L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Imqar jekk nimxi f’wied mudlam ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi” (Salm 23:4). Dan hu li tlabna fis-Salm illum, u għedna għalhekk li l-Mulej, li hu r-ragħaj tagħna, imexxina dejjem, anke fil-mumenti mudlama tal-ħajja. B’kuntrast mal-“wied mudlam”, hemm dan li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju, meta jgħid: “Jiena d-dawl tad-dinja” (Ġw 8:12). Dan hu d-dawl li jgħinna fil-mumenti kollha tal-ħajja tagħna, imma speċjalment fil-mumenti l-iktar mudlama.
Mill-bidu nett lil Ġesù narawh bħala d-dawl. Niftakru meta kien ippreżentat fit-tempju, u Xmun ħadu f’dirgħajh, u qal fuqu: “dawl biex idawwal il-ġnus” (Lq 2:32). U fil-bidu tal-Evanġelju skont San Ġwann, proprju fl-ewwel versi, hemm fuq Ġesù li dan kien “id-dawl veru” (Ġw 1:9) li ġie biex idawwal il-ħajja ta’ kull bniedem, “id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux” (Ġw 1:5)
X’jiġifieri Ġesù hu d-dawl? Nifhmu dan meta aħna niftakru x’jagħmel id-dawl. Id-dawl jurina x’hemm. Jurina x’hemm madwarna, jurina r-realtà kif inhi. Bid-dawl ma nitfixklux. U d-dawl jurina wkoll it-triq minn fejn għandna ngħaddu. Mingħajr id-dawl inkunu f’periklu, inkunu f’riskju. Hu f’dan is-sens li Ġesù hu d-dawl tagħna. Għax Ġesù jurina r-realtà kif inhi. Proprju bis-saħħa tiegħu nistgħu nagħrfu x’hemm fina, fir-realtà ta’ ħajjitna, imma wkoll madwarna. Imma mhux biss jurina r-realtà, imma huwa wkoll id-dawl li jdawwal it-triq tagħna, jurina minn fejn irridu ngħaddu f’ħajjitna. Jurina x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
Għalhekk, meta aħna naċċettawh tassew bħala d-dawl għal ħajjitna, ma tkunx biss li nifhmu li hu d-dawl imma li l-ħajja tagħna mbagħad tkun tassew imwieżna minnu, tkun tassew immexxija minn dan id-dawl biex nimxu fit-triq it-tajba. Hu permezz tiegħu li aħna nagħrfu l-verità mill-gidba, li nagħrfu dak li hu sewwa minn dak li hu ħażin.
Ġesù jgħid ħaġa oħra wkoll, li hi importanti għalina. Meta ħares lejn id-dixxipli tiegħu, f’mument minnhom qalilhom: “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14). Għax ried li dan id-dawl li huwa hu, meta aħna naċċettawh, imbagħad jgħinna biex aħna nkunu dawl għall-oħrajn. Kemm hu sabiħ meta aħna niftakru li għandna din il-missjoni: li aħna nkunu tant qrib ta’ dan id-dawl li hu Ġesù, li nistgħu ngħinu lill-oħrajn fil-ħajja tagħhom, billi aħna nkunu dawl għalihom – dawl għal kull min b’xi mod jew ieħor għaddej minn żminijiet mudlama, minn diffikultajiet fil-ħajja, dawl li jurihom it-triq it-tajba.
Din hi t-talba li nixtieq nagħmel illum lill-Mulej għalina lkoll: biex aħna nagħrfuh bħala d-dawl għal ħajjitna, u għalhekk naċċettawh dejjem ħa jurina lilna nfusna, ir-realtà, imma wkoll it-triq li għandna nimxu u jagħtina l-qawwa biex nimxuha; u bl-għajnuna tiegħu nkunu aħna, bix-xhieda ta’ ħajjitna u bil-kelma ta’ ġid, dawl għall-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta