L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Hemm żewġ sentenzi f’dan il-kliem ta’ Ġesù li huma iebsa ħafna, hu u jitkellem ma’ dawn in-nies. Jgħidilhom: Il-Kelma ta’ Alla ma tinsabx fikom; u jgħidilhom ukoll: l-imħabba ta’ Alla ma tinsabx fikom. Jgħidilhom hekk Ġesù għax kien qed jitkellem ma’ nies li ma ridux jemmnu fih u jaċċettawh. Kienu qishom dawk in-nies li smajna fuqhom fl-Ewwel Qari meta Alla jgħid fuq il-poplu: dan hu poplu ta’ ras iebsa.
U Ġesù l-istess. Beda jara li dawn in-nies ma ridux jaċċettawh. Jgħidilhom: minkejja x-xhieda kollha li hemm. F’din is-silta jsemmilhom erba’ xhieda għalih. Jgħidilhom li kien hemm Ġwanni l-Battista li l-missjoni tiegħu kienet proprju li juri lil Ġesù: dak hu li aħna qed nistennew. Kien hemm il-Missier ukoll, li fil-magħmudija ta’ Ġesù nstema’ l-leħen tiegħu jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi”. Jgħidilhom li anke jekk tqallbu l-Iskrittura ssibu li fuqi kienu qed jitkellmu fil-passat. Kienet tħejjija għall-miġja ta’ Ġesù. U jgħidilhom ukoll li lanqas l-għemejjel li qed nagħmel jien ma taċċettaw. Jekk tħarsu lejn dak li qed nagħmel, bħall-mirakli, ma taċċettawhomx u tibqgħu ma temmnux.
Kien qed jgħid Ġesù: minkejja dawn ix-xhieda kollha, dawn in-nies għamlu qisu għamad quddiem għajnejhom biex ma jarawx, saddew widnejhom biex ma jisimgħux u biex fih ma jemmnux u ma jaċċettawhx. Għalhekk Ġesù jgħidilhom: il-Kelma ta’ Alla ma tinsabx fikom, l-imħabba ta’ Alla ma tinsabx fikom.
Dal-kliem hu ta’ għajnuna għalina fil-ħajja tagħna. Biex aħna niftħu għajnejna u widnejna, u speċjalment niftħu qalbna għal Ġesù. Biex aħna naċċettawh, biex il-Kelma tiegħu tkun fina u l-imħabba tiegħu tkun f’qalbna.
Tajjeb li f’dan iż-żmien, meta jkollna aktar ħin id-dar, nieħdu bis-serjetà din il-Kelma ta’ Ġesù u nsiru iktar midħla tal-kelma tiegħu. Insiru iktar nafuh u iktar inħobbuh. Ħalli naċċettawh tassew u ħalli fuqna Ġesù jkun jista’ jgħid: il-Kelma ta’ Alla tinsab fikom u l-imħabba ta’ Alla qiegħda f’qalbkom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju