• ****

    Diretturi:         Christoph Lauenstein u Wolfgang Lauenstein

    Ilħna:               Callum Maloney, Dermot Magennis, Ian Coppinger, Paul Tylak, Lucy Carolan, Eoin Daly, Aileen Mythen, Simon Toal, Danna Davis u Susie Power

    Ħin tal-Film:    88 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Luis Sonntag, tifel ta’ tnax-il sena, sfortunatament tilef lill-ommu xi żmien ilu u Armin. missieru, kien qiegħed suppost irabbih. Iżda  Armin hu Ufoloġista u moħħu iktar jinsab fl-ispazju, jesplora għal xi aljeni li forsi jkunu resqin lejn id-dinja milli jieħu ħsieb it-tifel tiegħu. Armin kien ossessjonat biex jipprova lid-dinja li fir-realtà, l-aljeni kienu jeżistu. Riżultat ta’ dan, Luis ma kienx qiegħed isibha faċli li jgħix f’dar abbandunata għal kollox kif ukoll fl-iskola fejn kien hemm xi studenti jibbuljawh.

    Luis ma tantx kien jemmen f’dak li kien qiegħed jipprova jikxef missieru u għalhekk kienet sorpriża kbira għalih meta jum wieħed jiġi wiċċ imbwiċċ ma’ tliet aljeni żgħar u bla grazzja, meta dawn sabu ruħhom fid-dinja billi jillandjaw il-vettura spazjali b’emerġenza.  It-tlieta kellhom isem ukoll: Mog, Nagu u Wabo, b’karattri ħelwin li setgħu wkoll ibiddlu s-sura tagħhom. Luis malajr jirnexxielu jagħmel kuntatt magħhom billi jurihom li l-umanità ma kienitx kontra l-aljeni għalkemm missieru Armin kien ġa mħejji li permezz ta’ strument li vvinta li jiffriza lil xi aljen li jsib ruħu fost il-bnedmin. Luis min-naħa tiegħu, kollu eċċitat u mingħajr l-ebda preġudizzju xtaq juri lil missieru b’dak li ra u ma’ min kien iltaqa’. Hawnhekk Luis jintebaħ li missieru kien lest għal kollox permezz ta’ “shockfrost” għall-ħbieb ġodda li kien għadu kif għamel.

    Sadanittant, il-priċipal tal-iskola jibda jissuspetta li Luis ma kienx qiegħed ikun imrobbi sew u għalhekk jiddeċiedi li jagħmel kuntatt mal-awtorità biex Luis jittieħed mid-dar ta’ missieru għal post fejn Luis ikun jista’ jingħata attenzjoni mixtieqa minn nies prefessjonali u li huma mħarġin fil-kura ta’ tfal abbandunati. Luis jintebaħ b’dak li kien qiegħed jinħema min-naħa tal-prinċipal u għalhekk mal-ħbieb aljeni ġodda mill-ispazju jibdew jaraw kif sejrin isbu mezz kif isejjħu l-mothership biex jinżel u jsalvahom. Luis kien anke lest li jmur magħhom biex b’hekk jeħles mill-problemi.  X’jiġri minn hawn? Interessanti ħafna li nsegwu l-avventuri li Luis u ħbiebu l-aljeni jsibu ruħhom fihom.

    Film Ġermaniż, animat u ta’ fantaxjenza, taħt id-direzzjoni ta’ Christoph Laurenstein u Wolfgang Laurenstein. Minħabba ċajt goff, mhux tant edukattivi, kif ukoll xi azzjonjiet, ikun tajjeb li t-tfal ikunu akkompanjati minn xi adult.