L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelji li se nibdew nisimgħu f’dan iż-żmien tal-Għid jippruvaw jispjegawlna mhux biss xi tfisser li Ġesù qam mill-mewt imma wkoll xi tfisser il-magħmudija għax aħna, permezz tal-magħmudija dħalna fil-misteru, fir-realtà tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet.
Hekk nagħmlu wkoll fis-sagrament tal-qrar, fis-sagrament tal-griżma tal-morda, hekk nagħmlu f’kull quddiesa li niċċelebraw. Aħna minn hawn u ftit ieħor se ngħidu ‘nfakkru l-mewt tiegħek, inħabbru bil-ferħ il-qawmien tiegħek’.
Ġesù jispjega l-magħmudija bħala twelid mill-ġdid u twelid mill-ispirtu li jagħti lin-Nisrani libertà ġdida, libertà li tgħum fl-imħabba ta’ Alla. Nistaqsu lilna nfusna: aħna li tgħammidna, ħafna minna meta konna trabi, jien ngħum fl-imħabba ta’ Alla? Konxju li Alla, meta jħares lejja, jħobbni? Dan hu l-misteru kbir tal-magħmudija li permezz tiegħu aħna, meta nitolbu lil Alla, ngħidulu ‘Missierna’.
Ma’ Nikodemu li kien għaref tal-liġi, Ġesù jipprova jispjega li jekk mhux se jemmen f’din il-ħaġa li hi pedament importanti, allura se jkun hemm diffikultà biex imbagħad jemmen il-ħwejjeġ tas-sema. Ġesù jgħidilhom: “Jekk intom ma temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ tal-art”, din l-esperjenza li aħna minn issa nduqu l-ġenna, “kif sejrin temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema?” (Ġw 3:12).
Konxju li Alla, meta jħares lejja, jħobbni? Dan hu l-misteru kbir tal-magħmudija li permezz tiegħu aħna, meta nitolbu lil Alla, ngħidulu ‘Missierna’.
Ġesù jkompli jispjega li l-passjoni tal-Mulej, il-passjoni ħarxa tiegħu, Ġesù juża l-kelma ‘jintrefa’’ meta “jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem” (Ġw 3: 14), jintrefa’ għax jissallab, isallbuh, jarbulawh propju jsallbuh ma’ għuda ħarxa tas-salib, imma fl-istess ħin dak il-mument hu wkoll parti minn dal-proċess ta’ mewt u qawmien, li hu wkoll l-irfigħ tal-Mulej fis-sema.
“Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-Bniedem li niżel mis-sema” (Ġw 3:13). Ġesù allura juża dan il-moviment ta’ rfigħ kemm għall-passjoni kemm ukoll għall-qawmien tiegħu mill-imwiet, li hu marbut ħafna mat-tlugħ is-sema tiegħu.
Tajjeb nibdew – ma nistgħux nifhmu kollox f’daqqa u nfiehmu kollox f’daqqa – imma ftit ftit aħna u nisimgħu dawn l-Evanġelji ta’ żmien l-Għid – għandna 50 jum (diġà għaddiet ġimgħa minn dawn il-50 jum) – nippruvaw nifhmu l-kobor ta’ din il-ħaġa straordinarja tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta