Aktar minn 2,200 ruh niżżlu l-application ‘Malta Mass’ fuq il-mobile phone tagħhom f’dawn l-aħħar ġimgħat. Dan bil-għan li jiksbu t-tagħrif u jattendu l-quddies f’waħda mill-knejjes jew kappelli fis-70 parroċċa f’Malta.
Madwar xahrejn ilu l-Kurja tal-Arċsqof nediet l-ewwel application ta’ dan it-tip f’Malta, li tista titniżżel b’xejn fuq l- iphone u android phones. Din tinkludi mappa bl-informazzjoni kollha dwar il-lokalitajiet tal-knejjes u l-ħinijiet tal-quddies. Aktar minn hekk, l-application Malta Mass tagħmilha faċli għall-persuna biex issib l-eqreb knisja minn fejn tkun qeghda fil-mument, u l-ħin tal-quddies li jmiss, kemm fil-ġranet ta’ matul il-ġimgħa kif ukoll fil-Ħdud u l-festi.
Għal diversi ġimgħat din l-app, li ġiet żvilluppata minn grupp ta’ żgħażagħ gradwati mill-MCAST, kienet fl-ewwel post tal-Appstore, fil-lista ta’ mobile phone applictions li jistgħu jitnizzlu b’xejn. Daqs xahar ilu, l-application giet żvillupata wkoll għall-mobiles phones li jaħdmu bis-sistema Android.