L-inizjattiva Logos qed torġanizza attività nhar l-Erbgħa 7 ta’ Mejju 2025, bejn is-6:00 p.m. u t-8:30 p.m. fil-Librerija tas-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, Rabat, fejn se jiġi diskuss is-suġġett ta’ tmiem il-ħajja, b’rispett u dinjità.

Kulħadd jaf li, darba jew oħra, ħajtu se tintemm. Kulħadd jittama li ħajtu tintemm b’dinjità. Iżda xi tfisser li l-ħajja tintemm b’dinjità? Dwar dan, mhux kulħadd jaqbel. Hawn min jgħid li tmiem ta’ ħajja b’dinjità jfisser li jkollok l-għajnuna kollha biex tbati uġigħ mill-anqas, u idealment bla ebda uġigħ. Hemm min jgħid li dan mhux biżżejjed. Id-dinjità tmur lil hinn mill-uġigħ fiżiku. Id-dinjità tinkludi li tmut f’ambjent ta’ rispett, fejn min jieħu ħsiebek jistmak tassew bħala bniedem.

Mill-banda l-oħra, hawn min jaħseb li tmiem b’dinjità jfisser li inti tkun sid ta’ ħajtek u li din ittemma inti mingħajr ħadd ma jindaħallek. Kif inhu mistenni, il-mistoqsijiet u l-kontroversji dwar it-tmiem tal-ħajja ma jonqsux.

Il-mistiedna speċjali għal din l-attività hija Dr. Doreen Pace, consultant oncologist li se tmexxi diskussjoni dwar l-aspetti emozzjonali u etiċi ta’ deċiżjonijiet ta’ tmiem il-ħajja.

Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jibbukkjaw post billi jibagħtu email lil [email protected].