L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kemm hu kliem ta’ faraġ dan il-kliem ta’ Ġesù. Qed jgħidilna ċar u tond li hemm rieda ċara tal-missier. Irid li kull wieħed u waħda minnha naslu fid-destinazzjoni tagħna. Id-destinazzjoni tagħna hi waħda: il-post imħejji għalina. Dejjem timpressjonani l-espressjoni ta’ Ġesù meta jilqa’ lil dawk li f’ħajjithom ikunu laqqgħuh fil-proxxmu: “kont bil-ġuħ u tmajtmuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35). Jgħidilhom: “Idħlu fil-hena ta’ sidkom” (ara Mt 25:21) fl-għamara mħejjija għalikom sa mill-bidu tad-dinja. Meta jikkundanna lil dawk li jiddeċiedu li m’għandhomx bżonnu jgħidilhom “morru fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-Xitan u l-anġli tiegħu” (Mt 25: 41). U timpressjonani din għaliex hemm alternattiva għall-ġenna – il-Mulej jiskansana kif ngħidu – imma mhix imħejjija għalina.
Jekk hemm għamara mħejjija għalija u għalik hija dik li nkunu ma’ Alla li huwa mħabba u r-rieda tiegħu hi ċara – li ħadd ma jintilef. Anzi l-ordni li ta lill-Iben li ma jħalli lil ħadd jaħrablu minn taħt idejh. Evidentement l-misteru tal-libertà ta’ kull wieħed u waħda minna hu tremend. Il-Mulej għandu rieda qawwija li jsalvak. Jekk inti ma tridx tgħix miegħu, il-libertà li tak, jirrispetta wkoll. Hija responsabbiltà tremenda li għandna. Aħna u niftakru fl-aħwa tagħna li ħallewna, il-maħbubin tagħna, missirijietna, ommijietna, min jiġi minna – tant nies li forsi kienu hawn magħna bħal-lum sena u riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa. U llum inħossu l-preżenza tagħhom fil-misteru tax-xirka tal-qaddisin u ta’ dawk li frott il-ħniena t’Alla qegħdin jgħaddu minn proċess ta’ tisfija. Mhuwiex proċess ta’ ħin imma hu proċess. L-għorrief Insara tawh isem ta’ tisfija – purgatorium – purgatorju tfisser proċess ta’ tisfija mhux post. Hi wkoll espressjoni tal-ħniena t’Alla. Alla, li meta jsejjaħlek jinduna li l-bagalja għadha mhix ippakkjata kollha, jgħidlek ħa ntik naqra ċans – niftiehmu bejnietna.

Kemm hi kbira l-ħniena t’Alla li anki fil-punt tal-mewt ipoġġi quddiemna għażla u dawl biżżejjed biex nagħrfuh u nħobbuh! Imma l-għażla f’idejna. U jekk irridu nibdew induqu mill-ġenna minn issa, it-triq nafuha. Niltaqgħu miegħu fil-proxxmu tagħna. Trid tidra l-hena tal-ġenna? Iltaqa’ miegħu waqt li għaddej fit-triq, anki meta jkun imżejjen bl-antipatija kollha tad-dinja, għid dan Ġesù. Mhux faċli imma possibbli għax hu jgħinna. Għandna dover nitolbu għal ħutna mejtin. F’din il-ħajja lkoll kemm aħna, għandna ċ-ċans nesprimu l-imħabba tagħna. Il-mument tal-mewt huwa terribbli. Meta mbagħad ikollok bżonn l-għajnuna ta’ ħutek. Għalhekk illum niftakru wkoll f’ħutna li m’għandhomx min jiftakar fihom għax aħna familja waħda. Aħna istintivament bħal-lum niftakru fl-imħabbiet kollha ta’ ħajjitna, fil-persuni kollha li ltqajna magħhom – li ħabbewna u ħabbejniehom jew li kiddewna u kiddejniehom imma hemm eluf ta’ nies li forsi mietu weħidhom jew ma kellhom ħadd li jkun ħdejhom. Dawk ukoll huma parti mill-familja tagħna.
Illum nitolbu wkoll għal tant vittmi tal-vjolenza, il-ġuħ u l-mard fid-dinja – il-vittmi tal-inġustizzja.
Illum nitolbu wkoll għal tant vittmi tal-vjolenza, il-ġuħ u l-mard fid-dinja – il-vittmi tal-inġustizzja. Dawk qegħdin quddiem Alla, jitolbu l-ħniena tagħna u kif qal il-Mulej meta tkellem fuq il-fqir li semmieh Lazzru – qegħdin fi ħdan Abraham. Ejjew nitolbu mhux biss għal ħutna mejtin imma għall-grazzja li aħna meta naħsbu fil-mewt tagħna ma nitwerwrux. Tgħid x’tgħid il-mewt dejjem kerha. Ġesù, l-iben t’Alla magħmul bniedem, beka quddiem il-mewt tal-ħabib tiegħu Lazzru. Fl-Evanġelju hemm vers wieħed biss li għandu żewġ kelmiet. Huwa propju meta Ġesù quddiem il-qabar ta’ Lazzru jinduna li tilef ħabib u hemm vers fl-Iskrittura li jgħid hekk: “Ġesù beka” (Ġw 11:35).

Il-bikja tagħna hija qaddisa għax hija l-ħlas tal-imħabba u jekk beka l-Imgħallem, min jien jien biex ma nibkix quddiem it-telfa ta’ xi ħadd għażiż. Imma r-risposta tal-Imgħallem ma tiqafx hemm. Il-bikja tan-Nisrani hija bikja ta’ mħabba imma hemm ukoll it-tama tal-qawmien għax Ġesù jinsisti, l-ordni li għandi jien li nagħtikom il-qawmien għall-ħajja. U fil-Kredu ngħidu: “Nemmen fil-qawmien mill-imwiet.”
U llum waqt li nitolbu għal ħutna mejtin, nikkonfermaw lilna nfusna f’din il-fidi. Nemmen fil-qawmien mill-imwiet u f’jum il-Mulej, ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej li fuq mewt setgħana ħareġ rebbieħ.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġob 19:1,23-27a
Salm: 26
Qari II: Rum 19:1,23-27a
L-Evanġelju: Ġw 6:37-40





