L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tfittxunix biss għal dak li nista’ nagħtikom. Fittxuni l-ewwel għal dak li jien”. Dak hu l-messaġġ li Ġesù qed jgħid lilna llum fl-Evanġelju skont San Ġwann, li joħroġ b’mod sabiħ ħafna minn dan id-djalogu, il-laqgħa, li kien hemm ta’ Ġesù mal-folla.
Ħa naraw ftit din ix-xena. Dawn in-nies kellhom diġà esperjenza sabiħa ħafna meta Ġesù tema’ ħamest elef ruħ u fuqhom b’ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar. Din kienet xi ħaġa kbira ħafna li n-nies baqgħu jiftakruha. Mhux biss, minħabba f’hekk, mal-ewwel bdew ifittxu lil Ġesù. Dak inhar, l-Evanġelju jgħid li Ġesù “warrab waħdu lejn l-għoljiet” (Ġw 6:15) biex jitlaq minn man-nies. Imma n-nies komplew ifittxuh. U meta ma sabuhx hemm, għax riedu jsibuh, rikbu d-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U fl-aħħar sabuh.
Imma Ġesù, li jagħraf il-qalb, qalilhom mal-ewwel: “Intom qed tfittxuni mhux għax rajtu sinjali imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu” (Ġw 6:26). Qed jgħidilhom Ġesu: intom li qed imexxikom hu l-istonku mimli mhux il-qalb mimlija. Intom ġejtu hawn għaliex għoġbitkom din li nagħtikom il-ħobż u issa qed tiġru warajja għalhekk. Mhux dejjem in-nies marru warajh wara xi miraklu. Ġieli naqraw fl-Evanġelju li marru biex jisimgħu l-kelma tiegħu. Imma hawnhekk Ġesù qed jgħidilhom ċar u tond: intom ġejtu għal dan. U jgħidilhom aktar minn hekk. Jgħidilhom: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:27). Permezz ta’ dan, Ġesù mhux biss qalilhom x’qed ifittxu huma, fil-fatt, fil-ħajja tagħhom, imma jiftaħ dan id-djalogu magħhom billi jgħidilhom jitħabtu għal dak li hu l-iktar importanti, dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Hu permezz ta’ dan li Ġesù fetaħ id-djalogu ma’ din il-folla ta’ nies, li jkompli – hawnhekk għandna biss silta minnu llum – u li jġiegħel lin-nies jagħmlu l-aktar mistoqsija importanti: “X’għandna nagħmlu…?” (Ġw 6:28)
Fl-Evanġelju, u anke f’mumenti oħra fl-Iskrittura, għandna din il-mistoqsija – bħal meta f’Għid il-Ħamsin saret it-tħabbira ta’ Ġesù li qam mill-mewt, in-nies li semgħu lil Pietru staqsewh: “X’għandna nagħmlu?” (Atti 2:37) Din hija mistoqsija importanti ħafna. Ġesù hawnhekk ifissrilhom: li għandhom jagħmlu hu li jemmnu fih, li jfittxuh għal dak li hu, il-Mulej, is-Salvatur. Dan huwa messaġġ importanti ħafna għalina, għall-ħajja tagħna. Kultant jista’ jiġrilna li nfittxu lill-Mulej għal dak li jista’ jagħtina, anke fit-talb tagħna. Qisna mmorru b’lista ta’ dak li għandna bżonn. Li qed jistedinna l-Mulej hu li mmorru għandu għal dak li hu l-ewwel: hu l-Mulej, is-Salvatur tagħna. Meta naċċettaw din ir-relazzjoni ta’ mħabba miegħu bħala l-Mulej tagħna, imbagħad inkunu nistgħu nqegħdulu quddiemu tassew dak li neħtieġu, dak li nħossu fil-ħajja tagħna, dak li ngħaddu minnu. Hu dejjem jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Imma nfittxu l-ewwel mhux dak li jagħtina imma lilu l-ewwel – imbagħad minn hemm jiġi, iva, li jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.
Ġesù jħeġġiġna wkoll għal ħaġa importanti ħafna meta jgħidilna: “Tħabtu mhux għal dak li jgħaddi imma għal dak li jibqa’”. Dan għaliex ġieli jiġri fil-ħajja tagħna, kultant sforz il-ħajja mgħaġġla li ngħixu, minn ħaġa għal oħra; imbagħad, jekk nieqfu nirriflettu, ngħidu: imma aħna, proprjament, għalfejn dan il-ħsieb kollu, din il-preokkupazzjoni fuq affarijiet li jgħaddu? Kultant jistgħu jkunu affarijiet li għandna, bħal flus, proprjetà. Jekk huma mezzi biex jgħinuna ngħixu aħjar, iva; imma jekk isiru l-għan tal-ħajja tagħna, ħażin, għax nispiċċaw niġru wara dak li jgħaddi. U jgħaddi u jħalli vojt fil-ħajja tagħna. Mentri Ġesù qed jgħid: għal dak li jibqa’ għandna nitħabtu. Għax hu jagħtina tassew l-imħabba, il-paċi, is-serenità fil-qalb tagħna. Hu jimlielna qalbna b’dak li jibqa’.
Dan l-Evanġelju jwassal biex Ġesù jgħid: “Jien hu l-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:36). U jmexxi lin-nies diġà lejn l-Ewkaristija – li mbagħad waqqaf fl-Aħħar Ċena – fejn għandna lilu.
Għalhekk meta qed jgħidilna nfittxu l-ewwel lilu, lilna hekk qed jgħidilna – fejn insibuh qabel kollox? Fl-Ewkaristija. Hemm insibu lilu, il-Mulej u Alla tagħna. Imbagħad, meta jkollna din ir-relazzjoni miegħu fl-Ewkaristija u nirċevuh ġewwa fina, hemm ikollna tassew dak li jibqa’. Għax hu jiġi f’ħajjitna u jmexxina tassew lejn dak li hu l-iktar importanti: dak li jibqa’.
Nitolbu lill-Mulej biex nieħdu bis-serjetà din l-istedina li għamel lid-dixxipli tiegħu – biex aħna nfittxuh l-ewwel mhux għal dak li jagħtina imma għal dak li hu, il-Mulej u Alla tagħna, ħalli hu jgħinna mbagħad li f’ħajjitna nitħabtu mhux għal dak li jgħaddi imma għal dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta