Illum, 24 ta’ Novembru 2024, issir iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana ta’ Kristu Re, ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana tibda fil‑5pm u se ssir fil‑Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, fejn jingħad l‑għasar (it‑talba ta’ filgħaxija) u tingħata l‑barka sagramentali. Waqt l‑għasar, l‑Arċisqof iwassal il‑messaġġ tiegħu f’din il‑festa tant importanti għall‑Insara. Iċ‑ċelebrazzjoni tixxandar fuq Knisja.mt, Newsbook Malta u radju RTK 103. Wara ċ‑ċelebrazzjoni jkun hemm quddiesa.
Il‑festa ta’ Kristu Re twaqqfet mill‑Papa Piju XI fl‑1925 bil‑għan li l‑Insara jagħrfu f’Ġesù l‑mexxej wieħed li miegħu jġib il‑verità u l‑ħajja, il‑qdusija u l‑grazzja, il‑ġustizzja, l‑imħabba u s‑sliem, dak li l‑bnedmin fid‑dinja kollha jinħtieġu biex jgħixu bid‑dinjità.
Kulħadd huwa mistieden għal din iċ‑ċelebrazzjoni.
Segwi l-qari tal-Quddiesa tal-lum hawnhekk.
Talba għat-Tqarbina tax-Xewqa
Ġesù, jiena nemmen li Inti tinsab tabilħaqq fis-Sagrament tal-Ewkaristija.
Irrid inħobbok fuq kollox u fuq kulħadd.
Inti taf li nixtieq nirċevik ġewwa fija.
Imma ġaladarba bħalissa ma nistax nilqgħek ġewwa fija sagramentalment,
nitolbok li tiġi fija spiritwalment.
Ejja għandi Ġesù tiegħi, biex jiena niġi għandek.
Ħeġġiġni bl-imħabba għalik biex f’ħajti u f’mewti jiena nemmen fik,
nitma’ fik
u nibqa’ nħobbok għal dejjem.
Ammen.
Idħol hawn u agħfas SUBSCRIBE biex iżżomm lilek innifsek aġġornat permezz tax-xandiriet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fuq YouTube.