-
-
Messaġġ mill-Arċisqof Charles J. Scicluna
L-Istitut Kattoliku, il-Furjana
27 ta’ April 2018
-
Nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet ispirati minn dawn it-tliet punti tat-tema li ntagħżlet minnkom għal-lum: il-lealtà, il-valuri u l-professjonalità.
Nibda billi nifirħilkom u nawguralkom fl-okkażjoni tal-1 ta’ Mejju. Hija festa bi tradizzjoni u bi storja partikolari ħafna li nbidlet maż-żmien imma li dejjem ippruvat tispira lill-ħaddiema fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-protezzjoni reċiproka u fil-prinċipji tas-solidarjetà.
Il-Knisja Kattolika għammdet din il-festa billi ħolqot il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, imma kienet waħda mill-esperjenzi fejn il-Knisja mhux biss tilqa’ żvilupp soċjali importanti imma wkoll issostnih b’eżempju ta’ ħaddiem li huwa Ġużeppi ta’ Nazaret. Bl-għaraq ta’ ġbinu Ġużeppi ta’ Nazaret sostna l-Familja Mqaddsa, il-familja ta’ Marija, lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, Ġesù, lilu nnifsu, u l-extended family, għaliex Nazaret, bħal kull villaġġ ieħor fil-Palestina, kien jaħdem bin-networks ta’ familji estiżi ħafna.
F’Nazaret għadhom b’ħerqa u b’għożża kbira jindikaw il-post fejn kien jaħdem San Ġużepp, fejn imbagħad inbniet knisja ddedikata lilu. Wieħed mill-qaddisin għorrief tal-Knisja, Irinew, ifakkar li l-ħaddiema u n-nies tal-Palestina sat-tielet seklu kienu jgħożżu b’għożża kbira moħriet li għamel Ġesù. Kienu jgħożżuh bħala xi ħaġa li għamel Ġesù ta’ Nazaret, li kien magħruf ukoll bħala l-iben tal-mastrudaxxa, u hu nnifsu kien mastrudaxxa. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann insibu li Ġesù stess huwa magħruf bħala ‘l-mastrudaxxa’.
Waħda mill-eqdem indikazzjonijiet ta’ relikwi —bħalma għandna ta’ ħafna qaddisin— hija din il-ħaġa li Ġesù ħadem b’idejh stess. Jiġifieri fit-30 sena li Ġesù għamel Nazaret, qabel beda l-aħħar tliet snin ta’ ħajtu jipprietka, kien ħaddiem, ħaddiem tal-id, u dak kollu li għamel, għall-Insara tal-Palestina sar xi ħaġa għażiża ħafna. Mhux ta’ b’xejn imbagħad li fl-Evanġelju, Ġesù, ħin minnhom jgħid: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura,” jiġifieri r-radda ma tibqax dritta, “m’huwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla,” jiġifieri b’xi mod ser titkeċċa (Lq 9:62). Ovvjament Ġesù kien jgħix f’ambjent fejn id-drittijiet tal-ħaddiema ma kontx isemmihom, kont pjuttost isemmi d-dmirijiet.
Il-Lealtà
Ħa nibdew bl-ewwel element li semmejtu u li se tapprofondixxu llum f’dan is-seminar importanti: il-lealtà. Il-union hija bbażata fuq ftehim li ningħaqdu flimkien u li l-kelma li nagħtu lil xulxin inżommuha. Bil-Latin, l-ewwel prinċipju tal-lealtà hu: pacta sunt servanda. Mela meta aħna nagħmlu ftehim, inżommuh. Dak hu l-ewwel prinċipju tal-lealtà.
Il-lealtà tfisser li mhux biss inżomm il-kelma tiegħi imma wkoll nifhem li ħaddieħor jista’ jgħaddi minn ċirkostanzi fejn aħna jkollna nerġgħu nirritornaw madwar il-mejda u nerġgħu nikkunsidraw il-ftehim li nkunu għamilna. Dan għaliex għadu kbir tal-lealtà huwa l-intransiġenza, jiġifieri li ngħidlek: ‘Isma’, aħna ftehemna hekk, ma jimpurtanix li ċ-ċirkustanzi tiegħek tbiddlu, issa hekk ftehmna’. Il-lealtà titlob ukoll il-flessibbiltà; il-fatt li jiena nżomm kelmti imma wkoll li nkun lest niddjaloga u ninnegozja.
Il-lealtà tfisser li, jekk se nikkritika, nikkritika fuq punti bbażati fuq il-verità. Waħda mill-għedewwa tal-lealtà hija l-kalunja
Il-lealtà tfisser ukoll li meta aħna niddjalogaw bejnietna nirrispettaw lil xulxin b’dinjità ugwali. Ħadd ma għandu jersaq lejn il-mejda, kemm min jaħdem u kemm min iħaddem, bl-idea li xi ħadd huwa aqwa jew iżjed indispensabbli minn ħaddieħor. Kultant id-dinja din il-ħaġa ma tgħallimilnhiex imma hemm bżonn nifhmu li l-lealtà mhux biss tfisser li jien inżomm il-kelma tiegħi u li nkun kapaċi nadatta għaċ-ċirkostanzi li nbidlu, imma wkoll li meta niltaqa’ ma’ min se nitkellem miegħu nirrispetta d-dinjità tiegħu u nippretendi wkoll li tiġi rispetta d-dinjità tiegħi. Il-lealtà tfisser li, jekk se nikkritika, nikkritika fuq punti bbażati fuq il-verità. Waħda mill-għedewwa tal-lealtà hija l-kalunja: li biex tkisser lil xi ħadd mhux tikkritika fejn għandek dritt tikkritika imma tivvinta qlajja, tivvinta l-gideb biex tkissru. Dik hija għadu tal-lealtà.
Nistgħu ma naqblux u nistgħu niftehmu li ma qbilniex.
Aħna qegħdin f’ambjent fejn is-social media, li suppost huma midja li jgħaqqduna u li jseddqu bejnietna l-prinċipju tal-lealtà, qed jiġu abbużati, għax huma tajbin, biex ikissru l-lealtà ta’ bejnietna. Il-lealtà qatt mhi uniformiżmu, li kulħadd bilfors irid jaħsibha l-istess, anzi l-lealtà titlob ir-rispett tad-diversità tal-opinjonijiet. Il-lealtà titlob li jiena mhux se nagħmlek għadu tiegħi għax ma taqbilx miegħi. Nistgħu ma naqblux u nistgħu niftehmu li ma qbilniex. Jiena naħseb li f’kull djalogu, f’kull negozjat u f’kull livell, dejjem irridu nħallu l-bieb imbexxaq. Qatt ma nagħlqu bibien għal ħadd u wisq inqas għal xulxin.
Il-Valuri
Ngħaddi għat-tieni punt: il-valuri. Il-valur fih prinċipju li jista’ jkun pożittiv u negattiv. Jiena qed nifhem li qed tirreferu għal valuri li huma pożittivi, valuri li jibnu. U ħa nibda bi kritika ċkejkna.
Allaħares nirriduċu n-negozjati fuq id-drittijiet tal-ħaddiem, il-kriterju ta’ fejn sejrin u kemm sejrin tajjeb, fuq il-livell ekonomiku biss
Jekk il-valur ikun biss ekonomiku nkunu qed nirriduċu l-esperjenzi ta’ bejnietna għal livell baxx ħafna u li mhux bilfors jiddefendi d-dinjità, mhux biss ta’ min jaħdem imma anke ta’ min iħaddem. Il-valur ekonomiku huwa essenzjali, hu wkoll kriterju tajjeb biex wieħed ikejjel il-progress ta’ soċjetà, ta’ pajjiż jew ta’ intrapriża, imma allaħares ikun l-uniku kriterju (bħala valur) tal-progress veru. Ħafna drabi naslu biex ikollna progress fuq dak li jissejjaħ il-valur ekonomiku imma nkunu, jew iċċaħħadna mid-dinjità tagħna, jew inkella dan il-valur jikber biss għas-skapitu tad-dinjità ta’ ħaddieħor, tad-dinjità tal-ħaddiem.
Hemm ħafna tipi ta’ valuri u jien ma nistax ma nitkellimx ukoll fuq il-valur ekonomiku, li huwa neċessarju. Li qed ngħid hu li allaħares nirriduċu n-negozjati fuq id-drittijiet tal-ħaddiem, il-kriterju ta’ fejn sejrin u kemm sejrin tajjeb, fuq il-livell ekonomiku biss għaliex inkunu qed nirriduċu l-kriterju tal-valur b’mod drastiku u mhux dejjem li jgħina.
Il-Virtujiet Kardinali
Imma hemm valuri li huma umani, il-valuri li ħafna drabi —għax huma esperjenza antika ta’ għerf antik— jissejħu wkoll virtujiet, il-qawwiet umani, virtujiet kardinali. Il-kelma ‘kardinal’ ġejja minn cardo li hija ċ-ċappetta li fuqha jistrieħ il-bieb. Mingħajr iċ-ċappetti l-bieb la sserħu, la twaħħlu, la tiftħu u lanqas tagħlqu. Mela cardines huma dawk li fuqhom jistrieħ il-bieb għall-progress tal-ħajja, u dawn huma, l-ewwel nett, ir-rażan.
Il-bniedem huwa suġġett għall-passjonijiet, għall-istinti qawwijin; l-aggressività u anke l-passjoni erotika huma żewġ istinti li jiġu mill-ewwel f’moħħna. Imma l-bniedem, biex ikun tassew bniedem, irid jitgħallem il-valur pożittiv tar-rażan. Eżempju, jekk jiena ttentat bir-regħba nitgħallem inrażżan lili nnifsi. Din ma tgħoddx biss għal min iħaddem imma tgħodd ukoll għal min jaħdem. F’kull negozjat irid ikun hemm il-kontroll tal-istint qawwi tagħna li naħseb biss fija nnifsi. Mela l-ewwel valur hu l-valur tar-rażan għax huwa iżjed fundamentali u jħares lejn istinti primittivi qawwija fil-bniedem.
Jiena nħoss li fit-trejdunjoniżmu għandna esperjenzi u tradizzjonijiet sbieħ u glorjużi ta’ leaders li wrew qawwa, li madwar il-mejda tan-negozjati qatt ma ħassewhom intimidati
Hemm ukoll il-qawwa. Il-Malti jgħid: ‘Omm il-ġifa qatt ma tagħli’. Imma jekk aħna rridu nkunu ta’ servizz għall-pajjiż, irridu nkunu nies ta’ qawwa, ta’ kuraġġ. Il-qawwa hija l-kuraġġ li wieħed jagħmel is-sewwa akkost li jrid iħallas prezz; li wieħed ikun leali anke jekk se jkun żvantaġġat milli jkun egoista. Il-qawwa tfisser li inti tikkontrolla dan l-istint li jgħidlek: ‘Jien se niġġieled għas-sewwa anke meta se nkun attakkat, meta se nkun mibgħud, meta se nkun imwarrab, imma xorta se niġġieled għall-prinċipji tiegħi’. Jiena nħoss li fit-trejdunjoniżmu għandna esperjenzi u tradizzjonijiet sbieħ u glorjużi ta’ leaders li wrew qawwa, li madwar il-mejda tan-negozjati qatt ma ħassewhom intimidati, imma kienu nies li bil-qawwa tar-raġuni u għax jemmnu fil-prinċipji li qed jiddefendu u d-dinjità tal-ħaddiema, kienu eżempju glorjuż ta’ qawwa.
Il-prudenza tfisser ukoll li wieħed jiddjaloga u jisma’.
Hemm ukoll dak li aħna ngħidulu l-prudenza. Qed tindunaw li qed inżidu fid-doża ta’ dinjità umana. Il-prudenza tfisser li inti, jekk għandek ideal, se tagħżel il-mezzi li jwassluk għalih. Jekk irrid immur ir-Rabat u qiegħed fuq stejġ nitlob lil Alla li qiegħed fuq in-naħa t-tajba tat-triq biex ma neħux il-karrozza li sejra lejn il-Belt. Għaliex? Għaliex il-prudenza tgħallimni li jiena npoġġi lili nnifsi u anke l-għaqda tiegħi u lil sħabi, f’sitwazzjoni fejn aħna naslu mingħajr telf ta’ enerġija u mingħajr telf ta’ okkażjonjiet.
Il-prudenza tfisser ukoll li wieħed jiddjaloga u jisma’. Aħna nieħdu pjaċir nisimgħu bl-awtoritajiet li jħobbu jisimgħu. Huwa slogan sabiħ, imma aħna mhux bl-islogan irridu ngħixu. Irridu ngħixu f’realtà li nisimgħu tassew lil xulxin għax il-bniedem li jgħożż il-valur tal-prudenza jaf jieħu parir, jaf ukoll jgħid: ‘Jiena se nbiddel il-fehma tiegħi’. Se ngħidha bil-Latin: prudentis est mutare consilium, jiġifieri l-bniedem prudenti jaf ibiddel parir jew il-fehma jew il-proġett tiegħu. Eżempju, jiena għandi idea imma rrealizzajt li mhux se taħdem, mela nbiddilha! Dik hija l-prudenza! Min iwebbes rasu għad irid jikber fil-valur tal-prudenza. Il-prudenza tgħallmek wkoll li mhux biss taħdem għad-drittijiet, imma qatt ma tinsa d-dmirijiet.
Ir-raba’ valur uman, skont it-tradizzjoni tal-filosofija Griega imma wkoll evoluta ħafna fit-tradizzjoni Nisranija, hija l-ġustizzja. Il-ġustizzja hija valur li tħares mhux biss lejn il-qawwa interna tiegħi —psikoloġika, spiritwali u emottiva— imma li tpoġġini f’relazzjoni ma’ ħaddieħor. Il-ġustizzja tagħti lil kulħadd skont il-mertu tiegħu. Meta ngħidu l-kelma ‘meritokrazija’ —li tintuza’ wkoll ħafna fl-islogans— qed ngħidu ‘ġustizzja’. Jekk aħna nneżżgħu l-meritokrazija u ngħidu: ‘biex tieħu impjieg trid tkun magħna inkella m’għandekx ċans’, allura nkunu qed nimxu kontra l-ġustizzja.
Il-ġustizzja tagħti lil kulħadd skont il-mertu tiegħu.
Il-ġustizzja tfisser ukoll il-prinċipju tal-kontabbiltà: li jiena rrid nagħti kont lill-poplu jekk jiena l-istat, lill-membri tal-union jekk jien kap jew responsabbli fit-trade union, lil Alla u lill-poplu tiegħi jiena bħala Isqof, u lill-Papa wkoll. Ilkoll kemm aħna rridu nagħtu kont lil xi ħadd. Min hu miżżewweġ irid jagħti kont lil mara jew lir-raġel. Il-kontabbiltà neżerċitawha hawn illum.
Il-kontabbiltà fuq kull livell hija parti mill-ġustizzja. Il-ġustizzja titlob ukoll li meta niddjalogaw fuq id-drittijiet tal-ħaddiema nkunu ekwi. Jekk ix-xogħol jirrikjedi €10 is-siegħa, ma nitlobx €20, lanqas niċċarġja €20. Diġà tkellimna fuq il-fatt li s-suq tax-xogħol huwa internazzjonalizzat, u semmejna wkoll id-diskriminazzjoni fuq il-ħlas tal-istess xogħol li jsir. Mhuwiex ġust li ħaddiema għax għandhom il-ġilda skura jieħdu €4.60, u jekk jieħdu €4.60! U ħaddieħor jieħu €7.00 għall-istess xogħol! Jekk aħna rridu nkunu rġiel magħna nfusna, u qed ngħid ukoll għan-nisa, irridu nisħqu li għall-istess xogħol ikun hemm l-istess ħlas.
Il-kontabbiltà fuq kull livell hija parti mill-ġustizzja.
Din hija wkoll ġlieda importanti bejn l-irġiel u n-nisa, mhux għax l-irġiel u n-nisa jiġġieldu, imma jekk mara qed tagħmel l-istess xogħol li qed jagħmel raġel għandha titħallas l-istess. Dan jgħodd ukoll għal mara li jekk hi qed iġġorr tarbija, allura trid tiġi rrispettata f’dan is-servizz tal-ħajja li qiegħda tagħti, f’dan is-servizz tal-maternità li rridu napprezzaw. U l-apprezzament tal-kontribut ta’ partijiet differenti mis-soċjetà huwa wkoll il-ġustizzja, bħalma hi ġustizzja li aħna nagħtu l-opportunità lid-diżabbli li jidħlu fis-suq tax-xogħol. Dik mhijiex karità, dik hija wkoll ġustizzja għax il-ġustizzja mhijiex li kulħadd l-istess.
Imma l-ġustizzja tfisser ukoll li aħna niġġieldu kull tip ta’ mentalità li tgħid li fil-ħajja timxi mhux skont kemm ħdimt u skont kemm int kapaċi, imma skont lil min taf jew jekk m’intix ‘magħna’. Dik hija inġustizzja soċjali, radikali u strutturali li hemm bżonn niġġeldulha f’kull żmien u f’kull epoka.
Il-ġustizzja tfisser ukoll li min għamel il-ħażen jiġi msejjaħ biex jagħti kont tal-ħażen li għamel, imma min jagħmel it-tajjeb jirċievi wkoll il-premju ta’ dak li għamel. Kulħadd jieħu li ħaqqu. Intom tgħiduli li l-ġustizzja vera jagħmilha Alla biss, u hu vera, imma aħna l-bnedmin ma nagħmlux ħażin jekk f’kull livell tas-soċjetà tagħna naħdmu biex inkunu iżjed ġusti.
Il-ġustizzja tfisser ukoll li min għamel il-ħażen jiġi msejjaħ biex jagħti kont tal-ħażen li għamel, imma min jagħmel it-tajjeb jirċievi wkoll il-premju ta’ dak li għamel. Kulħadd jieħu li ħaqqu.
Se nissellef ftit mill-kummentarju li għamel l-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika dwar il-qdusija, Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew), meta jagħmel kummentarju sabiħ tat-tmien beatitudnijiet. U Ġesù, fil-beatitudnijiet, f’ħin minnhom jgħid: “Ħenjin dawk li għandhon il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja” (Mt 5:6). Il-Papa jgħid li l-ġuħ u l-għatx huma istinti fundamentali; jekk ikollok ħafna ġuħ tista’ tmut, bil-għatx tista’ tmut ukoll” (ara Gaudete et Exsultate par. 77).
Ġesù, meta jirreferi għall-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, qed jurina kemm il-ġustizzja hi essenzjali fit-tessut soċjali. Soċjetà mingħajr ġustizzja, mingħajr ġustizzja soċjali, tmut, hi kkundannata li tmut bil-ġuħ u bil-għatx. U għalhekk hemm bżonn naħdmu, anke fl-ambjenti tat-trade union, għall-ġustizzja soċjali, għall-fatt li bil-paga li jirċievi, il-ħaddiem ma jistax ikun ma jistax jippjana familja għax la jista’ jikri u lanqas jista’ jissellef biex ikollu d-dar tiegħu.
Ġesù, meta jirreferi għall-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, qed jurina kemm il-ġustizzja hi essenzjali fit-tessut soċjali.
Illum, jien u nitkellem mal-ħaddiema żgħażagħ jgħiduli: ‘Naħdmu t-tnejn, immorru l-bank u jgħidilna b’dak li għandkom ma nistgħux insellfukom biex tixtru flett’. Mhux qed ngħid tixtri villa bis-swimming pool, jew tixtri jott, imma tixtri flat! Jew inkella wieħed jiġi għandi u jgħidli: ‘Kelli €500 kera u s-sid għamilhieli €750, jekk mhux €900’. Jalla nkomplu bil-ġid, jalla nġibu nies li jifilħu jħallsu, imma min se jieħu ħsieb il-ħaddiema tagħna? Min se jieħu ħsieb iż-żgħażagħ tagħna? Din hi kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali urġenti! Urġenti!
Il-Professjonalità
Fit-tema ta’ dan is-seminar semmejtu wkoll il-professjonalità. L-għerq tal-professjonalità huwa l-aġġornament kontinwu tal-ħiliet (l-iskills), it-taħriġ, u l-fatt li wieħed jagħmel ix-xogħol tiegħu bħala eżempju ta’ best practice.
Il-professjonalità mhijiex kemm daħħalt flus fil-but imma kemm irċevejt taħriġ, kemm komplejt taġġorna ruħek fit-taħriġ u kemm ukoll tadatta. Hemm ċertu mobilità anke fl-istess settur. Pereżempju, fil-qasam edukattiv hemm il-flessibilità li tieħu taħriġ ulterjuri biex tibqa’ utli għalik innifsek u għas-soċjetà. U dan jgħodd għal kull qasam. L-industrija tagħna tevolvi, tiżviluppa, u allura hemm bżonn li jkun hemm din il-flessibbiltà tal-ħaddiema, u mhux jgħidlek: ‘Isma’ jiena din biss naf nagħmel, u tgħidlix nittrenja biex nagħmel xi ħaġa oħra!’ Dik mhijiex professjonalità; dak huwa li nsiru parassita. Il-ħaddiem m’għandu qatt jaqa’ fit-tentazzjoni li jsir parassita.
Il-ħaddiem, jekk se jkun professjonali, bħal kull professjoni oħra jrid jaddatta għaċ-ċirkostanzi, irid jibqa’ jevolvi. Jekk jien immur għand konsulent nippretendi li jagħtini mediċina attwali u mhux dik ta’ 50 sena ilu. Jiena mort iċ-Ċilì fuq biċċa xogħol, ippruvajt nagħmilha u spiċċajt l-isptar. Għall-grazzja ta’ Alla użaw it-teknoloġija moderna minkejja li dawn professjonisti li ma ggradwawx ilbieraħ. Kontinwament imorru korsijiet, jaraw l-iżvilupp li hemm fil-mediċina u fil-kirurġija biex jagħtuk l-aħjar servizz. Dak huwa l-professjonaliżmu, u kull tip ta’ ħaddiem irid ikollu l-istess idea u l-istess sentiment.
Nagħlaq billi nitkellem fuq it-tentazzjoni li fl-industrija jonqos il-bniedem u jidħlu r-robots ta’ kull tip. Aħna rridu nsibu bilanċ, ekwilibriju, bejn l-eżiġenza tat-teknoloġija, il-qawwa tas-software li għandna li jħaddem il-magni u jħaddem kollox illum, u x-xogħol li jagħti dinjità lil bniedem. Il-professjonalità tfisser ukoll din: li waqt li aħna nħarsu lejn prodott li huwa ta’ kwalità, ma ninsew qatt li l-bniedem għandu bżonn ix-xogħol, mhux biss għall-flus kif ġustament intqal fil-bidu, imma wkoll għad-dinjità tiegħu.
Il-Papa Franġisku, fid-dokument tiegħu dwar l-ambjent, Laudato si’, jisħaq li min qed iħaddem, qed jagħmel benefiċċju kbir lis-soċjetà, u min qed iħaddem liż-żgħażagħ qed jagħtihom tama. Iżjed ma hemm prospetti ta’ xogħol, iżjed ma hemm prospetti li javvanza fix-xogħol, iżjed il-bniedem se jħossu apprezzat u se jħossu verament jikber fid-dinjità tiegħu.
Meta qed ngħidu professjonalità hemm ħafna fatturi x’wieħed jiddiskuti u hemm bżonn li aħna nħajru ’l ħaddiema, anke dawk li mhumiex Maltin iżda qed ikunu parti importanti mis-suq tax-xogħol, biex ikunu professjonali. M’ilux għammidt Taljan li beda jkellimni bil-Malti. Ilu hawn, ħabb lil pajjiżna, ħabb lil waħda minna wkoll. Ovvjament dik għenitu jitgħallem bil-Malti. U ħadt pjacir għax jiena tgħallimt it-Taljan, ħdimt l-Italja 17-il sena —studjajt erba’ snin u ħdimt 17-il sena— allura l-kultura nafha u napprezzaha bis-sabiħ u l-ikrah tagħha, imma wkoll nieħu pjaċir meta bniedem li ġie jissetilja hawn u jħobb lil din l-art ħelwa, tant japprezzaha li jitgħallem ukoll il-lingwa għax il-lingwa hija bieb fuq il-kultura.
Il-professjonalità mela, ma tistax tkun one way biss. Tajjeb ukoll li aħna u nilqgħu lill-parti mill-Ewropa li daħlet fis-suq tax-xogħol tagħna, nesiġu wkoll li dan is-sens ta’ merħba ikun komplut billi japprezzaw wkoll il-valuri tagħna.
Nixtieq nieħu l-opportunità mhux biss biex nawguralkom għall-festa tal-ħaddiema, fl-1 ta’ Mejju, imma wkoll nirringrazzjakom tal-kontribut siewi li tagħtu lis-soċjetà. Dejjem nifhmu li l-lealtà tagħmel il-ħajja tagħna iżjed faċli, li l-valuri sodi jagħmluna tassew bnedmin, u li l-professjonalità tagħmel li aħna nikkontribwixxu tassew għall-ġid komuni.
Inberikkom mill-qalb u nirringrazzjakom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja