It‑Tlieta l‑1 ta’ Marzu 2016, fis‑6:00 p.m., Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil‑bidu ta’ konferenza għad‑delegati tal‑katekeżi tal‑Konferenzi Episkopali Ewropej, organizzata mis‑CCEE. Din ser issir fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, tal‑Virtù.
Il‑Ġimgħa 4 ta’ Marzu, fis‑6:00 p.m., Monsinjur Arċisqof ikompli bil‑mixjiet penitenzjali ta’ żmien ir‑Randan, billi jmexxi pellegrinaġġ bl‑istatwa devota ta’ Ġesù Redentur, l‑Isla.
Il‑Ħadd 13 ta’ Marzu, fid‑9:15 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mal‑Ordni Militari Sovran ta’ Malta, fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Il‑Quddiesa ser tixxandar ‘live’ fuq il‑
YouTube Channel tal‑Knisja f’Malta.
Il‑Ġimgħa 18 ta’ Marzu, Jum id‑Duluri, fil‑11:00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil‑Junior College, l‑Imsida. Fis‑6:00 p.m., l-Arċisqof jieħu sehem fil‑purċissjoni bl‑istatwa ta’ Marija Addolorata, il‑Belt Valletta.
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jibda l‑Ġimgħa Mqaddsa biċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm u l‑Passjoni tal‑Mulej, nhar il‑Ħadd, 20 ta’ Marzu, fid‑9:00 a.m. Din iċ‑ċelebrazzjoni tibda minn quddiem il‑knisja ta’ Santa Katerina d’Italia, il‑Belt Valletta, fejn isir it‑tberik tal‑friegħi tal‑palm u ż‑żebbug, u wara ssir il‑purċissjoni sal‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann, fejn tkompli l‑Quddiesa bil‑qari tar‑rakkont tal‑passjoni mill‑Evanġelju skont San Luqa.
L‑Erbgħa, 23 ta’ Marzu, fis‑7.00 p.m., Monsinjur Arċisqof ser imexxi l‑Via Sacra Nazzjonali fil‑Parroċċa ta’ Ħaż‑Żebbuġ.
Il‑Ħamis, 24 ta’ Marzu, Ħamis ix‑Xirka, fid‑9:15 a.m., tibda l‑Quddiesa tal‑Griżma, fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Matul din il‑Quddiesa, flimkien mal‑Arċisqof jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l‑wegħdiet li għamlu dakinhar tal‑ordinazzjoni tagħhom. Filgħaxija, fis‑6:00 p.m., issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann. Matul din il‑Quddiesa, fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof jaħsel riġlejn numru ta’ persuni. Fi tmiem il‑Quddiesa, l‑Arċisqof iwassal is‑Sagrament Imqaddes fil‑kappella tar‑ripożizzjoni, għall‑qima tal‑Insara.
Il‑Ġimgħa 25 ta’ Marzu, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fit‑3:30 p.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din il‑liturġija tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑Adorazzjoni tas‑Salib u t‑Tqarbin.
Is‑Sibt 26 ta’ Marzu, Sibt il‑Għid, fit‑8:00 p.m., l‑Arċisqof imexxi l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid, fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Iċ‑ċelebrazzjoni tibda bit‑Tberik tan‑Nar il‑ġdid fuq iż‑żuntier tal‑Kon‑Katidral, u tkompli b’liturġija tal‑Kelma, liturġija tal‑magħmudija li fiha ser jitgħammdu żewġ adulti, u l‑liturġija tal‑Ewkaristija.
Il‑Ħadd 27 ta’ Marzu, Ħadd il‑Għid, fid‑9:15 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej, fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Matul il‑Quddiesa Monsinjur Arċisqof ser jagħti s‑Sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lil żewġ adulti. Fi tmiem il‑Quddiesa, l‑Arċisqof jagħti l‑Barka Appostolika bl‑Indulġenza Plenarja.
Iċ‑Ċelebrazzjonijiet tal‑Ġimgħa Mqaddsa li ser isiru fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann ser jixxandru ‘live’ fuq il‑
YouTube Channel tal‑Knisja f’Malta.
It‑Tlieta 29 ta’ Marzu, f’12:00 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa għall‑care workers, fl‑Isptar Mater Dei, Tal‑Qroqq.
L‑Erbgħa 30 ta’ Marzu, fid‑9:00 a.m. Monsinjur Arċisqof ser imexxi l‑pellegrinaġġ tradizzjonali ta’ San Girgor, iż‑Żejtun. Il‑Pellegrinaġġ jitlaq mill‑Kappella ta’ San Klement fid‑9:30 a.m. Wara waqfa fil‑knisja Parrokkjali, il‑pellegrinaġġ ikompli għall‑Knisja ta’ San Girgor. Hemmhekk Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa.
Il‑Ħamis 31 ta’ Marzu, fid‑9:00 a.m., Monsinjur Arċisqof ser jiċċelebra Quddiesa għat‑Tfal, fis‑sena tal‑Ġublew tal‑Ħniena, fil‑Katidral tal‑Imdina. Fis‑7:00 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Velja ta’ Tifħir quddiem l‑istatwa ta’ Kristu Re, il‑Furjana. Il‑Quddiesa ser tixxandar ‘live’ fuq il‑
YouTube Channel tal‑Knisja f’Malta.