L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kienu għaddew 40 jum mit-twelid ta’ Ġesù, u Ġużeppi ħa lill-omm u lit-tarbija Ġesù Ġerusalemm, kif titlob il-liġi. Mar biex jippreżenta lil dak li quddiem il-liġi kien ibnu, tant li San Luqa stess jirreferi għal Ġużeppi, fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, bħala missieru: “missieru u ommu” (Lq 2:33). Mar Ġerusalemm biex jippreżenta lil Ġesù, kif trid il-liġi.  

L-ewwel dettall li nixtieq noffri għal din ir-riflessjoni, li taħbat ukoll iċ-ċelebrazzjoni li qegħdin nagħmlu tas-60 anniversarju mill-inkurnazzjoni tax-xbieha għażiża ta’ San Ġużepp li seħħet fl-1 ta’ Mejju, imma qed nikkomemorawha llum, hija li l-offerta ta’ dan il-missier kienet offerta tal-fqar. Il-liġi kienet tgħid li, biex tifdi lill-iben, toffri ħaruf; imma jekk ma tkunx tista’ toffri ħaruf, tista’ toffri żewġ bċieċen jew par gamiem. L-Evanġelju ta’ San Luqa ma jsemmihx lill-ħaruf. L-offerta li jsemmi f’idejn Ġużeppi hija l-offerta tal-ifqar nies: “par gamiem jew żewġ bċieċen” (Lq 2:24). Din hija waħda mill-ftit indikazzjonijiet tal-faqar li fih kienet tgħix il-familja ta’ Nazaret, tal-faqar ekonomiku ta’ San Ġużepp, imma lill-Mulej tah kollox. 

Il-Mulej għażel lilu. Żgur li ma għażlux minħabba l-ġid li kellu, żgur ma għażlux minħabba l-poter li kellu. Dak li jgħidilna l-Evanġelju dwar San Ġużepp huwa sempliċi, imma profond: “kien raġel ġust” (Mt 1:19). Ma jgħidilniex li kien raġel għaref jew li kien raġel għani, jew qawwi quddiem id-dinja; “kien raġel ġust” (Mt 1:19). Alla għażel lilu: mastrudaxxa, ħaddiem li x’aktarx jaqlagħha u jikolha, u li għallem lil ibnu Ġesù s-sengħa tiegħu. Tant hu hekk li Ġesù kien ukoll magħruf bħala l-mastrudaxxa – “Bin il-mastrudaxxa” (Mt 13:55).

It-tieni ħsieb li nixtieq noffri huwa l-fatt li għalkemm missieru u ommu, Ġużeppi u Marija, kienu semgħu l-kliem tal-anġlu dwar l-identità ta’ din it-tarbija, Marija tilqa’ l-istedina tal-anġlu Gabrijel li jgħidilha biex issir omm Alla, u jispjegalha li dak li se jsir fiha u fil-ġuf tagħha huwa bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li t-tifel tagħha jitla’ “fuq it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb” (Lq 1:32-33), u l-missjoni tiegħu hija li jeħles lil ħutu, lilna, minn dnubietna. 

Ġużeppi wkoll, fil-ħolma, jingħata ħjiel tal-identità ta’ Ġesù. L-anġlu, fil-ħolm, jgħidlu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20). U jifhem Ġużeppi li din it-tarbija hija frott l-Ispirtu qaddis tal-Mulej, u li hu ġie afdat bit-trobbija bħala bniedem tal-Iben ta’ Alla, magħmul bniedem. Imma fl-istess ħin, meta jisma’ flimkien ma’ Marija, il-kliem ta’ Xmun, Ġużeppi xorta waħda jistagħġeb. Għax Xmun, dan ir-raġel xwejjaħ, raġel ġust ieħor, “li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael” (Lq 2:25), meta jilqa’ f’dirgħajh lil din it-tarbija, induna bil-faqar ta’ din il-familja mill-offerta ċkejkna li taw. Tant hu hekk li f’diversi ikonografiji ta’ San Ġużepp inġibuh bil-gaġġa b’żewġ gamimiet, jew inkella b’żewġ bċieċen. Allura seta’ jinduna li dawn kienu familja fqira ħafna. Imma xħin jilqa’ f’dirgħajh lil Ġesù, jgħid: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni… dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2:29-30,32). Għal dan il-kliem, jgħid l-Evanġelju ta’ San Luqa li għadna kemm smajna, “missieru u ommu baqgħu mistagħġba” (Lq 2:33). Mhux l-ewwel darba li jistagħġbu. 

Ejjew nieqfu ftit fuq dan l-atteġġjament ta’ Ġużeppi u Marija quddiem l-opri ta’ Alla. Aħna, ħafna drabi rridu li Alla jispjegalna kollox, irridu nifhmu kollox. Marija u Ġużeppi tgħallmu, fis-silenzju u fl-ubbidjenza, jaduraw il-misteru ta’ Alla, jaduraw il-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, jaduraw il-fatt li din it-tarbija mwielda minn Marija, afdata f’idejn Ġużeppi, hija d-dawl tal-ġnus u l-glorja ta’ Iżrael. Imma mbagħad, f’dak li huwa misteru ta’ ferħ, fl-istess ħin ukoll ta’ dulur, Ġużeppi jkollu jisma’ l-profezija ħarxa fuq x’ser nagħmlu aħna lill-Iben ta’ Alla. Xmun idur fuq l-omm u jgħidilha li dan it-tifel tiegħek, dawl tal-ġnus u salvazzjoni, glorja ta’ Iżrael, “dan se jkun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Se jkun hemm minna li jifhem min Hu u ma jilqgħux, iwarrbu. Saħansitra tant merejnieh li qtilnieh. 

Hemm kwadri sbieħ ta’ dan il-mument tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju li jpoġġu lil Xmun ikellem lill-Madonna, li fi ħdanha għandha lit-tarbija Ġesù, u lil Ġużeppi, li qed jisma’ x’qed jgħid Xmun, ħosbien fin-nofs. Hemm kwadru sabiħ ta’ Giovanni Bellini. Huwa pittur Venezjan, rinaxximentali, ta’ kapaċità kbira, li għandu żewġ kwadri tal-preżentazzjoni b’dawn it-tliet figuri. Li jolqotni fil-preżentazzjoni ta’ Bellini hija l-ħarsa ta’ San Ġużepp: ħarsa mbikkma, ħarsa inkwetata. Fi kwadru minnhom iħares biċ-ċiera minn taħt – b’kapaċità kbira tal-artist – lejn Xmun. Donnu meta jisma’ li Marija u Ġesù se jgħaddu minn persekuzzjoni, u lil Ġesù se jmeruh, u lil din l-omm se jinfdilha qalbha sejf ta’ dulur, San Ġużepp jinġibed lura. Għax l-istint tiegħu, mill-bidu nett, kien istint qawwi ta’ protezzjoni.

Allura nixtieqkom tifhmu l-qalb ta’ San Ġużepp f’dan il-mument. L-ewwel nett il-qalb li tadura l-misteru ta’ Alla meta jifhem, bil-kliem ta’ Xmun, min hu tassew dan it-tifel, u jkollu konferma. Għax seta’ jgħid: u iva, dik kienet ħolma. Imma issa, fit-tempju ta’ Ġerusalemm, qed jisma’ lil Xmun iħabbar bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu kliem li għalih huwa konferma. Mela mhux ħolma ħolma, imma hija ħolma tassew speċjali. Ġużeppi kellu bżonn joħlom iżjed, għax minn hawn u ftit ieħor, fil-ħolm jgħidlu: aqbad kollox u mur l-Eġittu. Imbagħad erġa’ lura, imma tmurx hemmhekk issa; erġa’ mur xi mkien ieħor. Imma Ġużeppi dejjem jisma’ u jobdi. 

Dak li għalina huwa kommoventi u impressjonanti, huwa l-istil ta’ protezzjoni ta’ San Ġużepp. Huwa raġel ġust li jifhem, li għalkemm il-fatti juruh li l-għarusa tiegħu hija tqila minn xi ħadd ieħor, u li jista’ jagħtiha għat-tħaġġir: noqtol lilha u lit-tarbija li għandha fil-ġuf, San Ġużepp ma jagħmilx hekk. San Ġużepp irid isalva lill-mara u lit-tarbija, lit-tnejn; mhux wieħed iva u l-oħra le, lit-tnejn. “Għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19). Huwa l-anġlu tal-Mulej li jgħidlu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija” (Mt 1:20). Għax meta tilqa’ lil Marija, se tilqa’ wkoll lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.

Illum jgħidu li huwa Jum il-Mara. Naħseb li kuljum għandu jkun Jum il-Mara, u mhux illum biss. L-irġiel ukoll, suppost kuljum. Nispera li aħna l-irġiel, dejjem irġiel, kull jum tas-sena u n-nisa dejjem nisa, kull jum tas-sena. Nitolbu lil San Ġużepp illum biex ikun protettur tan-nisa, b’mod speċjali tan-nisa tqal, bħalma kien protettur ta’ Marija, u salva lill-omm u lill-iben. Min jista’ jifhem, ħa jifhem. 

San Ġużepp, fl-ubbidjenza tiegħu għal-liġi, jgħallimna wkoll li l-fiduċja f’Alla hija l-aqwa investiment. Mhux bilfors fehem kollox San Ġużepp, imma kellu fiduċja kbira fil-Mulej; u kien jaf ukoll, li għalkemm sema’ affarijiet kbar dwar it-tifel, il-ħajja mhux se tkun dejjem faċli. Aħna nifirħu b’San Ġużepp u nitolbu l-interċessjoni tiegħu, imma nixtieq li nifhmu li, kemm San Ġużepp u kemm il-Verġni Mbierka Marija, obdew lil Alla fl-inżul u t-tlajja tal-ħajja; għax il-ħajja għalihom kienet ukoll inżul u tlajja. Mhux hekk ngħidu aħna l-Maltin? Il-ħajja hija nżul u tlajja; daqqa għan-niżla u daqqa għat-telgħa. 

Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġużepp biex aħna jkollna l-umiltà tiegħu u l-fiduċja tiegħu. Wara kollox, meta aħna ninkurunaw xbieha ta’ qaddis, xi rridu ngħidu? Mhux biss nesprimu l-imħabba u d-devozzjoni tagħna, imma nkunu qed nesprimu t-talba tagħna, ħerqana biex San Ġużepp ikun għalina ta’ eżempju, u jkun għalina patrun u protettur. Jien, illum, inpoġġi lid-djoċesi tagħna, lil pajjiżna, f’riġlejn San Ġużepp, taħt il-ħarsien imbierek, qawwi u mqaddes tiegħu. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Ġer 18:18-20
Salm: 30 (31):5-6,14,15-16
L-Evanġelju: Mt 20:17-28


More Photos