L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù juża xbieha li għan-nies ta’ żmienu, imma anke għalina nies tal-Mediterran, hija faċli biex nifhmuha. Nafu li d-dielja li tagħmel frott bnin, l-għeneb li minnu aħna nieħdu l-inbid li jferraħ qalb il-bniedem, għandha bżonn iż-żabra. Imma nafu wkoll li jekk il-friegħi mhumiex imqabbdin mad-dielja qatt mhu se jagħmlu l-frott.

Għalhekk, il-Mulej jimmaġina li huwa d-dielja u Missieru huwa l-bidwi. Id-dielja għandha bżonn lill-friegħi biex tagħmel il-frott, u hemm bżonn li l-friegħi jibqgħu mqabbdin u magħqudin mad-dielja. Aħna faċli nifhmu dak li jkompli jispjega Ġesù. Jekk irridu nagħmlu l-frott ta’ tjieba, ta’ ġustizzja, u ta’ ħniena; jekk nixtiequ li l-missjoni tagħna bħala dixxipli sseħħ, u nkunu preżenza sabiħa fid-dinja, bħall-ħmira li tgħolli l-għaġna, id-dawl li jiddi fid-dlam, il-melħ li jagħti t-togħma, hemm bżonn li nkunu maqgħudin ma’ Ġesù.

Ġesù juża l-frażi qawwija: “Maqgħudin miegħu”. Magħqudin miegħu billi l-kelma qawwija Ġesù tibqa’ fina, il-kelma tiegħu ssir dik il-boxxla li turina d-direzzjoni tiegħi. Qabel nagħmel għażla, insaqsi f’qalbi xi jrid il-Mulej minni. Hekk il-kelma tiegħu f’qalbi tkun qed tagħmel il-frott. Il-kelma tiegħu f’qalbi tgħaqqadni miegħu u l-kelma tibqa’ fija u jiena nibqa’ fih (ara Ġw 15:7).

Ġesù tana wkoll mezz straordinajru kif inkunu ħaġa waħda miegħu: l-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw illum. “Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”” (Ġw 6:51). Għalhekk, il-komunita li tixxennaq għall-Ewkaristija qiegħda tixxennaq biex tibqa’ ħaġa waħda ma’ Ġesù. Ħafna drabi aħna nitbiegħdu u ninfirdu minnu. Dan huwa l-mument fejn nitolbuh li nerġgħu niġu ħaġa waħda miegħu. Is-sagramenti tal-qrar u anke tal-dilka tal-morda huma sagramenti li jagħtu l-maħfra tad-dnubiet, li jagħtuna l-grazzja li nirrikonċiljaw ruħna mal-Mulej. L-għatx li aħna nqerru huwa l-għatx biex fina jerġa’ jkollna l-paċi li jagħtina Ġesù biss.

Aħna jirnexxielna nagħmlu tant affarijiet mingħajr Alla u mingħalina qegħdin nagħmlu progress kbir.

San Ġorġ Preca kien iħobb jirrepeti din it-talba: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Kemm tolqotni din it-talba. Jien kemm-il darba nirrepetiha għaliex hija talba li għandna bżonn ngħidu ta’ sikwit u l-Mulej jifhem li għandna bżonnu imma din it-talba hija b’xi mod mediċina għal sitwazzjonijiet fejn aħna nitbegħdu minnu. Anke fil-mument ta’ diffikultà fejn forsi qed jirkibna xi vizzju, jew aħna meħudin mir-rabja, jew inkella minn xi ħaġa ħażina, lil Mulej nitolbu: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”.

Din it-talba tirrispondi għal dak li Ġesù qal: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). X’jiġifieri? Aħna jirnexxielna nagħmlu tant affarijiet mingħajr Alla u mingħalina qegħdin nagħmlu progress kbir. Imma l-mistoqsija li rridu nagħmlu llum hija din. Mela x’jagħtina Ġesù li  mingħajru ma jistax ikollna? Wieħed jifhem il-paċi tal-qalb, is-sens kbir ta’ serenità fil-ħajja. Min jaf kemm min għandu flus u bini u dehbijiet u djamanti imma m’għandux paċi. Wieħed ta’ min jgħix ħajja hekk? Imbagħad issib familja li qed tgħix mill-għaraq ta’ ġbin il-ġenituri fl-għożża tal-ulied u għandha l-barka tal-paċi. Mhux ma jkollhiex salib, għandha l-barka tal-paċi!

Tgħiduli: ‘Kif jista’ jkun jekk aħna ngħaddu minn tant tbatijiet?’ Niftakru f’kelma li forsi hija iebsa li qal Ġesù: Kull waħda li tagħmel il-frott, “kull fergħa li f’din id-dielja tagħmel il-frott, il-Missier, il-bidwi jiżborha u jnaddafha biex tagħmel frott aktar” (Ġw 15:2). U aħna fil-ħajja ma ngħaddux minn din iż-żabra? Ma ngħaddux minn dan l-għarbiel ta’ purifikazzjoni? Hija bħad-dielja li meta tiġi x-xitwa biex ikollha l-qawwa tagħmel frott bnin, il-bidwi jiżborha. Għax jobgħodha? Le! Għax jixtieq li jkollha frott bnin!

Mela aħna, jekk għaddejjin minn xi staġun ta’ żabra u l-Mulej permezz tat-tbatija qiegħed inaddafna, nieqfu ftit u ngħidulu: ‘Mulej, użani biex tagħmel il-frott’. Biex fid-dinja tal-lum, fejn donnu għandna ħafna affarijiet imma ma tantx għandna ferħ u paċi, il-Mulej jagħtina dak li ma jista’ jeħodilna ħadd: il-glorja tal-Missier. Il-glorja tal-bidwi hija li aħna nagħmlu ħafna frott (ara Ġw 15:8) bħalma l-glorja ta’ sid id-dielja li jiżborha u jieħu ħsiebha, hija wkoll li tagħmillu ħafna frott.

Id-dielja ma tagħmilx il-frott mingħajr il-friegħi imma l-friegħi ma jagħmlux frott mingħajr id-dielja.

Mela kull meta ngħaddu mid-dwieli li għall-grazzja t’Alla għad għandna f’pajjiżna, u narawhom jew miżburin jew jarmu bil-friegħi u forsi diġà bdiet tidher l-għenba li qed timmatura, għadha ħa tagħmel il-fjuri imbagħad il-frott, niftakru f’din ix-xbieha li għażel Ġesù: il-Missier huwa l-bidwi, il-Mulej huwa d-dielja imma aħna l-friegħi. B’xi mod nifhmu wkoll li l-Mulej, li jixtieq li d-dinja tkun imbiekra b’ħafna frott, se jagħmel il-frott permezz tagħna. Id-dielja ma tagħmilx il-frott mingħajr il-friegħi imma l-friegħi ma jagħmlux frott mingħajr id-dielja.

Din il-ħaġa tfakkarni f’talba sabiħa li jgħid is-saċerdot qabel jitqarben biex jibqa’ ħaġa waħda ma’ Ġesù. Kull meta nitlobha, nitlobkom tagħmlu attenzjoni għax din hi talba sabiħa: “Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla l-ħaj, bil-mewt tiegħek, kif ried minnek il-Missier, u bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, int tajt il-ħajja lid-dinja, bl-Ewkaristija, b’dan il-ġisem u d-demm qaddis tiegħek, eħlisni minn ħtijieti kollha u minn kull ħażen, żommni dejjem fidil lejn il-kmandamenti tiegħek u tħallini qatt ninfired minnek”. Jiena l-fergħa, u inti, Mulej, id-dielja. Tħallini qatt, jekk jogħġbok ninfired minnek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta



Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 9:26-31
Salm: 21(22):26b-27,28,30,31-32
Qari II: 1 Ġw 3:18-24
Evanġelju: Ġw 15:1-8