L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hu Ġesù stess li jispjega l-parabbola tas-sikrana u tal-qamħ u jgħid li Bin il-Bniedem jiżra’ l-qamħ u x-xitan jiżra’ s-sikrana. Jgħid ukoll li ż-żerriegħa t-tajba huma “wlied is-saltna” u s”-sikrana huma wlied il-ħażin”.

Wieħed jifhem mill-lewwel li din l-għażla ma tiġix mit-twelid. Ħadd ma jitwieled tajjeb u ħadd ma jitwieled ħażin. Kulma ħalaq Alla huwa tajjeb. Bl-għażliet tagħna mbagħad nagħżlu wkoll ulied min inkunu. Il-Mulej jibqa’ jistenna b’paċenzja kbira sa jum il-ħsad li l-għażliet tagħna fl-aħħar jagħmlu minna wlied niedma tal-Mulej.

Dik hija t-tama u fl-istess ħin ix-xorti tagħna. Għax jekk f’għalqa s-sikrana ma tnissilx, ma tistax issir qamħ u l-qamħ ma jistax isir sikrana. Imma peress li l-għażla hija f’idejna, u l-Mulej huwa paċenzjuż sal-aħħar, min ikun għex ta’ sikrana jista’ bil-ħniena tal-Mulej isir qamħ għaliex il-Mulej ukoll jantiċipa l-ġudizzju ta’ min jiddeċiedi li m’għandux bżonn il-ħniena ta’ Alla u jiċħad lill-Mulej. Imma din hija għażla tremenda li nawguraw li l-Mulej jeħlisna minnha u li jagħtina l-grazzja nagħżlu lilu.

Iżda jekk qiegħed jinkwetana l-ġudizzju, ejjew nagħmlu din it-talba li jagħmel is-saċerdot personalment f’kull quddiesa qabel jitqarben: Ġesù tħallinix ninfired minnek. Kemm hi talba sabiħa. Ġesù tħallinix ninfired minnek. Il-bqija nħallu f’idejn il-ħniena u l-paċenzja ta’ Alla  għax hekk jaqblilna.

Qed jiġini f’moħħi vers sabiħ ta’ San Ġorġ Preca — li bħal-lum 58 sena ilu, fl-1962, kien il-funeral tiegħu — mill-ktieb sabiħ tiegħu Is-Salm Evanġeliku tas-Sirjaku li jgħid hekk: “Allaħares ma kontx int għalina, Sinjur, allaħares”. Kemm hi karba sabiħa din ta’ San Ġorġ Preca. “Allaħares ma kontx int għalina, Sinjur, allaħares”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 14, 17-22
Salm: 78 (79), 8.9.11 u 13
Evanġelju: Mt 13, 36-43