L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu” (Mt 1:1). B’dawn l-ewwel kelmiet jiftaħ l-Evanġelju skont San Mattew, u jibda b’lista twila ta’ ismijiet, wieħed wara l-ieħor, ta’ nies li huma antenati ta’ Ġużeppi, il-missier putattiv ta’ Ġesù. Hemm stejjer twal dwar dawn l-antenati u d-diversità tagħhom. Imma nixtieq li qalb dawn il-ħafna ismijiet ninnutaw il-kelma li tinstema’ kontinwament f’din is-silta tal-Evanġelju: il-kelma “nissel” u magħha nisel jew tnissil. Hemm qisu ritornell f’din is-silta. U fl-aħħar parti tal-Evanġelju għandna mbagħad ir-rakkont tat-tnissil ta’ Ġesù, u s-sehem ta’ Marija u Ġużeppi f’din il-ġrajja.
Tnissil u twelid
Jolqotna l-fatt li l-Kelma ta’ Alla titkellem b’insistenza fuq it-tnissil waqt li l-festa li qed niċċelebraw illum hi l-festa tat-twelid ta’ Marija. Forsi nistaqsu: għaliex f’din il-festa t-tnissil hu magħqud b’rabta hekk kbira mat-twelid? Hemm konnessjoni kbira ta’ waħda mal-oħra. Fil-fatt, fil-festi speċjali ta’ Ġesù u ta’ Marija li niċċelebraw hemm din l-għaqda flimkien tal-festa tat-tnissil mal-festa tat-twelid. Disa’ xhur ilu ċċelebrajna t-tnissil ta’ Marija bla dnub – il-festa tal-Kunċizzjoni – jiġifieri l-bidu tal-ħajja tagħha, illum niċċelebraw il-jum tat-twelid tagħha, meta twieldet fostna. Issib min jgħid illum “baqa’ tliet xhur għall-Kunċizzjoni”, imma fil-fatt l-iktar li tifhem il-festa hu meta tmur lura u tagħraf li l-festa tat-twelid illum tiġi disa’ xhur wara l-festa tat-tnissil tagħha. L-istess nagħmlu għal Ġesù – niċċelebraw it-twelid fil-25 ta’ Diċembru u t-tnissil tiegħu disa’ xhur qabel, fil-25 ta’ Marzu.
Fil-ħajja tagħna, hemm dejjem din il-konnessjoni tat-tnissil u t-twelid flimkien. Kif nafu, it-tnissil hu l-bidu tal-ħajja umana; it-twelid hu meta dil-ħajja ġdida tidher fostna. Il-messaġġ fejn tidħol Marija, Omm il-ħajja, hu dejjem wieħed ta’ apprezzament tal-ħajja ta’ kulħadd, tal-għożża tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Dan hu l-messaġġ li tagħtina llum, fil-festa tat-twelid tagħha, meta l-ġenituri tagħha setgħu jgawdu din il-ħajja ġdida li twieldet.
Tfakkarna li l-ħajja hija għażiża, il-ħajja ta’ kulħadd hija għażiża u l-ħajja ta’ kulħadd għandha tkun protetta, anke ta’ min għadu ftit ċelloli fil-ġuf tal-omm. Din hemm bżonn li aħna nirrepetuha għax hawn min imexxi l-idea kerha li mat-tnissil hemm ħajja umana jekk taċċettaha; u jekk ma taċċettahiex, ma hemm xejn, hemm biss ftit ċelloli li tista’ teqridhom jew tiddisponi minnhom. Tarbija jekk aċċettata, ftit ċelloli insinifikanti jekk ma taċċettahiex. Imma nafu li mhux hekk fil-fatt: il-ħajja umana qiegħda hemm anke jekk mhijiex aċċettata, anke jekk hemm min iqarraq bih innifsu u jgħid li mhijiex hemm. Għalhekk il-festa tat-twelid ta’ Marija tfakkarna kemm irridu noqogħdu attenti minn kultura li hi kontra l-ħajja, kultura li tagħżel liema ħajja tipproteġi u tħares bis-sħiħ, u mill-banda l-oħra liema tista’ tiddisponi minnha. Tħeġġiġna biex ngħożżu l-ħajja umana mill-ewwel mument tal-eżistenza tagħha sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha.
Il-Vitorja
Huwa proprju dan il-ħsieb tal-għożża tal-ħajja li jgħaqqad din il-festa ta’ Marija Bambina mal-Istorja ta’ pajjiżna li llum jiċċelebra l-festa tal-Vitorja. Hemm rabta ta’ din il-festa mal-Istorja ta’ pajjiżna. Illum infakkru partikolarment żewġ ġrajjiet importanti fl-Istorja ta’ Malta, żewġ assedji – l-ewwel l-Assedju l-Kbir tal-1565, meta sewwasew fit-8 ta’ Settembru, wara xhur sħaħ ta’ attakki, in-nies tal-Imperu Ottoman irtiraw wara li kienu ilhom jassedjaw lil pajjiżna b’qawwa u għamlu dan wara l-għajnuna li waslet lill-Maltin minn flotta minn Sqallija, il Gran Soccorso, il-ġurnata ta’ qabel. Kien Assedju iebes u l-Maltin baqgħu dejjem rikonoxxenti lejn Omma Marija għal din ir-rebħa li saret f’Jum twelidha. U t-tieni Assedju huwa dak tal-gwerra dinjija meta fit-8 ta’ Settembru 1943 it-Taljani rtiraw mill-gwerra u dan fisser rebħa għal Malta wkoll, li sofriet tant imwiet u qerda fil-gwerra.
X’naraw f’dawn il-ġrajjiet storiċi? Naraw qabel xejn il-ħidma kbira tal-Maltin biex jipproteġu l-ħajja umana, għax l-Assedji kienu jfissru mwiet. Fil-qalba ta’ dawn il-ġrajjiet hemm il-protezzjoni tal-ħajja tal-Maltin. U naraw ukoll il-fiduċja sħiħa f’Marija Ommna li proprju fil-festa tat-twelid tagħha seħħew dawn iż-żewġ avvenimenti kbar ta’ ġid għal pajjiżna. Għalhekk dan il-jum baqa’ magħruf bħala Jum il-Vitorja – Jum ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt.
Ferħ kbir
Il-messaġġ f’dan il-jum li għandu rabta mal-ġrajjiet storiċi ta’ pajjiżna hu l-istess wieħed li tagħtina l-festa ta’ Marija Bambina: ir-rebħa hi dejjem meta tirbaħ il-ħajja fuq il-mewt; it-telfa hi dejjem meta l-ħajja ma tkun tfisser xejn u niddisponu minnha. Għalhekk Jum il-Vitorja jfakkarna fir-rebħa tal-ħajja, u fil-bżonn li aħna dejjem naħdmu għar-rebħa tal-ħajja. Hekk inkunu qed niċċelebraw bl-aħjar mod u bl-isbaħ mod din il-ġurnata hekk kbira u sabiħa.
Fis-Salm għedna “Nifraħ b’ferħ kbir fil-Mulej!” (Salm 13). Dan jixbah ħafna l-kliem tal-Innu tal-Magnificat ta’ Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). Illum hu jum ta’ ferħ kbir u ta’ ringrazzjament lil Alla li tana lil Marija, Omm Ġesù u Ommna wkoll, Omm il-ħajja. Aħna u niċċelebraw bil-ferħ u b’ħafna mħabba t-twelid tagħha, it-twelid ta’ Ommna lkoll li dejjem ħarsitna tul is-snin, nitolbuha b’fiduċja biex tkompli tipproteġina u biex ikollna dejjem l-istess spirtu tagħha. Nitolbuha speċjalment biex bħalha naħdmu bis-sħiħ għall-ħarsien u l-protezzjoni tal-ħajja umana u niftakru li hemm hi tassew il-Vitorja, ir-rebħa tagħna personali u tas-soċjetà tagħna: ir-rebħa tal-imħabba fuq il-mibegħda, tal-paċi fuq il-ġlied, tal-ħajja fuq il-mewt.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta