L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-aħwa f’din il-mixja tar-Randan, din il-Kelma hi kelma tad-dawl u kelma ta’ tama. Ġesù qiegħed fi triqtu lejn il-ġudizzju, il-kundanna, u l-mewt. Hu bniedem innoċenti. U ta’ bniedem li kien jagħraf is-sitwazzjoni x’inhi, u jagħraf il-qalb tal-bniedem, kien jaf li sħabu se jitfixklu. U jurihom tassew min Hu. Id-dinja se tikkundannah, id-dinja se ssawtu, tinkurunah bix-xewk, issallbu; imma dan hu li Hu? U jtella’ tlieta minn sħabu fuq muntanja, u jintilef fit-talb mal-Missier. U f’dak il-mument, isir totalment sabiħ, mimli dawl.
Nistedinkom, li kull meta tidħlu f’din il-kappella hawnhekk, tieqfu ftit tammiraw is-sbuħija tal-kwadru li hemm mal-ħajt ta’ wara. Kwadru kbir li kien fi knisja oħra, Protestanta, li mbagħad ingħata rigal lil din il-Faċilità Korrettiva; u ġie restawrat reċentement. Hu l-kwadru tat-Trasfigurazzjoni, tal-Evanġelju li għadna kemm smajna llum. Il-kelma ‘trasfigurazzjoni’ tfisser: il-Mulej li jimtela u juri d-dija tiegħu, is-sbuħija tiegħu. U fil-kwadru, hemm il-protagonisti l-oħrajn, iż-żewġ xhieda li dehru jitkellmu mal-Mulej: Mosè u Elija, li huma l-qofol tat-Testment l-Antik, tar-Rabta l-Qadima, u sħabu, li mbagħad isiru l-pedament u s-sisien tar-rabta l-ġdida: Pietru, Ġwanni u Ġakbu. Quddiem dawn ix-xhieda l-Mulej juri min Hu. U anke t-talb tal-Knisja li naqraw f’dan il-Ħadd jgħidilna: dan ġara biex sħabu meta jiġi l-mument tad-dlam ma jitfixklux. Il-mument tal-umiljazzjoni, tal-kundanna, tal-mewt bla ħtija, ma jfixkilhomx. Aħna nafu li fixkilhom xorta.
Nafu li minn hawn u ftit ġimgħat oħra, se naqraw l-Evanġelju fil-Ġimgħa l-Kbira, aħna ngħidulu l-Passju, għax hu r-rakkont tal-passjoni tal-Mulej; u se naqraw li sħabu, inkluż tnejn milli rawh sabiħ fuq it-Tabor, fuq din il-muntanja, telquh. Wieħed minnhom biss minn dawn it-tlieta baqa’ ħdejh, anke ħdejn is-salib, Ġwanni. Imma Pietru ċaħdu, u Ġakbu ħarab ma’ sħabu.
Allura meta naqraw dan ir-rakkont, tajjeb li nifhmu l-protagonisti min huma. Dawn imma semgħu vuċi li hi mnissla għal kull wieħed u waħda minna. L-ewwel nett fuq Ġesù, jinstema’ leħen li jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur” (Lq 9:35); It-tieni kelma “Lilu isimgħu” (Lq 9:35). Din il-Kelma, il-Missier għalkemm ma semgħuhx, dawk li sallbu lill-Mulej, jirrepetiha anke fuq Ibnu Msallab: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi”. U anke fuq imsallab, mhux sabiħ, jgħidilna: “Lilu isimgħu” (Lq 9:35).
Din il-Kelma trid tindikalna, li jekk irridu ngħixu ħajja ta’ nies, aħna fejn aħna l-aħwa, hawnhekk, barra meta jasal il-mument, irridu nħarsu lejn Ġesù. Ma ninsewx li d-dija tiegħu qiegħda hemm, biex meta aħna nkunu fid-dlam ma naqtgħux qalbna. Meta inti tkun fid-dlam tal-qalb tiegħek, tħossok waħdek, abbandunat, abbandunata; ikkundannat, ikkundannata, imweġġgħin; meta nkunu hekk, inħarsu lejh, għax id-dija tiegħu hija ta’ vera, li ma tistħix mis-Salib Imqaddes. Dak li llum jidher sabiħ fuq il-muntanja, minn hawn u ftit ġimgħat oħra, inqimuh imsallab fuq salib; imbagħad irxuxtat.
Fit-tieni Ħadd tar-Randan, aħna nibdew induqu t-togħma tal-wegħda. Dan ibni li għadda mid-dlam u l-kundanna, qam mill-mewt. Bil-qawwa tal-qawmien tiegħu, jagħti lili u lilek, bidu ġdid. Itolbu l-grazzja li aħna jkollna l-grazzja, l-għerf, l-għaqal, u l-umiltà, aħna f’liema sitwazzjoni aħna, li nibdew mill-ġdid. Tgħid Mulej: fattartha, għaffiġtha, għarraqtha, inqbadt, imma ħa nibda mill-ġdid.
Il-Mulej jagħtina, l-isbuħija tiegħu fuq it-Tabor tkun għalina dawl ta’ tama, biex meta jasal il-mument tal-Ġimgħa l-Kbira ma nitfixklux, u nibqgħu nisimgħu leħen il-Missier: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu” (Lq 9:35).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 15:5-12,17-18
Salm: 26(27):1,7-8,9,13-14
Qari II: Fil 3:17–4:1
L-Evanġelju: Lq 9:28b-36