• On Friday 30th October 2015, six seminarians and a Conventual Franciscan friar were ordained deacons by Archbishop Charles J. Scicluna, during a celebration of Mass at St Sebastian’s Parish Church, Ħal Qormi.

    The following were ordained deacons: Friar Allister Marija Aquilina OFM Conv.; Rev. Sergio Fenech and Rev. Mark Mallia Pawley from St Sebastian’s Parish Church, Ħal Qormi; Rev. Claude Mifsud, from the Parish of the Assumption of Our Lady, Mosta; Rev. James Saydon, from the Parish of the Nativity of the Virgin Mary, Naxxar; Rev. Andrew Schembri from St George’s Parish, Ħal Qormi; and Rev. Gilbert Scicluna from St Joseph’s Parish, Kalkara.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi
    30 ta’ Ottubru 2015

    “Għall-ħniena ta’ Alla  għandna dan il-ministeru, aħna ma naqtgħux qalbna” (2 Kor 4, 1). Għeżież seba’ djakni ġodda, dan il-kliem li intom għażiltu għall-ordinazzjoni djakonali tagħkom, mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, huwa kliem li għandu jagħmlilkom kuraġġ.

    L-ewwelnett tridu tifhmu u tkunu persważi ħajjitkom kollha, li intom għandkom dan il-ministeru li jibqa’ fikom u magħkom għal dejjem, mhux għall-merti tagħkom imma għall-ħniena ta’ Alla. Il-ħniena ta’ Alla qiegħda ssejħilkom, il-ħniena ta’ Alla tmexxikom, tħaddankom, u żżommkom, il-ħniena ta’ Alla tilqagħkom meta jkun il-mument, għall-premju tax-xogħol tagħkom. 

    “Aħna ma naqtgħux qalbna”. Taqtgħux qalbkom. Intom illum se twegħdu affarijiet tremendi li l-qalb tal-bniedem ma tiflaħx, imma l-Mulej u l-għarusa tiegħu l-Knisja hija magħkom. Fostkom hemm reliġjuż, Allister, li għandu sejħa speċjali u partikolari: dik li jkun xhieda għalikom is-sitta l-oħra, li aħna “pajżana tas-sema pajjiżna”. Diġa quddiem il-Knisja ħa fuqu l-madmad ħelu tal-kastità, tal-faqar u tal-ubbidjenza. Illum jilqa’ l-ministeru djakonali ppreżentat mill-familja reliġjuża tiegħu, Franġiskana u aħna nilqgħuh bħala djaknu tal-Knisja, djaknu Franġiskan. 

    Intom, is-sitta l-oħra, djakni tad-djoċesi ta’ din il-Knisja għażiża, ta’ din il-Knisja ħerqana għall-ministeru tagħkom, ta’ din il-Knisja ħerqana li fikom issib eżempju ta’ dak l-Imgħallem li ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi. Ta’ dak l-Imgħallem li ma beżax mir-regola tal-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut, biex ma tibqax weħidha imma tagħmel ħafna frott (ara Ġw 12, 24). 

    Id-djakonat għalikom huwa l-ewwel pass, mhux f’tela’ ta’ dinjità, ta’ suppervja u ta’ frugħa, imma huwa niżla lejn dak l-abbiss fejn il-qaddej jinżel biex jaħsel saqajn ħutu. Hija l-ewwel tarġa. L-Isqof jinsab fil-qiegħ nett ta’ dan it-taraġ biex almenu jara mill-qrib il-kallijiet u jieħu ħsiebhom. Imma intom ukoll bdejtu neżlin it-taraġ tal-qadi u l-Mulej jiggwidakom hu. Għaliex intom tridu tiltagħu miegħu, u lilu ssibuh fil-fqir, fil-batut, f’dak li hu stess isemmi meta jgħid: “dak li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

    “Jekk xi ħadd irid jaqdini, dan għandu jimxi warajja u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi” (Ġw 12, 26). Fittxu lil Ġesù, kunu fejn qiegħed, fil-komunitajiet tagħna. Lill-Mulej issibuh f’kull membru tal-merħla, simpatiku/a, antipatiku/a, issibu tant nies imżejnin b’tant dgħufija imma anke b’tant rigali sbieħ tal-Mulej. Aqdu lill-Mulej fejn jinsab. Ħudu ħsieb li bħala djakni tal-Knisja, tpoġġu l-balzmu li jġib is-serħan kull fejn taraw li hemm ferita. Itolbu lill-Mulej biex id-dgħufija tagħkom ma tkunx ta’ piż għall-Knisja, imma li d-dgħufija tagħkom tfakkarkom biss li dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar (2 Kor 4,7). Għax irid jidher sewwa li l-kobor ta’ din l-qawwa ġej minn Alla u mhux minna. 

    Illum imsejħin intom għas-servizz tal-Kelma u l-Knisja se tgħidilkom b’mod ċar x’tixtieq minnkom: li l-Kelma tgħixuha, tagħtu xhieda tagħha, għaliex in-nies se jiltaqgħu mal-Kelma daqskemm meta jiltaqgħu magħkom ma jsibux min ifixkilhom imma min jgħinhom, ma jsibux min jagħlqilhom il-bieb imma jiftħilhom beraħ il-bieb tal-qalb ta’ Ġesù.

    Kunu konxji li t-teżor tagħkom huwa mogħti lilkom li intom ġarra tal-fuħħar. Faċli tinkiser. Il-ħniena t’Alla hija dik il-kolla li żżommha f’postha. Itolbu lill-Mulej li qatt ma tkunu ta’ tfixkil għal ħadd, qatt ma tkunu ta’ skandlu għal ħadd, u li għalkemm konxji tad-dgħufija tagħkom, intom ikollkom ħajja rżina, sabiha, ferħana, fidila.

    Intom se tiġu msejħin biex titolbu f’isem il-Knisja. Permezz tagħkom il-Knisja, l-Għarusa ta’ Ġesù, tkompli dejjem tfaħħru, tisimgħu, tobdih, tqimu. Qisu li t-talb ikun għalikom in-nifs ta’ ħajjitkom. Ixxenqu għall-intimità ma’ Ġesù u meta tħobbu lil xi ħadd, ħobbuh bl-għajnejn ta’ Ġesù, bil-qalb ta’ Ġesù. U jekk inti trid tagħti tislima ħelwa, qis li jdek tkun l-id ta’ Ġesù, ħarstek tkun il-ħarsa ta’ Ġesù, fommok ikun fomm Ġesù. Ħarsa safja, fomm safi, tmellisha ħelwa.  

    Intom u tilqgħu ċ-ċelebat, ilqgħuh mhux bħala piż imma bħala don, bħala vokazzjoni li nħobbu lil kull persuna, hi min hi, hi minn fejn ġejja, hi ta’ liema kulur hi. Din hija l-imħabba universali li timla l-qalb tagħna b’ferħ kbir. Kultant taf tkun ukoll mistura qarsa fil-vixxri tagħna, imma ħobbu mingħajr ma taqtgħu qalbkom. 

    Intom m’intomx djakni permanenti, għax nispera li jasal il-mument meta nordnakom saċerdoti, imma intom permanentement djakni. Tinsewx li l-ministeru li qed tilqgħu llum ma jisvintax mal-presbiterat imma huwa għerq profond tal-ministeru li jagħti togħma lis-saċerdozju futur ministerjali tagħkom. Is-saċerdożju tagħkom huwa ministerjali meta l-Mulej isejjaħ, għalhekk it-tqegħid ta’ idejn l-Isqof, għaliex illum intom ordnati ministri, qaddejja, djakni. 

    Meta tkellmu lin-nies, anke jekk tkunu frustrati u irrabjati, qisu li qed tkellmu lill-Għarusa ta’ Ġesù. Kellmuha bil-ħlewwa, ħudu paċenzja, bil-paċenzja tagħkom issalvaw ruħkom.

    Il-ġenituri tagħkom li qegħdin hawn u li jiena nsellem u nirringrazzja, ħadu paċenzja b’xulxin u jibqgħu jieħdu paċenzja b’xulxin u bikom. U hekk jitqaddsu. Intom tridu tieħdu paċenzja bil-poplu ta’ Alla. U jekk tridu ssegwu il-parir ta’ xi ħadd li jħobbkom, segwu l-parir tal-ġenituri tagħkom. Ħallu li l-għajnejn tagħhom jibqgħu isegwukom għax jaraw iżjed profond milli jara l-Isqof, jew ir-Rettur, jew il-Provinċjal jew id-delegat tal-Kleru. 

    Jiena insellem lill-komunitajiet minn fejn ġejjin. Huwa ta’ ferħ għalija li tnejn minnkom huma min din il-parroċċa għażiża, ieħor minn San Ġorġ. Ħal-Qormi llum ta lill-Knisja tlett djakni. San Ġorġ u San Bastjan illum żgur li qegħdin jitbissmu lil xulxin. Imma aħna nirringrazzjaw lil San Franġisk, lil San Ġużepp, nirringrazzjaw fuq kollox lil Marija Assunta. Dawn il-parroċċi għeżież, jiena mhux biss insellmilhom, imma nitlobhom. Itolbu għal vokazzjonijiet, itolbu għalina biex minkejja d-dgħufija kbira tagħna, li ħafna drabi ssir spettaklu pubbliku, għall-umiljazzjoni kbira tagħna, intom takkwistaw mingħand Alla d-don li nkunu qaddejja tagħkom u qaddisin.

    ✝​ Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity, Valletta.

    www.photocitymalta.com