Matul ix‑xahar ta’ Frar, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta xxandar il‑quddiesa kuljum fid‑9:30am fuq TVM+, Knisja.mt u Newsbook Malta. Mit‑Tnejn sas‑Sibt fuq Knisja.mt, Newsbook Malta, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Kull nhar ta’ Ħadd, il‑quddiesa tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta, l‑istazzjon tar‑radju RTK 103, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

L‑Arċisqof Charles Scicluna se jieħu sehem jew imexxi dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet:

Il‑Ħadd 1 ta’ Frar, fid‑9:30am, f’għeluq is‑60 anniversarju mir‑relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s‑Santa Sede, il‑Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal‑Istat tal‑Vatikan, se jiċċelebra quddiesa bl‑Ingliż flimkien mal‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta.

It‑Tnejn 2 ta’ Frar, fis‑6pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa għar‑reliġjużi kollha f’Jum il‑Ħajja Kkonsagrata fis‑Santwarju ta’ Santa Tereża f’Birkirkara.

Il‑Ġimgħa 6 ta’ Frar, fis‑6pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fl‑okkażjoni mill‑ftuħ mill‑ġdid tal‑Knisja tal‑Ġiżwiti fil‑Belt Valletta wara li tlestiet l‑ewwel fażi tar‑restawr tagħha.

Il‑Ħadd 8 ta’ Frar, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jieħu sehem fil‑quddiesa tal‑ordinazzjoni ta’ saċerdot ġdid tar‑Rit Grieg Kattoliku fil‑Knisja ta’ San Nikola ta’ Mira (Tal‑Erwieħ) fil‑Belt Valletta.

It‑Tnejn 09 ta’ Frar, fil‑5:15pm, l‑Arċisqof jattendi għat‑Traslazzjoni u l‑Ewwel Għasar tal‑Festa tan‑Nawfraġju ta’ San Pawl fil‑Kolleġġjata ta’ San Pawl fil‑Belt Valletta.

It‑Tlieta 10 ta’ Frar, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa pontifikali fil‑festa tan‑Nawfraġju ta’ Missierna San Pawl, fil‑Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil‑Belt Valletta.

L‑Erbgħa 11 ta’ Frar, fis‑6:30pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa li fiha jippreżenta lill‑Amministratur Parrokkjali l‑ġdid Patri Effie Mallia OFM Cap, fil‑Knisja Parrokkjali tal‑Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann.

Il‑Ġimgħa 13 ta’ Frar, fis‑7pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑gradwazzjoni ta’ ħames klieb tal‑assistenza mħarrġa mis‑Service Dogs Malta Foundation, fil‑Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard.

Is‑Sibt 14 ta’ Frar, fis‑6pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa bis‑sehem tal‑Harrow School Choir fil‑Katidral ta’ San Pawl fil‑Katidral tal‑Imdina.

Il‑Ħadd 15 ta’ Frar, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Knisja tal‑Madonna tal‑Karmnu fil‑Belt Valletta.

L‑Erbgħa 18 ta’ Frar, fid‑9am, fl‑Erbgħa tal‑Irmied l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa bit‑tberik u t‑tqegħid tal‑irmied fil‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina. Fis‑6pm jiċċelebra quddiesa bit‑tberik u t‑tqegħid tal‑irmied fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta, fejn se jkun hemm esposta r‑relikwa ta’ San Franġisk t’Assisi f’għeluq it‑800 sena minn mewtu.

Is‑Sibt 21 ta’ Frar, fis‑6:00pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa bl‑Ingliż għall‑Kattoliċi kollha li jgħixu f’pajjiżna fil‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina. 

Il‑Ħadd 22 ta’ Frar, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ San Bartilmew f’Ħal Għargħur. Fil‑5pm imexxi pellegrinaġġ penitenzjali ta’ Ħadd in‑Nies fit‑toroq ta’ Ħaż‑Żabbar, li jintemm b’quddiesa fis‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Grazzja f’Ħaż‑Żabbar fis‑6pm.