L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Wikkiel u sakranazz” (Mt 11:19). Dawn huma żewġ titli li taw lil Ġesù, u li hu jsemmihom fl-Evanġelju llum. Jgħid li xi nies kienu jgħidu fuqu li hu “wikkiel u sakranazz”.
Hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq ir-reazzjoni ta’ diversi nies kemm għal Ġwanni l-Battista u kemm għalih. Fuq Ġwanni l-Battista, qalu: “Għandu fih xitan” (Mt 11:18). U fuqu, li hu “wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u tal-midinbin”. Forsi dan kien għaliex in-nies kienu tip ta’ nies li ma tikkuntentahom b’xejn? Hawn min hu hekk; hawn min jekk toħroġ ix-xemx igerger għax ix-xemx u għax is-sħana, jekk tagħmel ix-xita jilmenta mix-xita, jekk tagħmel ix-xita u toħroġ ix-xemx fl-istess ġurnata wkoll ma jiħux gost! Hawn min ma tikkuntentah b’xejn.
Imma hawnhekk hemm xi ħaġa aktar minn hekk. Hawn Ġesù qed jitkellem fuq ir-reazzjoni tan-nies għall-Aħbar it-Tajba, u jsemmi żewġ tipi ta’ nies. Hemm dawk li kienu indifferenti, meta jgħid: “daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom in-niket u ma bkejtux!” (Mt 11:17) – dawk li ma jinteressahomx mill-kelma ta’ Alla u jiġu jaqgħu u jqumu, jibqgħu għaddejjin. Isemmi wkoll lil dawk li ma jilqgħux il-kelma, imma jopponuha u anke jinsulentaw lil min iħabbarha. Huma żewġ tipi ta’ nies li għalqu qalbhom għall-kelma ta’ Alla. Għalhekk meta ġie Ġwanni l-Battista u wassal il-kelma ta’ Alla, flok daħlu miegħu fi djalogu fuq xi ħaġa li ma jaqblux, bdew jinsulentaw lilu. U Ġesù l-istess, flok tkellmu miegħu bi spirtu ta’ djalogu, bdew jinsulentawh. U nafu li mhux biss li hu “wikkiel u sakranazz” qalu fuq Ġesù, anzi f’post minnhom jgħidulu agħar minn dak li qalu fuq Ġwanni l-Battista, għax jgħidu li hu mmexxi mill-“prinċep tax-xjaten” (Mt 12:24), meta Ġesù kien qed ikeċċi x-xjaten. Għalhekk għandna lil dawn in-nies li lil Ġesù ma jilqgħuhx u l-kelma tiegħu jirrifjutawha.
X’inhu l-messaġġ importanti għalina llum għall-ħajja tagħna? L-ewwel nett, li aħna ma nkunux indifferenti, imma nilqgħu l-kelma ta’ Alla f’ħajjitna, u nħalluha tinżel f’qalbna biex tagħmel il-frott. Niftakru li l-kelma ta’ Alla lilna tagħtina d-dawl f’ħajjitna, ġieli tkun ta’ sfida għall-ħajja tagħna, ġieli turina fejn sejrin żball u fejn irridu noqogħdu attenti biex ma nitqarrqux. Hi l-kelma li lilna tagħtina l-għajnuna, tagħtina l-faraġ, imma wkoll li tħeġġiġna biex nikkonvertu. Din hi l-kelma ta’ Alla li dejjem tagħmel ġid f’ħajjitna, u li meta ngħixuha, nagħrfu kemm hu veru dan il-kliem li jgħid Ġesù: “L-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess” (Mt 11:19).
Imbagħad, il-kelma ta’ Alla llum tħeġġiġna biex aħna mhux biss nilqgħuha imma nwassluha lill-oħrajn, u biex qatt ma naqtgħu qalbna meta nwasslu din il-kelma lill-oħrajn. Għaliex se jkun hemm min jilqagħha, u se jkun hemm min jirrifjutaha. Se jkun hemm min joħroġ ukoll b’xi titli, bħalma għamlu lil Ġesù. Jekk għamlu hekk lil Ġesù, ma jagħmlux hekk ukoll lid-dixxipli tiegħu? Imma Ġesù jħeġġiġna għall-perseveranza, biex qatt ma naqtgħu qalbna u nkomplu mexjin, inwasslu dak li hu sewwa. Se jkun hemm min jirrifjutaha din il-kelma, imma din mhix responsabbiltà tagħna. Kultant nidħlu f’dan il-ħsieb li għax ikun hemm min jirrifjuta l-kelma ta’ Alla, allura jkun falliment tagħna. Imma jekk aħna nwassluha b’fedeltà, mhux falliment tagħna. Il-falliment ikun jekk aħna ngħawġu l-kelma, biex min ikun qed jisma’ togħġbu l-kelma li qed ngħidu. Imma li aħna nwassluha b’fedeltà, hemmhekk inkunu qed nagħmlu dak li l-Mulej jixtieq minna. Importanti li qatt ma naqtgħu qalbna, inkomplu nwasslu dil-kelma b’kuraġġ u b’fedeltà sħiħa lejn dak li jitlob minna l-Mulej.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna nkunu dejjem lesti li nilqgħu dil-kelma f’ħajjitna, ma nirrifjutawhiex, u ma nkunux indifferenti għaliha; u nitolbuh biex inwassluha lill-oħrajn dejjem b’ħafna sensitività imma b’mod ċar, u bil-qawwa kollha li jagħtina l-Mulej.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta