L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Id-djalogu bejn Ġesù u Pietru, fix-xatt ta’ Tiberija hu djalogu sabiħ ħafna. Hawnhekk Ġesù għal tliet darbiet jistaqsi lil Pietru jekk iħobbux – “tħobbni int?” u fil-bidu jistaqsi, “tħobbni int, aktar minn dawn?” Għaliex jistaqsih għal tliet darbiet? Mhux għax ma semax it-tweġiba, jew għax ma fehemhiex. U Pietru kien ċar fit-tweġiba: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Ħafna jaraw ir-rabta bejn din l-istqarrija għal tliet darbiet u ċ-ċaħda li għamel Pietru għal tliet darbiet fil-Passjoni ta’ Ġesù, meta ċaħad li jaf lil Ġesù. Hemmhekk Pietru mhux ċaħad li jħobbu, imma li jafu.
Ġesù qed jagħtih l-opportunità lil Pietru u b’mod mill-aktar seren jifdih mid-dnub tiegħu, u jerġa’ jagħtih il-missjoni importanti. Jerġa’ jafdah b’fiduċja sħiħa. Nixtieq li naraw ftit lilna x’tgħidilna din il-ġrajja, dan id-djalogu bejn Ġesù u Pietru.
L-ewwel nett, il-mistoqsija li jistaqsi Ġesù hi “tħobbni int?” Din jistaqsiha lil Pietru, u jistaqsiha lilna, lil kull wieħed u waħda minna. Hu jrid li dak li nagħmlu, jew li nagħżlu li ma nagħmlux, ikun ħiereġ minn din l-imħabba. Mhux għax nibżgħu minn xi kastig, jew nagħmlu hekk għax l-oħrajn qed jagħmlu hekk u għalhekk nagħmlu bħalhom, imma jkun ħiereġ minn din l-imħabba kbira lejn Ġesù. Hi din l-imħabba li għandha ssuqna, li għandha tmexxina. Hemm insibu l-isbaħ fil-ħajja – meta l-imħabba lejn Ġesù tkun dik li tmexxina.
Imbagħad hawnhekk lil Pietru jgħidlu: “Irgħa l-ħrief tiegħi”, imbagħad “Irgħa n-ngħaġ tiegħi”. Ġesù jgħaqqad il-missjoni li qed jagħtih mal-istqarrija ta’ mħabba – “Iva, int taf li nħobbok”. Biex juri lil Pietru u lilna lkoll li dak li hu xogħol tagħna għandu joħroġ tassew minn din l-imħabba. Lil Pietru ma jistaqsihx: “Int tħobbu x-xogħol ta’ ragħaj, ta’ ragħaj tal-erwieħ?” biex imbagħad jgħidlu “Irgħa n-ngħaġ tiegħi”. Le. Jistaqsih: “Tħobbni?” għax dak jiġi l-ewwel. Mhux għax iħobb ix-xogħol, imma għax iħobb lilu; imbagħad, għax iħobb lilu, iħobb ukoll il-persuni, u jħobb ukoll il-ħidma li ssir għall-imħabba tiegħu u għall-glorja tiegħu. L-istess lilna. Il-Mulej isejħilna biex dak li nagħmlu, nagħmluh tassew bi mħabba lejh u għall-glorja tiegħu.
Nixtieqkom tinnutaw ukoll il-kelma li jgħid Ġesù lil Pietru: “Irgħa l-ħrief tiegħi…in-ngħaġ tiegħi”. Jiġifieri, qed jgħidlu: issa li għandek din il-missjoni, in-nies li magħhom se taħdem, li għalihom se taħdem, ma jsirux tiegħek, imma jibqgħu tiegħi. Int ma tipposedix b’xi mħabba possessiva lil dawn in-nies qishom saru tiegħek, imma jibqgħu tal-Mulej. Din ukoll hi importanti għall-ħidma kollha tagħna biex nagħrfu kif meta naqdu lill-Mulej, naqduh fil-poplu tiegħu, imma hu l-poplu tiegħu, il-poplu tal-Mulej. Nitolbu lill-Mulej biex inkunu dejjem immexxija minn din l-imħabba lejh, bħalma kienu San Karlu Lwanga u sħabu martri tal-Uganda, li tagħhom qed nagħmlu t-tifkira llum. U biex nagħrfu dak li Alla jsejħilna għalih, u naqduh tassew b’din l-imħabba kbira, filwaqt li niftakru li n-nies li magħhom qegħdin naħdmu mhumiex tagħna imma huma tal-Mulej.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju