L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kif tista’ tagħti qima lix-xbieha tal-injam jew il-kartapesta, u x-xbieha ta’ Alla ħaj, li hi ta’ ħuk jew oħtok, tikkalpestaha? Ma tagħmilx sens! Din hi l-konverżjoni li nitlob.
Il-Kelma t’Alla llum tkellimna fuq is-sawm, u fl-ewwel qari l-profeta jgħallimna li s-sawm qabelxejn huwa atteġġjament, mhux kwistjoni ta’ x’nagħmel għal wiċċ in-nies. Talba li smajnieha wkoll meta Ġesù jitkellem fuq is-sawm fil-qari ta’ nhar l-Erbgħa tal-irmied: Meta ssum issumx għal wiċċ in-nies, is-sawm tiegħek jarah Alla.
Imma s-sawm li jrid Alla jrid ikun vjaġġ ta’ ħelsien, ta’ libertà. Is-sawm mhux it-tgħakkis tal-bniedem imma l-iskola tar-rażan: dak huwa s-sawm. Tajjeb li niċċaħdu mill-ikel li jogħġobna, li niċċaħdu mill-affarijiet li jattirawna, imma iktar importanti li nsumu milli nkissru lill-ħaddiema.
U dan hu r-riskju tal-ħażen. Il-ħażen dejjem jippreżenta lilu nnifsu quddiemna bħala xi ħaġa tajba. L-antiki kienu jgħidu li propju jipperswadik li hi xi ħaġa tajba li tisraq lill-proxxmu, jew li ma tagħmilx id-dover tiegħek, jew li Alla huwa inġust, jew li tavvanza billi tirkeb fuq sieħbek. U inti mingħalik qed tagħmel xi ħaġa tajba ‘għax għall-familja’. ‘Dun, dan li qed nagħmel għall-familja qed nagħmlu jien.’ Imma x’inti tagħmel għall-familja? Ix-xogħol li qed tiggwadanja, il-ħobż li qed jieklu wliedek, huwa mbierek jew misħut?
U forsi dan hu s-sawm l-aktar fundamentali: li niċċaħdu minn dak li mingħalina hu tajjeb, imma mhux skont ir-rieda t’Alla għax qed ikisser lilna nfusna jew lil ħaddieħor. Id-domanda li rridu nagħmlu lilna nfusna hi: “l-għażliet tiegħi, x’effett għandhom fuqi nnifsi u fuq ħaddieħor?”
Is-sawm li għalih qed jistedinni l-Mulej hu li nagħżel dak li hu tajjeb u ta’ ġid għalija u għal ħaddieħor. Dan hu ċ-ċaħda tiegħi nnifsi. Ġesù jitkellem ukoll fuq il-mument meta l-għarus jittieħed. Jimpressjonani ħafna dan l-Evanġelju fl-ewwel ġimgħa tar-Randan, il-ġimgħa li qegħdin fiha.
Imma l-Kelma t’Alla diġà qiegħda tħares lejn il-Ġimġħa l-Kbira, lejn it-tmiem tar-Randan. Hu l-mument meta l-għarus jittieħed. Jittieħed mill-Knisja għax bil-ħażen il-bnedmin ċaħduh, ċaħdu l-imħabba, u riedu jeliminawh min-nofs; aħna qtilna lill-Iben t’Alla, l-imħabba magħmul bniedem. Warrabnieh, qaċċatnieh min-nofs.
Ittieħed minna l-għarus; tolqotni ħafna din il-kelma li Ġesù juża għalih innifsu: “meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, imbagħad isumu” (Mt 9:15). L-għarus, għax il-Mulej jiġi biex jiltaqa’ magħna taħt is-sinjal tal-imħabba. Bħal għarus li jitgħaxxaq b’għarustu, hekk jitgħaxxaq il-Mulej b’għarustu.
Din l-esperjenza tal-għerusija hi wkoll dik li tħeġġiġna fl-esperjenza tagħna tat-talb: li aħna niltaqgħu mal-għarus, ma’ dak li hu l-Iben t’Alla mħabba, dak li sar dnub għalina, biex aħna ninħelsu minn dnubietna.
Imma l-għarus jitteħdilna ħafna drabi meta ngħaddu personalment mill-ġimgħa kbira tagħna; meta minħabba dipressjoni jew delużjoni f’ħajjitna, inħossuna bħalma ħassu hu – ittraduti, ikkalunjati, ippersegwitati.
Aħna ngħaddu mill-esperjenza li għadda minnha Hu fil-Ġimgħa l-Kbira. Inħarsu lejn il-Kurċifiss u nitolbu l-fejqan, jew id-don tal-maħfra, imma wkoll id-don tal-konverżjoni.
Il-Profeta Iżaija fl-ewwel qari jitkellem fuq is-sawm li jsir għajnuna għall-proxxmu. Inutli tgħidli li ċċaħħad lilek innifsek fil-ġisem jew li għaddejt ħin fit-talb, jekk imbagħad qed iċċaħħad lil sieħbek mill-ġustizzja. Għax biex tgħix ħajja ta’ ġustizzja miegħek innifsek fuq ix-xogħol, biex tgħix ħajja ta’ ġustizzja, Alla jitlob minna sawm ta’ veru.
Il-Mulej irid isaffina, isir dawl u “bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu” (1 Piet 2:24). U din hi aħbar sabiħa fil-bidu tar-Randan. Hi aħbar sabiħa u tajba, inti ssir dawl, il-ġrieħi tiegħek jitfejqu, u dan għandna bżonn. Kulħadd għandu l-ġrieħi tiegħu. Min ħafna, min ftit, ta’ min jidhru u ta’ min ma jidhrux. Il-Mulej qed iqabbadna t-triq tal-fejqan.
Fi tmiem din ir-riflessjoni, qabel nagħmlu anke t-talba tal-fidili, nixtieq inwasslilkom żewġ intenzjonijiet. Nirringrazzjakom li diġà tlabtu u bil-qalb għall-Qdusija Tiegħu l-Papa. Ma nafx smajtux li għadda għall-aħjar imma klinikament għadu dubjuż; fl-istess ħin ifarrġuk u jallarmawk. Il-Papa għadu ma mietx, imma dik il-vuċi bla saħħa, u allura nitolbu għalih u nħalluh f’idejn Alla dejjem.
It-tieni aħbar sabiħa: il-Ħadd li ġej nilqa’ bħala katekumeni uffiċjali 20 adult, li din is-sena talbu biex jitgħammdu. Dawn mhux trabi li ġabuhom il-ġenituri tagħhom, imma 20 persuna adulta li ltaqgħu ma’ Ġesù anke permezz tal-kultura tagħna, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha, u talbu għall-magħmudija wara li għaddew mill-katekumenat tagħha.
Nħar il-Ħadd, fil-Parroċċa ta’ Ħ’Attard, fil-quddiesa li tixxandar fuq TVM fuq il-pjattaforma diġitali tagħna, se jiktbu isimhom fil-ktieb tal-katekumeni, l-aħħar fażi tal-preparazzjoni tagħhom. Huma ser jinkitbu b’mod uffiċjali, imbagħad jibdew jgħaddu mill-iskrutinji, imbagħad jiġu jitgħammdu minn idejn l-isqof. U allura nixtieqkom ħafna li titolbu għalihom. Dawn l-adulti li jgħaddu minn mumenti ta’ dgħufija, għandhom bżonn it-talb tal-Knisja. Ngħidilkom uħud minnhom jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jattendu l-laqgħat. Kellna każ is-sena li għaddiet, ma ġiex, għax jaħdem f’restorant u s-sid ma ħallihx jieħu ftit leave biex jiġi magħna. Imbagħad sibna mument biex jitgħammed fih. Kemm inti ġeneruż mal-ħaddiema tiegħek? Anqas id-dritt tal-libertà reliġjuża tal-ħaddiem tiegħek ma tħares, u mbagħad tiġi tiżżeffen quddiem l-istatwa tal-kartapesta!
Għiduli intom – x’inhi l-fidi tagħna: nilagħbu bl-istatwi tal-kartapesta imma mbagħad nittrattaw ħażin lix-xbieha t’Alla ħajja, u lil xulxin ukoll; ovvjament aħna fil-kultura Kattolika hija li tagħmel ħaġa u ma tinsiex l-oħra. Imma trid tagħżel sew.
Inti kif tista’ tagħti qima lix-xbieha tal-injam jew il-kartapesta, u x-xbieha ta’ Alla ħaj, li hi ta’ ħuk jew oħtok, tikkalpestaha? Ma tagħmilx sens! Din hi l-konverzjoni li nitlob.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 58:1-9a
Salm: 50(51):3-4,5-6a,18-19
L-Evanġelju: Mt 9:14-15