-
-
Nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Settembru 2018, festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, ġiet inawgurata xbieha fil-mużajk tal-Madonna Ta’ Pinu, fis-Santwarju tat-Tħabbira tal-Mulej, f’Nazaret.
Din ġiet inawgurata mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fit-tieni jum ta’ pellegrinaġġ djoċesan ta’ għaxart ijiem fl-Art Imqaddsa flimkien mal-Patrijiet Franġiskani Minuri, li fih qed jieħdu sehem fuq mija u ħamsin pellegrin mill-gżejjer Maltin.
Ix-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu nħadmet riċentement minn Dun Roberto Gauci u Joseph Borg miċ-Ċentru tal-Arti Liturġika Eikon.
Patri Bruno Varriano OFM, il-Gwardjan tal-komunità tal-Patrijiet Franġiskani fis-Santwarju ta’ Nazaret, qal li aċċetta li titwaħħal din l-ikona bħala apprezzament tal-ħafna pellegrini Maltin u Għawdxin li ta’ kull sena jżuru dan is-Santwarju, taħt il-gwida spiritwali ta’ Patri Twanny Chircop OFM, Kummissarju Malti għall-Art Imqaddsa. Fost il-ħafna xbihat nazzjonali Marjani li hemm fil-bitħa tas-Santwarju ta’ Nazareth, diġà hemm xbieha oħra Maltija, dik tal-Madonna tal-Mellieħa.
L-Isqof Mario sejjaħ din il-ġrajja bħala “ġemellaġġ bejn is-Santwarju Ta’ Pinu u dak ta’ Nazaret”. Huwa fisser li “hemm kumplimetarjetà bejn iż-żewġ santwarji. F’Ta Pinu, il-Madonna ssejjaħ lil Karmni Grima u lilna biex immorru għandha, waqt li f’Nazaret, tgħidilna biex bħalha nagħmlu r-rieda ta’ Alla”. L-Isqof kompla fisser li “r-rieda ta’ Alla hija l-aqwa ġid li l-bniedem jista’ jikseb għalih u għall-oħrajn. Alla jrid li l-bniedem ikun bniedem, għax xi drabi aħna l-bnedmin ma nafux nirrispettaw id-dinjità umana tagħna nfusna u tal-oħrajn”.
Fi tmiem iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, l-Isqof ta’ Għawdex, f’isem id-Djoċesi, għamel għotja ta’ €3,000 – kollha donazzjonijiet mogħtija mill-pubbliku waqt ġabra li saret fil-Velja tal-Assunta f’Għawdex – lill-Gwardjan Patri Bruno biex dan ikun jista’ jgħin lill-foqra ta’ Nazaret.
-