Il-kelma fuq fomm kulħadd ilbieraħ kienet ‘Guido’, li miet il-Ħamis fl-Isptar Mater Dei fl-età ta’ 79 sena. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali l-Ħamis filgħaxija taw repurtaġġ estensiv tal-aħbar tal-ġurnata li ħarġet kmieni wara nofsinhar.

Il-ġurnali tal-bieraħ, imbagħad, ilkoll taw prominenza lil din l-aħbar fl-ewwel paġna tagħhom. ‘Imut l-eks-President de Marco,’ kien jgħid it-titlu ta’ L-Orizzont, b’rapport ta’ Charmaine Craus. Rapport fl-ewwel paġna ta’ In-Nazzjon bil-firma ta’ Dione Borg, isejjaħ lil Guido de Marco bħala ‘il-politiku tal-perseveranza u l-persważjoni’. ‘Guido de Marco passes away – Malta mourns outstanding statesman’, kien jgħid it-titlu ta’ The Malta Independent fl-ewwel paġna, waqt li rapport ta’ Ariadne Massa fl-ewwel paġna ta’ The Times kien jgħid ‘Farewell to a great man’.

Kien il-Ħamis wara nofsinhar li l-Professur de Marco ħassu ħażin fl-appartament tiegħu fi Triq it-Torri, Tas-Sliema. Wara li tniżżel permezz ta’ sellum twil mill-gallarija tal-appartament tiegħu minn membri tat-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili, il-Prof de Marco ttieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn miet ftit minuti wara.

Intant, mil-lum is-Sibt sat-Tnejn filgħodu l-pubbliku se jkun jista’ jagħti l-aħħar tislima lill-President de Marco fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta. It-Tnejn wara nofsinhar imbagħad għandu jsir il-funeral statali. Il-quddiesa praesente cadavere se ssir fil-Konatidral ta’ San Ġwann fit-3.30pm u se tkun immexxija mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons Pawlu Cremona OP.

Fi tmiem il-quddiesa, il-funeral ikompli b’mod privat.

AGĦFAS HAWN BIEX TKOMPLI TAQRA DAN L-ARTIKLU FUQ IS-SIT www.il-gensillum.com