu lura Malta spiss; dawk li jibqgħu hawnhekk iktar fit-tul niltaqa’ magħhom il-Ħadd filgħaxija u norganizza quddiesa bil-Malti għalihom, bejn wieħed u ieħor kull xahar. Hawn ukoll is-sorijiet Maltin, li huma aktar f’kuntatt man-nisa Maltin miżżewġa ma’ Libjani.