-
-
Din il-ġimgħa fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana se tittella’ t-13-il edizzjoni tal-wirja tal-arti li minn sena għal sena ttella’ Caritas Malta. Fl-isfond tal-50 sena mit-twaqqif tta’ Caritas Malta, ġew avviċinati numru kbir ta’ artisti biex jikkommemoraw dan l-anniversarju.
Il-wirja ta’ artisti rinomati u oħrajn, se tinkludi xogħlijiet versatili li jvarjaw minn kwadri taż-żejt, akkwarelli, inka u pastell, għal skulturi tal-bronż, taċ-ċeramika u tat-terracotta.
Fost l-artisti rinomati, se jkun qed jesebixxi għall-ewwel darba artist li skopra t-talenti tiegħu waqt li kien qed isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas. Matul il-vjaġġ tiegħu, l-arti kienet il-mezz li jesprimi biha l-emozzjonijiet tiegħu u se jkun qed itella’ erba’ biċċiet tal-arti li jispjegaw il-vjaġġ ta’ ħajtu.
’Il fuq minn 120 biċċa xogħol se jkunu inawgurati l-Ġimgħa, 10 ta’ Mejju 2019, fil-Kurja tal-Arċisqof, mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-preżenza, fost oħrajn, tad-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt.
Mill-bejgħ tal-arti, l-artisti se jkunu qed jagħtu persentaġġ lura lil Caritas Malta b’risq is-servizzi li din l-entità tagħti lis-soċjetà mingħajr ħlas.
Il-wirja tkun miftuħa għall-pubbliku s-Sibt 11 ta’ Mejju bejn id-9am u 12pm.
Caritas Malta tirringrazzja lill-artisti u lill-benefatturi kollha, lill-isqfijiet, lill-amministraturi u l-istaff tal-Kurja tal-Arċisqof u wkoll lill-isponsors ewlenin.